L-Aħħar 13

Ivan De Battista – Kittieb, Poeta, Attur, Direttur, Produttur – mhux wiċċ ġdid għal ħafna minna. Niftakruh fost oħrajn bħala attur prinċipali f’Pupi, Il-Kristu tal-Kerrejja (2008) u F’Salib it-Toroq u De Battista kien ukoll Direttur tas-serje popolari Prima Facie u bħalissa tas-serje Tfal. Ħa ħsieb ukoll id-Direzzjoni u l-Produzzjoni ta’ Snajja Maltin. Bħala awtur iddebutta bil-ġabra ta’ poeżiji Irwiefen li ħareġ fl-1999. Minn dak in-nhar ma waqafx, u issa f’idejna għandna rumanz ieħor ta’ Ivan De Battista bl-isem L-aħħar 13. Rumanz li jirrakonta l-aħħar 13-il jum ta’ raġel li “twieled taħt sħaba sewda u donnu baqa’ jgħix taħtha”. L-aħħar 13…sakemm il-qarrej jispiċċaw b’sorpriża. Rumanz li jġagħlna nirriflettu fuq il-ħajja li waqtiet jaf tkun kiefra, tant li jkun diffiċli li toħroġ mic-ciklu vizjuż li wieħed jidħol fih, kawża ta’ diversi fatturi. Xi wħud mill-problemi nġibuhom b’idejna, u l-protagonista ta’ dan ir-rumanz, dan jagħrfu tajjeb, tant li jħoss li kien jistħoqqlu l-kastig għal dak li għamel. Iżda l-kawża li twassal għal dawn il-problemi, bosta drabi ma jkollniex kontroll fuqha, hekk kif għandna propju f’dan ir-rumanz – vittma tas-soċjeta’ u fuq kollox tal-familja tiegħu stess. In-nanna li kienet tipprostitwixxi ruħha, l-omm li tant sofriet sabiex trabbi lil binha – il-protagonista tal-istorja, li iżda wkoll ma tantx gawda iż-żwieġ sfortunat tiegħu ma’ mara li spiċċat taqlibielu mal-avukat li għamlulu ħajtu infern. Spiċċa iżolat u mċaħħad minn ibnu.

Waqt li qed naqra dan ir-rumanz, b’xi mod fakkarni fl-interpretazzjonijiet monologi mill-aqwa li kien għamel fuq il-Palk l-attur ieħor magħruf Mario Micallef. Huwa karba mill-bidu sal-aħħar ta’ karattru li fi kliem l-awtur twieled taħt stilla ħażina. Madankollu huwa wkoll rakkont li jżommok mill-bidu sal-aħħar taqrah. Il-kitba ta’ De Battista faċilment idaħħlek fl-ispirtu tar-rakkont, u jżommok f’suspens sal-aħħar – sal-aħħar 13. Wieħed japprezza wkoll il-ġmiel tal-lingwa Maltija, imħaddma ferm tajjeb mill-awtur, b’espressjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum li ma jnaqqsu xejn mill-valur letterarju u ma jillimitawx lill-awtur f’dak li jrid iwassal. Fil-fatt inħoss, li min jaħseb li b’xi mod l-ilsien Malti huwa nieqes mill-vokabolarju u neħtieġu għalhekk nużaw kliem mislut minn ilsna barranin, tajjeb li jħares lejn dan il-ktieb u jkollu eżempju tajjeb ta’ lsien pajjiżna mħaddem sew mingħajr ma jnaqqas jew jillimita lill-awtur.

Ir-rakkont mhuwiex daqstant ‘il bogħod mill-ħajja tan-nies. B’xorti ħażina, kif ngħidu l-ħmar il-magħkuż idur għalih id-dubbien. U misħut il-vizzju tagħna li nikkundannaw u niġġudikaw. Kullħadd għandu qalb li tħoss, anke jekk miss mal-vizzji, għax għal xi wħud il-ħajja hija diffiċli, ‘b’passat iebes, preżent krudili.” Kurżita’ oħra fuq in-numru 13, li għal xi wħud li huma superstizzjużi jqisjuh li jġib xorti ħażina. Min jaf? B’nofs ċajta ngħid li ma domtx 13 –il jum naqra dan il-ktieb, għax iżommok imwaħħal miegħu sakemm tispiċċah.See Translation— with Ivan De Battista.

Mumenti

L-ewwel ħaġa li laqtitni fil-poeżiji ta’ Casha hija l-maturita’ ta’ dan il-kittieb u poeta: Maturita’ fil-kitba u maturita’ fil-ħsieb. Poeta li mexa vjaġġ twil u joffrilna dawn l-esperjenzi flimkien ma’ ħsus ta’ imħabba, xewqat, uġigħ, u fidi. Kif jistqarr il-poeta stess f’ “Li kieku kont” (paġna 13):
“Li kieku nista niġbor
xi wħud mit-tifkiriet
li bihom darba qalbi
b’tant hena, ferħ imtliet.”

