Issa li bdew resqin il-jiem tas-sajf nippruvaw nagħmlu suġġerimenti ta’ kotba li jistgħu jagħtukom gost, kemm sabiex naqraw waqt li nkunu qegħdin fuq il-bajjiet tagħna, u kemm jekk inkunu qed nistrieħu ġewwa fl-arja kundizzjonata. Merlin Publishers qed jippreżentawlna ktieb bil-lingwa Ingliża Two, u din hija opportunita’ sabiħa li jkollna ktieb Malti bil-lingwa Ingliża. Two mhuwiex biss ktieb Malti għax miktub minn awtur li jgħix Malta, u lanqas għax ippubblikat Malta, imma wkoll għax ambjentat Malta. Fil-fatt waqt li qed taqra Two se tidħol mal-ewwel fl-ambjent Malti. Reljić jagħraf idaħħal sew l-elementi Maltin bħalma jaf idaħħal l-elementi kollha tas-sensi li mal-ewwel il-qarrej jistħajjel jidħol fix-xeni ippreżentati fil-ktieb. Minkejja li tradizzjonalment bosta jippreferu rumanzi Maltin, f’ġimgħa waħda biss mill-pubblikazzjoni, Two laħaq il-ħames post fil-klassifika tal-iżjed kotba mibjugħin f’Malta.
Miktub fl-ewwel persuna, u rrakontata mill-għajnejn ta’ William, tifel ta’ disa’ snin, li l-vaganza tiegħu f’Malta tispiċċa f’sensiela ta’ żjarat l-isptar. Il-fantazija tat-tfal twassalna għal ħrejjef li kienet tirrakontalu ommu dwar tifel jismu Vermillion. Ommu ssofri attakk tal-qalb u tispiċċa f’koma u ma titkellimx (p.33). L-awtur, dejjem mill-perspettiva tat-tifel jirrakonta dwar in-nanna, ftit storbjuża, u d-dar bi tliet sulari: l-ewwel wieħed mudlam u jwassal biss għall-ġnien, it-tieni sular fejn hemm il-kmamar tas-sodda u l-kċina u t-tielet sular il-bejt (p.34). Din id-dar twasslu wkoll għal kurżita’ dwar fejn trabbiet ommu u li jkompli jgħarrex fil-ħsibijiet tiegħu u f’dinja ta’ misteri. Il-kapaċita’ ta’ Reljić hija kif jagħraf jalludi għall-koma, mill-għajnejn ta’ tifel żgħir. Dak li żgur ma jimmaġinax it-tifel huwa li ommu ma titkellimx, għaliex fuq kollox tant jiftakar mingħandha l-istejjer (p.24). Għaldaqstant l-awtur jagħżel li minflok jiffoka fuq dawn l-istejjer. F’dawn il-ħrejjef ukoll nara l-ħila ta’ dan l-awtur jien, kif minn rakkont ħiereġ mill-imaġinazzjoni ta’ tifel, joħroġ rakkont li jappella għall-adulti. Fil-fantażija u l-misteri naraw il-bir tas-sigrieti (p.45). L-awtur jagħraf iwaħħad tajjeb dawn il-ħrejjef mal-ġrajjiet reali ta’ William li minn banda qed jistaqsi dwar ommu u fl-istess ħin jidħol Vermillion kompletament jisraqslu l-immaġinazzjoi. Dak li hu ‘reali’ u dak li hu immaġinarju jimxu flimkien man-narratur.
Jien kelli x-xorti wkoll li nattendi għat-tnedija ta’ dan il-ktieb li saret fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, u ġiet organizzata b’mod innovattiv minn Creative Island. It-tnedija deqitna ftit x’nistgħu insibu fil-ktieb, l-aktar bil-karattri lebsi, u l-bir tas-sigrieti fejn ġejna nkoraġġiti nitfgħu u nieħdu sigriet, b’mod anonimu. Nemmen li Teodor Reljić għad għandu ħafna aktar x’joffrilna fil-ġejjieni, l-aktar minħabba l-karatteristiċi uniċi fil-kitba tiegħu u t-tħaddim tajjeb tal-lingwa sabiex b’vokabolarju limitat ta’ tifel żgħir, jagħti dettalji ta’ deskrizzjoni u joħloq emozzjoni. Nistqarr li meta bdejt naqraw irniexxielu jdaħħalni f’dinja oħra, u anke jiena bħala qarrej skoprejt il-Jien ġo fija li wkoll ifittex dinja ta’ misteri u fantażiji.
Two jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn www.merlinpublishers.com.