X’Seta’ Ġralu lil Kevin Cacciattolo?

Ċertament li wieħed mill-aktar kotba li konna qed nistennew kien X’Seta’ Ġralu lil Kevin Cacciattolo?, l-ewwel rumanz ta’ Mark Vella (pubblikazzjoni: Merlin Publishers). Fil-fatt konna qed nistennew b’ħerqa it-tnedija ta’ dan il-ktieb li saret fid-29 t’Awwissu 2014 peress li r-rumanz ta’ Vella rebaħ il-kompetizzjoni letterarja #abbozz li tellgħet il-Merlin waqt il-Festival tal-Ktieb is-sena l-oħra. X’seta’ ġralu lil Kevin Cacciattolo? Din hija l-mistoqsija ta’ dan il-ktieb li wieħed jibda jindaga fuqha, permezz ta’ Mark il-ġurnalista, mit-tieni nofs ta’ dan il-ktieb, wara l-għibien ta’ Kevin. Wieħed iżda ma jistenniex soluzzjoni faċli, u l-ktieb iħallik b’bosta mistoqsijiet. Lanqas huwa l-għan tal-ktieb li jasal għal din it-tip ta’ soluzzjoni, għaliex dan mhuwiex ktieb polizjesk u lanqas ta’ xi misteru li jrid jiġi solvut. Fil-fehma tiegħi, Vella jinqeda bil-ġrajja ta’ Kevin biex iqanqal diskussjoni. Fil-fatt l-aktar element li forsi jiena nammira f’dan ix-xogħol ta’ Mark Vella huwa li ma jimita lil ħadd – huwa ktieb uniku, għallinqas mhux faċli li tiddefenixxih u lanqas li tqabblu ma’ awturi oħra. Mhuwiex ktieb investigattiv bħal ta’ Mark Camilleri ngħidu aħna, lanqas jitratta t-tmeninijiet bħal Alex Vella Gera, jew l-esperjenza tal-iskola bħal Ġuże Stagno. Il-binja tal-ktieb huwa it-tejp tal-ġurnalista, imqassam prinċiparjament fl-istorja ta’ Kevin fl-ewwel parti karatterizzata mir-RWND u PLAY u dak li jseħħ wara, naturalment wara l-FFWD. L-aktar aspetti li laqtuni jiena huma: Id-dinja mill-għajnejn ta’ tifel, is-snin tmenin, u l-istil ta’ kitba. 

Id-dinja mill-għajnejn ta’ tifel 

Nistqarr li dan mhux l-ewwel ktieb li ġie f’idejja li jitħaddet dwar l-esperjenzi tal-iskola, pero f’dan il-każ huwa aktar għall-isfond milli għall-għan ewlieni. L-iskola hija d-dinja ta-tfal. Huwa l-ambjent fejn iqattgħu l-aktar ħin. Kevin isofri minn ibbuljar minn sħabu. Dawn huwa deskritt b’ħafna dettal, li bla ma trid faċilment tistħajjel ix-xenarju bħallikieku qed tara l-istampa quddiemek. Franesco “jxejjer idu kważi għal wiċċ Kevin”, ieħor “jgħajjat irrabbjat miegħu u jgħolli idu biex ikeċċih ‘l hemm” (p.38), u wara “jissikkawh mal-bieb u jibdew itux h bil-ponn” imbagħad jibda miexi “jistampah ballun ma koxxtu” u “borża tal-plastik mgħaffġa ballun tolqtu fuq rasu”. (p.39)

Bħala tifel, Kevin ma jifhimx ħafna affarijiet. U ngħid li kellu raġun biex ibigħ. Fi żmien l-ambjent tal-ktieb tagħna, u se nitkellmu dwaru aktar fid-dettal, it-tfal ftit li xejn kienu mismugħa. Imma donnu, għallinqas kif rajtha jien, lanqas il-ġurnalista ma seta’ jifhem kollox f’din id-dinja, u qisu hemm dan it-tip ta’ paralelliżmu, billi l-ġurnalista donnu kien nieqes mill-kuraġġ. U ngħiduha kif inhi: Mhux li kien kif qal wara kollox Ġesu’ ta’ Nazaret inkunu bħat-tfal! 

Is-snin tmenin 

STOP RECORD PLAY RWND PLAY. Naturalment, il-każett. Min hu ta’ mpari lkoll niftakru kemm konna nirrekordjaw lilna nfusna jew minn fuq ir-radju. L-isfond ta’ dan il-ktieb huwa s-snin t-tmenin, li jien ngħid, li waqt li aħna nerġgħu inġeddu bosta memorji, dawk li huma iżgħar minnha għandhom isibu dan il-ktieb ferm interessanti, jekk xejn għall-fatt li jaraw il-ħajja, qabel daħlu l-internet u l-mobajl. Mhijiex it-teknoloġija biss li naraw differenza imma fl-istil tal-ħajja b’mod ġenerali. 