Madankollu jħoss li dan biss jista jagħmlu “fil-ħolm li jtir mar-riħ”. Waqt li bl-ebda mod ma nista’ mmur kontra l-ħsieb tal-poeta, ikolli ma naqbilx u nazzarda ngħid li rnexxielu jiġbor mhux biss it-tifkiriet, u l-ħsus tiegħu imma anke l-ħolm tajjeb ferm permezz ta’ din il-ġabra li għandna f’idejna. Fil-fatt, dan il-ktieb narah bħala tkomplija għal awtobijografija li Casha ħareġ fl-istess żmien Jien ukoll għandi storja xi ngħid, din id-darba taħt bixra poetika.
Il-ħajja hija vjaġġ, u dak li jfittex il-poeta huwa is-serħan. Wara kollox il-bniedem ifittex li jkollu l-ferħ f’ħajtu, u dan Casha isibu fil-kwiet, hekk kif jidher fil-poeżija “Il-vjaġġ” (p.9), fejn jistqarr li dak li jagħmlu verament hieni huwa s-serenita’ u t-trankwillita’. Forsi dan l-għarfien huwa esperjenza aktar matura ta’ bniedem li bħal kull bniedem ieħor iġarrab bosta esperjenzi f’ħajtu. Dan il-vjaġġ ikun aktar avventuruż meta l-bniedem ikun aktar żagħżugħ fejn toħlom li ma tixrobx imrar u “fejn kollox ward u zahar” hekk kif insibu fil-poeżija “Ħriġt” (p.10). Malajr iżda l-poeta jintebah li mhux kullħadd jixtieqlek il-ġid, anzi issib “sriep” b’ħarsa “li tixbah lil tal-ħbieb”.
Il-poeta huwa konxju wkoll li dil-ħajja mhijiex eterna. Din it-tema tal-eżistenzjaliżmu hija qawwija ħafna fi “Ħsieb ta’ Mument” (paġna 16)
“Iż-żejt fil-kus qed jonqos.
M’għadux kif darba kien.
U naf li darba nitlef
Il-ġlieda kontra ż-żmien.”

Casha jirrifletti fuq il-ħajja u l-ħolqien f’diversi vrus oħra. Jirringrazja lil Ħallieq tal-għasafar u t-tjur (Lilek Mulej) għalkemm waqt li jagħraf is-sbuħija ta’ madwaru dejjem iżomm f’moħħu li xejn ma jiżboq il-ġmiel tal-Ħallieq. It-tema tal-eżistenzjaliżmu tkompli toħroġ f’diversi poeżiji oħra fosthom Ċrieki, Ħajja Ġdida, Wara biebek Mulej eċċ.

L-element reliġjuż jinħass sew ukoll fil-poeżiji bħal “Inkun qed nistenniek” (p.4) fejn “f’jum xitwi b’temp imsaħħab” li naturalment tindika it-tbatija li waqtiet bħala bnedmin ikollna ngħaddu minnha, il-poeta jsib serħan fi “knisja ċkejkna mwarrba” ujj donnu jsib is-serħan quddiem kurċifiss. Il-ħsieb li l-Mulej insibih fis-skiet, nerġgħu narawh fil-poeżija “Fittixtek” (p.8). Lil Alla ma nsibuhx f’dak kollu li hu materjali imma “f’kappella minsija xi mkien qalb l-għelieqi”.
L-aħħar sitt poeżiji tal-ktieb huma bil-lingwa Ingliża, li bħal dawk bil-Malti l-awtur jagħmel għażla tajba tal-kelma u huma mirqumin kemm fil-ħsieb kif ukoll fil-lingwa. F’din il-ġabra, minkejja li bħal f’kull bniedem ieħor huwa evidenti li l-poeta mhux dejjem kellu esperjenzi sbieħ, u waqtiet anke ġarrab mumenti ta’ solitudini u tbatija, jiena f’din il-kitba nara wkoll ħafna pożittivita’. Il-poeta jħares lejn il-ħajja b’mod sabiħ, u mimli tama (Hope), minkejja li ħafna drabi l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħna jispiċċaw fix-xejn (Elf ħolma).
Charles Casha żgur li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Tana numru kbir ta’ kotba (li diffiċli nsemmuhom kollha) bosta minnhom popolari mmens, xi wħud anke ngħid li jġibu nostalġija għal dawk minna li meta konna żgħar niftakru li konna nużaw xi wħud minn dawn il-kotba sabiex intejbu l-ħiliet tagħna fil-lingwa bħalma huma Id-Dudu (1981), Il-Ġrajja tad-Dudu (1981), Kun Af (1987), Kemm taf (1987). Niftakru wkoll l-istejjer qosra umoristiċi għat-tfal fosthom il-famużi stejjer ta’ Fra Mudest, u avventuri għat-tfal bħal Il-Misteru ta’ San Luċjan u aktar riċenti Il-Misteru tal-Maqluba (2001). Casha huwa rebbieħ ukoll ta’ diversi konkorsi letterarji.

