Ivan De Battista – Kittieb, Poeta, Attur, Direttur, Produttur – mhux wiċċ ġdid għal ħafna minna. Niftakruh fost oħrajn bħala attur prinċipali f’Pupi, Il-Kristu tal-Kerrejja (2008) u F’Salib it-Toroq u De Battista kien ukoll Direttur tas-serje popolari Prima Facie u bħalissa tas-serje Tfal. Ħa ħsieb ukoll id-Direzzjoni u l-Produzzjoni ta’ Snajja Maltin. Bħala awtur iddebutta bil-ġabra ta’ poeżiji Irwiefen li ħareġ fl-1999. Minn dak in-nhar ma waqafx, u issa f’idejna għandna rumanz ieħor ta’ Ivan De Battista bl-isem L-aħħar 13. Rumanz li jirrakonta l-aħħar 13-il jum ta’ raġel li “twieled taħt sħaba sewda u donnu baqa’ jgħix taħtha”. L-aħħar 13…sakemm il-qarrej jispiċċaw b’sorpriża. Rumanz li jġagħlna nirriflettu fuq il-ħajja li waqtiet jaf tkun kiefra, tant li jkun diffiċli li toħroġ mic-ciklu vizjuż li wieħed jidħol fih, kawża ta’ diversi fatturi. Xi wħud mill-problemi nġibuhom b’idejna, u l-protagonista ta’ dan ir-rumanz, dan jagħrfu tajjeb, tant li jħoss li kien jistħoqqlu l-kastig għal dak li għamel. Iżda l-kawża li twassal għal dawn il-problemi, bosta drabi ma jkollniex kontroll fuqha, hekk kif għandna propju f’dan ir-rumanz – vittma tas-soċjeta’ u fuq kollox tal-familja tiegħu stess. In-nanna li kienet tipprostitwixxi ruħha, l-omm li tant sofriet sabiex trabbi lil binha – il-protagonista tal-istorja, li iżda wkoll ma tantx gawda iż-żwieġ sfortunat tiegħu ma’ mara li spiċċat taqlibielu mal-avukat li għamlulu ħajtu infern. Spiċċa iżolat u mċaħħad minn ibnu.
Waqt li qed naqra dan ir-rumanz, b’xi mod fakkarni fl-interpretazzjonijiet monologi mill-aqwa li kien għamel fuq il-Palk l-attur ieħor magħruf Mario Micallef. Huwa karba mill-bidu sal-aħħar ta’ karattru li fi kliem l-awtur twieled taħt stilla ħażina. Madankollu huwa wkoll rakkont li jżommok mill-bidu sal-aħħar taqrah. Il-kitba ta’ De Battista faċilment idaħħlek fl-ispirtu tar-rakkont, u jżommok f’suspens sal-aħħar – sal-aħħar 13. Wieħed japprezza wkoll il-ġmiel tal-lingwa Maltija, imħaddma ferm tajjeb mill-awtur, b’espressjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum li ma jnaqqsu xejn mill-valur letterarju u ma jillimitawx lill-awtur f’dak li jrid iwassal. Fil-fatt inħoss, li min jaħseb li b’xi mod l-ilsien Malti huwa nieqes mill-vokabolarju u neħtieġu għalhekk nużaw kliem mislut minn ilsna barranin, tajjeb li jħares lejn dan il-ktieb u jkollu eżempju tajjeb ta’ lsien pajjiżna mħaddem sew mingħajr ma jnaqqas jew jillimita lill-awtur.
Ir-rakkont mhuwiex daqstant ‘il bogħod mill-ħajja tan-nies. B’xorti ħażina, kif ngħidu l-ħmar il-magħkuż idur għalih id-dubbien. U misħut il-vizzju tagħna li nikkundannaw u niġġudikaw. Kullħadd għandu qalb li tħoss, anke jekk miss mal-vizzji, għax għal xi wħud il-ħajja hija diffiċli, ‘b’passat iebes, preżent krudili.” Kurżita’ oħra fuq in-numru 13, li għal xi wħud li huma superstizzjużi jqisjuh li jġib xorti ħażina. Min jaf? B’nofs ċajta ngħid li ma domtx 13 –il jum naqra dan il-ktieb, għax iżommok imwaħħal miegħu sakemm tispiċċah.See Translation— with Ivan De Battista.