Mhuwiex l-iskop ta’ Vella li jirrakonta dawn is-snin b’ħafna nostalġija u romantiċiżmu imma aktar qed jagħti stampa – kif diġa għidna mill-għajnejn ta’ tifel ta’ dawn iż-żminijiet. Ftit li xejn kien hawn opportunitajiet għal dawk it-tfal li jibqgħu ftit aktar lura fl-istudji akkademiċi tagħhom u fil-ħiliet sportivi. It-triq għal Kevin ma kinetx waħda faċli. “Kevin ma jirbaħx tlielaq. Kevin m’għandux midalji. U lanqas premijiet. Juan dejjem jiġi l-ewwel fl-Ingliż u Francesco għandu ħafna midalji tal-futbol. Kevin ma jiġi l-ewwel f’xejn” (p. 79). Fl-isports day, ommu ma tkunx trid tiġi “Tgħidlu li mhuwiex tajjeb u mhux se jirbaħ.” (p.80) għalkemm dan ma tgħidulux biex tweġġgħu. It-trobbija llum ukoll inbidlet, kif inbidlet il-pedagoġija, u xi wħud isostnu li minn estrem morna għall-ieħor u t-tfal qed ikollhom wisq drittijiet u huma mfissdin bl-opportunitajiet. Fi żmien ir-rakkont tagħna, l-għalliem kien juża r-riga(p.41), prattika li għall-grazzja t’Alla inqatgħet u kellha bżonn tinqata’ fl-inħawi kollha tad-dinja. 

Hawn Malta, is-snin 80 ma kinux żminijiet faċli, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ klima politika. Hu x’inhu t-twemmin politiku tagħna, llum ilkoll inħarsu lejn dawn iż-żminijiet bħala parti mill-istorja, li għaddiet biex qatt aktar ma jerġgħu jiġu. Pajjiżna evolva politikament, u bosta minna lanqas noħolmu biex ma ngħidx niskantaw kif f’pajjiżna kien hemm elementi vjolenti li naffru s-sliem. Familja sħiħa taqla’ xebgħa minħabba t-twemmin politiku tagħha (p.249). U hawn joħroġ id-dibattitu li kien ewlieni f’dawk iż-żminijiet. Wara kull att kundannabbli bla riżervi ġej minn fejn ġej, dak iż-żmien kienet tqum il-mistoqsija: Min kien wara din il-vjolenza? Xi wħud kienu jsostnu li l-istess partit kien iqabbad xi nies minn tiegħu biex jeħel il-partit l-ieħor (p.250). Imma din l-ipoteżi naturalment ma kinetx aċċettata minn xi wħud. 

L-istil 

L-aktar punt li jispikka f’dan il-ktieb huwa l-istil kif inhu miktub. Jinqata’ mill-mod tradizzjonali ta’ storja li ssegwi pass wara pass. Ir-rakkont “nisimgħuh” mill-każett. U għalhekk RWD u PLAY u niltaqgħu mal-ġrajja ta’ Kevin. Imbagħad FFWD u naraw dak li ġara wara. Il-ħsejjes bħal donnu tismagħhom għaliex Vella bil-kitba tiegħu jolqot is-sensi, tant li tistħajjel li qed tara, tisma’ u tħoss waqt li tkun qed taqra. 

L-awtur jagħmel sforzi varji biex ivarja il-kitba tradizzjonali. U f’xi bnadi jpoġġielna quddiemna wkoll it-taħdit, u anke l-kitba fosthom il-komponiment (kapitlu 4). 

Jekk nirriflettu ftit fuq dan, ta’ min ngħidu li dak li l-Litteriżmu ġdid fil-fatt mhu ġdid xejn, għaliex fi żmienna dak li ma konniex nagħmlu bil-media soċjali u l-blogs konna nagħmluh billi fost oħrajn nibagħtu xi karta minn bank tal-iskola għal ta’ warajna. Naf li bosta qarrejja ta’ din il-paġna, li tant għandhom għal qalbhom il-Malti, forsi bir-raġun, jitħassbu ftit dwar kif il-lingwa ħafna drabi tiġi miktuba ħażin permezz tal-mezzi tat-teknoloġija moderna, u saħansitra xi għalliema juru tħassib li bil-mezzi tat-teknoloġija, il-lingwa qegħda tiġi mkasbra. Waqt li wieħed dejjem għandu jipprova jikteb sew, irridu niftakru li l-lingwa qegħda wkoll biex ninqdew u l-pjattaforma diġitali bosta drabi hija estensjoni tal-grawnd tal-iskola u l-pjazza tar-raħal. Barra min hekk bosta m’għandhomx il-ħiliet bażiċi fil-kitba u forsi lanqas fil-komunikazzjoni. Dan kien minn dejjem. Fir-rumanz tagħna, Kevin tħabat mhux ftit biex jikteb sew il-komponiment (p.45), u dam mhux ftit jirranġa l-ortrografija u jaqta’ xi sentenza `l hemm u `l hawn. 

Konklużjonijiet 

Kif diġa tennejt fil-bidu, il-ktieb huwa mexxej b’deskrizzjoniiiet mill-aqwa, u joħodna minn xena għall-oħra. Vella ma jaħrablu xejn, u fit-tajjeb u l-ħażin ħadd u xejn ma jeħlisha! La Mintoff li kien Prim Ministru fit-tmeninijiet u lanqas stabbilimenti popolari f’Paceville fid-disgħinijiet. Anke l-ġurnal l-orizzont jissemma! 

U fuq kollox: x’seta’ ġralu lil Kevin Cacciattolo? Side B PLAY u nieħdu ftit ħjiel, għalkemm ngħid għalija xorta waħda bqajt b’ħafna mistoqsijiet. Fuq kollox ir-rumanz iġagħlek tirrifletti u taħseb. Nistqarr li waqtiet nistħajjel li Cacciattollo huwa f’kull wieħed minna li nosservaw, bosta drabi bla ma nifhmu, u ngħixu ċ-ċirkostanzi li mhux dejjem ikollna kontroll fuqhom. 

Ir-rumanz jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha u direttament online minnwww.merlinpublishers.com
(Paġna Letterarja, It-Torċa, 5 t’Ottubru 2014) — withMark Vella.

Leave a Comment