(L-Orizzont, 31 ta’ Mejju 2014) 

L-Anġlu tal-Lament

Ir-rumanzi huma tant għal qalb il-Maltin u mfittxija bil-bosta. Carlo D’Emanuele qed jippreżentalna rumanz li żgur mhux se jiddiżappunta, “L-Anġlu tal-Lament”. In-narratur jiltaqa’ ma’ James Oldens fuq żewġ titijiriet lejn Frankfurt fuq xogħol, karattru kemmxejn stramb. Bejniethom tinbed ħbiberija partikolari iżda fit-tieni u l-aħħar vjaġġ li għamlu flimkien għal Lisbona, James beda jinkwieta fuq l-uġigħ li kellu f’ġenbu għalkemm pprova ma jagħtix każ u jieħu gost. Madankollu ftit wara n-narratur sema li James kien miet.

Ir-rumanz huwa dwar dan il-vjaġġ intimu u personali fejn joħroġ fil-beraħ il-passat ta’ James. It-trobbija ta’ James ma kinetx waħda faċli, l-aktar għall-fatt li sofra abbuż fiżiku u emozzjonali mill-familja tiegħu stess. Lil James, in-narratur għamel xi żmien ma baqax jarah, “minħabba d-deadlines tax-xogħol kif ukoll minħabba attivitajiet familjari” (p.8). Madankollu bdew jiġru fih affarijiet li ġagħluh jaħseb bħal jitla’ xi ħadd fuq tal-linja u jgħolli rasu, bħal donnu l-ispirtu tal-persuna jiġbdu lejh. James jintebah li n-narratur kien qed jaħseb fuq l-ispirtu u jibdew dan il-vjaġġ straordinarju ta’ spiritwalita’, fejn jiddiskutu fost oħrajn, ħolm, anġli u anke inkarnazzjoni. “Inti ġieli kellek ħolm rikorrenti? Bħal ngħidu aħna toħlom li qed tara lilek innifsek f’xi sitwazzjoni jew epoka differenti?”(p.64) darba staqsieh James. Naraw ukoll aktar ‘il quddiem l-esperjenza ta’ sesswalita’ u fl-istess ħin ta’ għotja billi James kien qed jitħajjar ukoll għal saċerdot. Fost oħrajn insibu Vanessa, il-waitress li ltaqgħu magħha Lisbona u l-interess tas-sagristan fejn James esperjenza l-ewwel bewsa ta’ raġel.

L-awtur jintebah li James miet wara li dan ma kienx niżel mill-ajruplan. Għal darb’oħra, il-memorja ta’ James kultant tintesa mal-ħafna affarijiet oħra tal-ħajja. Imma l-ispirtu tiegħu donnu baqa’ hemm u l-preżenza tiegħu kien jarha u jħossha il-ħin kollu.

L-Anġlu tal-Lament huwa ktieb mimli misteri, ħolm u jdaħħlek f’dinja oħra. Miktub b’lingwa mexxejja ħafna, huwa wkoll attwali ħafna tant li jlaqqgħana ma media soċjali kontemporanja, gazzetti lokali onljan, kif ukoll ġrajjiet li ġraw tassew. Minn dan l-ambjent realistiku ta’ persuna qrib l-erbgħin, fil-kuntest lokali Malti u b’esperjenzi fil-belt kulurita ta’ Lisbona, joħroġ ukoll dak li hu spiritwali u traxxendentali. Ktieb li jżommok taqrah.
(L-Orizzont, 19 ta’ Mejju 2014)

Klessidra

L-ewwel darba li ltqajt mal-kitba ta’ Lillian Sciberras kien permess tal-ġabra tagħha flimkien ma’ Mario Vella Wara r-Repubblika. Mal-ewwel Sciberras tat indikazzjoni tal-kitba tagħha u bdew jidhru ħsus favur l-emerġinat u xenqa li titlaq mill-għanqbut tal-imgħoddu u li tħares lejn soċjeta’ aktar moderna u progressiva. Bħala poeta iżda, rrid ngħid ukoll li Sciberras mill-ewwel għarfet tħaddem tajjeb l-ilsien Malti, b’għażla tajba ta’ kliem li jiddistingwu l-poeżija minn proża. Għażla minn dawn il-poeżiji nsibuhom miġbura wkoll fl-ewwel sezzjoni ta’ din il-ġabra. Wara r-repubblika dan il-pajjiż beda jaħseb biex jimxi ‘l quddiem wara sekli sħaħ ta’ ħakma barranija u dik ta’ soċjeta’ iddominata mill-Knisja u mill-forzi oħra konservattivi.
“Bħal katavri ta’ wirdien u ħlejqiet oħra mmermra
Bis-saħta siekta ta’ sekli barranin
Fl-oqrba Barokki”
(Iż-żifna tal-katavri)

Ma jistax jonqos li l-poetessa li hija wkoll edukatriċi tirrifletti dwar is-sistema edukattiva li hija tant għall-qalb. Hija dik l-edukazzjoni li tnaffar il-kreattivita u l-innovazzjoni u minflok tinkoraġġixi l-passivita’.
“Il-pitazzi, b’paġni maqtugħin
u bit-tiċlis tal-linka sewda
qaluli għal darb’oħra l-istejjer
minsuġa minn moħħ għażżien,
u bkejt il-ħrejjef li tgħalllimt
u tant għożżejt.”
(Fil-kaxex tat-tfulija)

Id-drittijiet tal-mara huma wkoll elementi importanti mmens fil-kitba ta’ Sciberras, l-aktar meta wieħed jara l-kuntest li fis-snin 80 dawn kienu għadhom neqsin ħafna. Kien fil-fatt f’dawk iż-żminijiet li bdejna naraw bosta drittijiet ċivili ġodda li jħarsu d-drittijiet tal-mara. It-tkasbir tad-dinjita’ tal-mara narawha mfissra bl-aktar mod qawwi fil-poeżija “Il-Ballata tal-Ballata”. U għalhekk naraw aspett ieħor importanti tal-poetessa: Mhux biss li twassal messaġġ imma li tħoss għall-ħaddieħor, partikolarment għall-emarġinat u l-batut.

Matul il-medda tas-snin, il-ħsibijiet ta’ Sciberras aktar immaturaw, forsi nazzarda ngħid saru anqas ribellużi. Dawn narawhom fit-tieni sezzjoni fejn insibu poeżiji li għalkemm ġew pubblikati f’diversi antoloġiji jew ġurnali, qed narawhom miġbura għall-ewwel darba f’dan il-ktieb. Il-poetessa tosserva l-iċeken elementi li forsi ftit li xejn nosservaw fil-ħajja tallum u temanċipa ruħha ma’ min qed ibati, kemm bniedem u saħansitra annimal. Ninnota wkoll din ir-rabta man-natura, u jissemmew fost oħrajn, il-baħar, sħab, ix-xtieli, ħamiem, qtates (Veduta tal-baħar), fenek (Dwar agunija ta’ fenek), gremxula, riħ (Ħarifa) u bosta oħrajn. Tgħanni wkoll lill-baħar (Għanja tal-baħar) u lill-ftuħ (Għanja tal-ftuħ). Minkejja l-maturita’ fil-ħsieb li semmejt aktar ‘il quddiem, Sciberras xorta waħda tixxennaq għall-ħelsien fil-ħsieb:

“Fis-sema sadattant
Il-gawwi li ġie jżurna”
Imħarrek u kurjuż,
Jiżfen fil-għoli ż-żifna tiegħu bla tfixkil
Fil-wisa’ ħielsa tas-smewwiet.”
(Hekk kif tinħass ġol arja x-xitwa)

Il-metafora tal-gawwi insibuha wkoll f’poeżiji oħra f’din il-ġabra. Sciberras ukoll tixxennaq li tmur lura fit-tfulija, fejn tgħix “għal ftit, il-kenn u l-għożża tat-tfulija u l-ġabra, u l-għaqda, u t-tinbix ta’ aħna u nitrabbew” Li tħares lura, tagħraf aktar l-identita’ tiegħek, “imqar biex nikkonferma x’mingħalija” (Bħal minutiera ta’ arloġġ li waqaf jaħdem). Din ix-xenqa narawha f’bosta poeżiji oħra. “Tifkira” ngħidu aħna hija dedikata lil ommha, waqt li “Tifkira II” lil missierha. Interessanti l-fatt li minkejja l-ispirtu ta’ avventura, t’għatx għall-bidla saħansitra jekk hija riskjuża, xorta tistaqsi “Għaliex ma nibqgħux dejjem hawn ingawdu l-kenn li tagħti din il-bitħa?” (Tifkira). Huwa evidenti ħafna li r-rabta mal-familja tagħha hija b’saħħitha maghha, mhux biss mal-ġenituri imma wkoll ma’ ħutha.

Dr Lillian Sciberras hija lekċerer fl-Universita’ ta’ Malta u tat servizz kbir fil-Librerija tal-istess Universita’. Waqqfet ukoll id-Dipartiment tal-Istudji Bibljotekarji Artistiċi u tal-Informazzjoni. Minbarra poeżiji kitbet ukoll proża li ġew pubblikati f’Happenstance: Tales of Circumstance. Klessidra: Versi taż-żmien maħrub, għandu daħla ta’ Dr Adrian Grima.
(L-Orizzont, 19 ta’ Mejju 2014)

Il-Kummidjanti tal-Parlament

L-esperjenza ta’ Salv Sammut fil-kamp trejdjunjonistiku magħġuna mal-pinna tajba tiegħu speċjalment f’dik li hija narrattiva huma elementi ta’ dan il-ktieb li wieħed m’għandux jitlef. Id-dibattitu jaħraq fiż-żmien tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, u l-pożizzjoni ta’ Unjin kbira, il-General Workers Union li minn banda qed tara numru ta’ vantaġġi bi sħubija, u min-naħa l-oħra hija nkwetata wkoll u kommessa sabiex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema partikolarment dawk f’xogħlijiet manwali li kienet tirrapreżenta ma jiġux mittiefsa, huma sfond kruċjali f’dan il-xogħol ġdid ta’ Salv.

Kien għalhekk f’waqtu li l-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Horizons Publications għadha kif ħarget rumanz ġdid biex hi wkoll tagħti sehemha fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-avveniment importanti fl-istorja politika u soċjali ta’ Malta. Dan ir-rumanz, bl-isem ta’ Dijaspori ġie miktub minn Salv Sammut, kittieb ta’ rumanzi soċjali oħra kif ukoll kotba tal-poeżija.

Fost il-karattri prinċipali ta’ dan ir-rumanz insibu lil Rebecca, tfajla bint laburist konvint li kienu qed jibżgħu li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja ser ikun ifisser l-għeluq tat-tarzna fejn kien jaħdem missierha, jekk jinqatgħu is-sussidji. Niltaqgħu ukoll ma’ Pavel, poeta slovak fis-snin ta’ qabel u wara l-invażjoni sovjetika f’dik li qabel kienet iċ-Ċekoslovakkja li kien jaħdem fil-qrib ma’ Alexander Dubcek u kittieba Ċekoslovakki oħra biex jeħilsu lil pajjiżhom mill-ħakma komunista. It-tielet karattru li niltaqgħu miegħu huwa Ronald, uffiċjal għoli fil-General Workers Union li jħossu fin-nofs jitqabad id-dijaspora ġewwenijia tiegħu bejn dak li jemmen fih huwa u l-post ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja u l-lealta’ tal-pożizzjoni li jkollu.

Dan ir-rumanz jerġa’ jqanqal bosta memorji u emozzjonijiet ta’ dawk il-mumenti fejn id-dibattitu jekk nidħlux fl-Unjoni Ewropeja kien wieħed jaħraq. Huwa wkoll mafkar ħaj għal dawk kollha li ħadmu bis-sħiħ kemm favur u kemm kontra is-sħubija, biex fl-aħħar mill-aħħar jaraw li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
(L-Orizzont 3 ta’ Mejju 2014)

Dijaspori

L-esperjenza ta’ Salv Sammut fil-kamp trejdjunjonistiku magħġuna mal-pinna tajba tiegħu speċjalment f’dik li hija narrattiva huma elementi ta’ dan il-ktieb li wieħed m’għandux jitlef. Id-dibattitu jaħraq fiż-żmien tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, u l-pożizzjoni ta’ Unjin kbira, il-General Workers Union li minn banda qed tara numru ta’ vantaġġi bi sħubija, u min-naħa l-oħra hija nkwetata wkoll u kommessa sabiex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema partikolarment dawk f’xogħlijiet manwali li kienet tirrapreżenta ma jiġux mittiefsa, huma sfond kruċjali f’dan il-xogħol ġdid ta’ Salv.

Kien għalhekk f’waqtu li l-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Horizons Publications għadha kif ħarget rumanz ġdid biex hi wkoll tagħti sehemha fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-avveniment importanti fl-istorja politika u soċjali ta’ Malta. Dan ir-rumanz, bl-isem ta’ Dijaspori ġie miktub minn Salv Sammut, kittieb ta’ rumanzi soċjali oħra kif ukoll kotba tal-poeżija.

Fost il-karattri prinċipali ta’ dan ir-rumanz insibu lil Rebecca, tfajla bint laburist konvint li kienu qed jibżgħu li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja ser ikun ifisser l-għeluq tat-tarzna fejn kien jaħdem missierha, jekk jinqatgħu is-sussidji. Niltaqgħu ukoll ma’ Pavel, poeta slovak fis-snin ta’ qabel u wara l-invażjoni sovjetika f’dik li qabel kienet iċ-Ċekoslovakkja li kien jaħdem fil-qrib ma’ Alexander Dubcek u kittieba Ċekoslovakki oħra biex jeħilsu lil pajjiżhom mill-ħakma komunista. It-tielet karattru li niltaqgħu miegħu huwa Ronald, uffiċjal għoli fil-General Workers Union li jħossu fin-nofs jitqabad id-dijaspora ġewwenijia tiegħu bejn dak li jemmen fih huwa u l-post ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja u l-lealta’ tal-pożizzjoni li jkollu.

Dan ir-rumanz jerġa’ jqanqal bosta memorji u emozzjonijiet ta’ dawk il-mumenti fejn id-dibattitu jekk nidħlux fl-Unjoni Ewropeja kien wieħed jaħraq. Huwa wkoll mafkar ħaj għal dawk kollha li ħadmu bis-sħiħ kemm favur u kemm kontra is-sħubija, biex fl-aħħar mill-aħħar jaraw li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
(L-Orizzont 3 ta’ Mejju 2014)

Fatti u Personaġġi

Għada l-Knisja Kattolika tkun qed tiċċelebra l-akbar festa tagħha. Huwa għalhekk li anke f’din il-paġna, kif għamilna anke fl-aħħar paġna letterarja iddedikajniha għal dawn il-ġranet tant importanti għall-insara, u nistgħu ngħidu hekk anke fl-aspetti kulturali u reliġjużi ta’ dan il-pajjiż.

Lil hinn mit-tradizzjoni imma, Mary Haber O.F.S tgħinna nirriflettu ftit aktar fil-profond fuq din il-ġrajja fuq il-personaġġi ewlenin tal-Għid il-kbir. Min kienu ix-xhieda ewlenin li Ġesu’ ta’ Nazaret qam tassew mill-mewt? Partikolarment hemm Marija ta’ Magdala (paġna 24-34), li minn dejjem kienet qrib ħafna ta’ Ġesu’ u baqgħet miegħu sal-aħħar. Imma wkoll hemm xhieda oħra importanti, fosthom l-għassiesa li kif anke nsibu fil-ktieb “wieħed jista’ jaħseb li ma kinux ftit!” (paġna 35). Kienu bosta dawk li raw lil Ġesu’ ħaj wara li qam mill-imwiet, u l-ktieb jagħmel bosta referenzi, fosthom MK 16:12-13 u LQ 24:36, fost oħrajn. La darba semmejna lil Marija ta’ Magdala, irridu ngħidu li n-nisa kienu protagonisti f’din il-ġrajja tant importanti, li jiena personali nħoss li l-istorja li toħroġ minn soċjeta’ patrijarkali ma tagħmilx ġustizzja magħhom. Għalhekk kien f’waqtu li Haber tiddedika kapitlu (paġna 20) propju għan-nisa li ssejħilhom “l-appostli tal-Għid”.

Il-ktieb jagħti wkoll dettalji storiċi importanti mmens, fosthom kif Ġużeppi minn Arimatija keffen lil Ġesu’ f’liżar nadif. Ma jonqosx ukoll it-tagħlim spiritwali li Haber tipprova toħroġ minn din il-ġrajja, partikolarment ħsibijiet misluta mill-Iskrittura. Ta’ min wieħed jgħd ukoll li dan il-ktieb huwa bil-permess tal-Knisja u għandu introduzzjoni ta’ Fr Hayden.

Haber tatna mhux inqas minn 36 ktieb bosta minnhom ta’ natura reliġjuża u spiritwali. L-istil tagħha huwa wieħed li jista jinqara u jiġi miftiehem minn kullħadd, bi kliem sempliċi u dirett imma mirqum ħafna. Dan huwa ktieb li mhuwiex biss marbut ma’ jum wieħed, imma għal dawk li jemmnu, huwa skoll sors t’għajnuna biex din l-akbar ġrajja għall-Insara tibqa’ tiġi mgħixa matul is-sena kollha.
(L-Orizzont, 19 t’April 2014)

L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Fis-27 t’April 2014 se jiġu kanonizzati l-Papa Ġwanni Pawlu II u Papa Ġwanni XXIII. Inkitbu bosta kotba dwar dawn iż-żewġ Papiet maħbubin: Il-Papa Ġwanni XXIII, il-Papa tal-Konċilju jew kif kien magħruf bħala l-Papa twajjeb u l-kbir Papa Ġwanni Pawlu II. Lil Papa Ġwanni Pawlu II bosta minnha niftakruh, għexnieh, rajnieh kemm f’pajjiżna u kif ukoll bosta drabi fuq il-mezzi tax-xandir. It-tfal iżda, ma jiftakruhx bħalna. Kien għalhekk f’waqtu li joħroġ ktieb għat-tfal, propju fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II.

Il-ktieb L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II għandu kitba ta’ Frank Zammit, persuna li nistgħu ngħidu li huwa espert tal-Vatikan, u ġie addattat għat-tfal minn Rita Saliba, awtriċi llum stabbilita li nafuha għal bosta kotba tagħha anke ma’ tfal u żgħażagħ. Il-ktieb jinkludi it-twelid ta’ Karol Wojtyla., meta sar saċerdot u Isqof u dak li għamluh Papa daqstant kbir. Fil-funeral tiegħu instema’ għajjat ta’ “Qaddis minnufih”. Insibu wkoll dwar dak li wassal biex dan il-Papa jersaq lejn din il-Kanonizzazjoni, fosthom il-mirakli. Interessanti ħafna wkoll ix-xhieda ewlenija tal-Papa Kbir fosthom Isqfijiet u Kardinali li ħadmu qrib tiegħu. Il-ktieb gie pubblikat kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz (The Life of Pope John Paul II).

Il-ktieb mhux sempliċiment jiġbor il-ġrajjiet ewlenin tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II, imma wkoll irid iwassal diversi valuri propju mill-ħajja tal-Papa Qaddis. Ngħidu aħna insibu dwar l-imħabba sinċiera, il-maħfra u t-tama.

Il-ktieb fih 100 paġna b’45 illustrazzjoni oriġinali tal-artist David Schembri. Nafu li t-tfal jiggustaw ktieb bl-istampi u t-tipa kif ukoll l-istampi jappellaw ħafna għat-tfal.

It-tnedija uffiċjali tal-ktieb se ssir il-Ħamis 10 ta’ April fl-Iskola St Dorothy’s Haż-Żebbug u se ssir minn Mons. Arcisqof Pawlu Cremona (u għalhekk se tkun ukoll esperjenza għal dawk kollha li ser jattendu għal din il-preżentazzjoni). Inħeġġu għalhekk li tattendu għal din it-tnedija uffiċjali.
Ta’ min wieħed ifakkar li Kite Group għadhom kif ħarġu il-ktieb George Abela: Qalb in-nies, u matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet mijiet ħarġu bi ħġarhom sabiex jixtru dan il-ktieb.

Dawn iż-żewġ kotba jinsabu għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba jew jistgħu jinxtraw minn fuq www.kitegroup.com.mt.
(L-Orizzont, 5 t’April 2014)

L-Għ u l-H fil-Malti

Lil Tuse’Costa lkoll nafuh għan-novelli ħelwin tiegħu partikolarment iduru mal-Kappillan. Costa’ għandu numru ta’ kotba fosthom Dak l-imbierek ta’ Kappillan li ħareġ għall-ewwel darba fl-1971. Madankollu Tuse’ Costa’ tana wkoll kemm diversi traduzzjonijiet fosthom Marċellino Ħobż u Nbid li ħareġ fl-1983, kif ukoll żewġ ġabriet ta’ poeżiji.

Hawnhekk għandna quddiemna ktieb tal-Grammatika. M’hemmx dubju li l-aktar żewġ ittri li jħawdu lil dawk kollha li jiktbu bil-Malti, jew qed jistudjaw il-Malti huma l-għ u l-h. Il-kumplessita’ ta’ dawn iż-żewġ ittri tfixkel lil xi wħud, mhux biss għax f’ċerta pożizzjonijiet dawn ma jinstemawx, imma wkoll meta għandhom jinkitbu, u meta jinħassu waqt li qed naqrawhom. Għaldaqstant Costa’ ħass li għandu jippreżentalna din l-ispjegazzjoni sabiex tkun ta’ siwi kemm “għall-istudenti, għalliema u kittieba”. Kif jgħid fid-daħla tiegħu, ma kienx l-iskop tal-awtur li jdaħħal kull kelma li fiha dawn iż-żewġ ittri, u għalhekk għażel li jħalla barra kliem arkajku u li nqata’ mill-vokabolarju tagħna. Dan, fl-opinjoni tiegħi, jagħmel il-ktieb ħafna aktar faċli u relevanti għall-użu ta’ kuljum. Forsi m’huwiex it-tip ta’ ktieb li l-istudjuż se jfittex biex jara xi għerq rari ta’ xi verb fil-Malti li ilu li nqata’ mit-taħdit ta’ kuljum. Imma żgur li huwa l-ktieb ideali li l-istudent se juża jekk se jersaq għal xi eżami tal-lingwa Maltija. Se jkun ta’ referenza siewja għall-għalliema u l-kittieba sabiex jevitaw żbalji ortografiċi forsi fl-aktar kliem li fihom nistgħu niżbaljaw.

Interessanti l-kurżitajiet dwar l-GĦ, fil-bidu ta’ dan il-ktieb. Ngħidu aħna, “L-Għ fil-bidu tal-kelma hija dejjem siekta…Bħala regola ġenerali l-għ ma tinstemax ukoll meta tkun f’nofs il-kelma…Imma hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola” (paġna 9). Fost dawn l-eċċezzjonijiet l-awtur isemmielna żbagħt, jew żbagħna. Jidhirli li dawn it-22 ispjegazzjoni differenti fil-bidu tal-ktieb waħidhom, ġa huma biżżejjed għal dawk li huma diġa forsi midħla tal-ilsien Malti sabiex wieħed jasal biex jikkonjuga xi verb jew ieħor. Imma l-awtur ma riedx li l-ktieb tiegħu ikun sempliċiment tifsir grammatikali, imma għandna wkoll referenza sabiex jekk għal xi raġuni jew oħra wieħed irid jara jekk il-kelma kitibiex tajjeb. Għalhekk, insibu lista twila ta’ kliem bil-għajn, u ħafna drabi kif dan jiġi konjugat.

Żgur li dan il-ktieb huwa kontribut serju għal ilsien pajjiżna, li tant inħobbu.
(L-Orizzont, 22 ta’ Marzu 2014)

Lupu Lupettu, Serafin, Kukku, Rosetta Banana

Żgur li Malta ixxurtjati li f’din il-gżira żgħira insibu numru sabiħ ta’ kotba għat-tfal bil-Malti. Numru ta’ kittieba li ma nistax insemmihom kollha hawn, għarfu jiktbu stejjer ħelwin għat-tfal jew jadattaw xogħoljiet barranin b’ilsien Pajjiżna.

Bl-iżviluppi ġodda fil-qasam edukattivi, fejn it-tfal saru aktar parteċipi u fiċ-ċentru tat-tagħlim, il-kotba bdew jilħqu aktar l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal. Ma’ dan l-iżvilupp wieħed ma jistax ma jsemmix il-kompetizzjoni li l-kotba kellhom mat-teknoloġija li llum hija parti mill-ħajja tat-tfal. Id-dinja tal-ktieb ma tistax twarrab dan il-kuntest. Dawn l-erba’ kotba ġodda, pubblikazzjoni Merlin Publishers, huma parti mis-sensiela “Id-dinja tagħna”. Il-ħsieb wara din is-sensiela kien propju dan; li joffri lit-tfal qari għall-gost b’mod fejn it-tfal mhumiex passivi imma parteċipi attivi. Il-kotba f’din is-sensiela huma biex ngħid hekk interattivi fejn it-tfal jaraw u jesperjenzaw.

L-erba’ kotba li għandna hawn huma immirati kemm għal tfal żgħar ħafna u anke għal dawk li diġa jafu jaqraw. Dan għaliex f’dik li hija estetika ivarjaw ferm ir-riċetta konvenzjonali ta’ linja wara linja mingħajr ma joħolqu diffikulta’ biex it-tfal ċkejknin li għadhom kif jibdew jaqraw, isegwu l-istorja; anzi l-aspett viżwali jgħin sabiex it-tfal jesperjenzaw dak li hemmm espress fi kliem. Ma’ dan wieħed iżid ukoll l-istampi sbieħ li mhumex qegħdin hemm biss biex ‘iżejnu’ dawn il-kotba, imma biex jgħinu lit-tfal jidħlu parti mill-istorja.

L-istejjer huma ħelwin għat-tfal ċkejkin u b’kull ktieb irid iwassal messaġġ:

Lupu Lupettu ma tantx qam burdata tajba.
Ħares fil-mera u ma ħax gost b’li ra:
ried jipprova jkun kulur differenti.
Imma l-biċċa mhix faċli daqskemm ħaseb …
Tema: il-kunfidenza fik innifsek

Kukku kantant famuż. Jiġu annimali mill-ġungla kollha biex jisimgħuh ikanta, kulħadd jaf il-kanzunetti tiegħu u ssib ritratti tiegħu ma’ kullimkien. Imma darba waħda Kukku jqum filgħodu b’uġigħ qawwi fid-darsa …
Tema: is-saħħa u l-iġjene

Serafin huwa t-tifel tar-re tad-dniefel u moħħu biex jittanta u jdejjaq lil sħabu l-ħut. Tistgħu tobsru allura li ma tantx hu popolari magħhom. Sakemm darba jeħel ma’ tieqa ta’ dgħajsa u ma jkun jista’ jinqala’ b’xejn. Ajjut! Min se jgħinu? X’jista’ jagħmel waħdu?
Tema: l-umiltà

Rosetta Banana hija ħanżira ħelwa immens, imma meta tmur skola ġdida ħadd ma jkun irid jagħmel ħbieb magħha. Jgħidu li tinten!
Imma b’xorti tajba titfaċċa Qoton, in-nagħġa, li toħroġ b’idea ġenjali biex Rosetta tagħmel il-ħbieb …
Tema: il-ħbiberija

Fejn tidħol it-tema ukoll laqatni il-mod kif inhi ppreżentata, mingħajr użu ta’ retorika, imma t-tagħlima tal-istorja toħroġ waħidha fl-istorja li tkun tat gost it-tfal. Nafu li kważi nazzarda ngħid aktar mit-tagħlim akkademiku, f’etajiet iżgħar huwa ferm importanti l-iżvilupp tal-karattru. Dawn l-istejjer allura, mhux biss iħallu t-tfal jimirħu fl-immaġinazzjoni u l-fantażija, imma waqt li qed jiggustaw dawn il-karattri, jgħinuhom ukoll jiżviluppaw il-karattru tagħhom.
(L-Orizzont, 8 ta’ Marzu 2014)See Translation— with Chris Gruppetta.