Lil Lino Bugeja forsi bosta jafuh bħala ambjentalist, l-aktar meta kien iservi bħala President tal-Għaqda tar-Ramblers. Lino Bugeja iżda huwa wkoll sportiv, tant li kien fost l-ewwel atleti Maltin li ħadu sehem fil-Logħob Mediterranju, jilgħab il-futbol, coach tal-futbol, kap ta’ skola, segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti, lekċerer, kif ukoll ġurnalista. L-esperjenza vasta ta’ Bugeja kienet ta’ kontribut kbir għal dan il-ktieb. AGON, sponsorjat mill-APS Bank Limited, huwa ġabra ta’ studji, b’lingwa li wieħed faċilment jifhem, dwar l-isport sa mill-qedem sal-epoka moderna meta “l-isport sar feonomenu globali u meqjus mill-UNESCO bħala dritt fundamentali tal-bniedem.” Interessanti ħafna li hawnhekk għandna xogħol lokali, u l-awtur ma naqasx li jinkludi wkoll ix-xena lokali fl-istudji tiegħu.
AGON huwa ppreżentat sabiħ ħafna u b’numru ta’ stampi bil-kulur li jgħinnu l-qarrej jifhem aktar l-istorja tal-isports, bħalma huma id-daħla tal-istejdjum antik ta’ Olimpja, il-fdalijiet tat-Tempju ta’ Poseidon ħdejn Korintu, il-karta tal-identita’ ta’ Victor Pace, wieħed mill-għawwiema Maltin f’Amsterdam, posters tal-logħob olimpiku u ħafna oħrajn. Bħala eduakatur, Buġeja ma jonqosx milli jsemmi il-benefiċċji edukattivi u soċjali tal-isports. Fl-istudji tiegħu jidħol ukoll fir-relazzjonijiet tal-isports mal-arti, mar-reliġjon, u rwoli varji tal-isports.
Għad-dilettanti kollha tal-isports, li nafu li hawn ħafna qarrejja tagħna, dan huwa ktieb li għandhom jakkwistaw. Imma anke għal dawk li mhumiex dawshekk dilettanti tax-xena sportiva, dan huwa ktieb li se jolqothom żgur għax fih ser isibu xogħol riċerkat li għandu jkun fuq l-ixkafef tal-librerija tagħhom. (L-Orizzont, 8 ta’ Frar 2014)
Omar Seguna
John F. Kennedy: Il-President Assassinat
Edward (Eddie) Attard issa sar sinonimu ma’ bosta riċerka dwar il-l-istorja tal-pulizija, tal-kriminalità, u l-ħabs . Fost oħrajn, Attard jibqa’ msemmi għall-kotba tiegħu, Il-Ħabs, l-Istorja tal-Ħabsijiet f’Malta mill-1800 (2000), Il-Pulizija f’Malta, (1999) – wieħed mill-kotba tas-sensiela Kullana Kulturali (PIN), Delitti f’Malta (2001, BDL), Assassinji Internazzjonali – Enċiklopedija ta’ Persunaġġi Assassinati u l-Bijografija tagħhom (2006, PEG), Mintoff u De Gray (2008, BDL), u Murder in Malta (2009, BDL).
Hawnhekk Eddie qed jippreżenta waħda mill-aktar omiċidji magħrufa, dak tal-President John F. Kennedy. Ma jistax jonqos li hekk kif jiġri wara każ bħal dan ikun hemm numru ta’ kontroversji kif ukoll spekulazzjonijiet. S’issa nafu li Lee Harvey Oswald huwa dak li spara u qatel lil Kennedy. Madankollu ma’dan il-qtil nibtu diversi tijori u ipoteżi ta’ x’seta’ ġara. Il-ħila ta’ Attard hija li jagħraf jiġbor dan kollu b’mod komprensiv, imma fl-istess ħin miktub b’mod mexxej li ma jħalli ebda diffikulta’ biex wieħed jaqra u jifhem il-fatti. Kennedy sar President fi zmien ta’ tensjonijit kbar, kemm minn barra kif ukoll interni. Fil-qofol tal-gwerra bierda Kennedy ma ddejjaq xejn jieqaf lill-aqwa potenza rivali tal-Istati Uniti, jiġifieri l-Unjoni Sovjetika. Fl-istess ħin kellek il-kwistjoni razzjali fl-Istati Uniti. Attard ma jonqosx milli jirreferi wkoll għar-rapport tal-Kummissjoni Warren u anke għall-kritika li saret għal dan l-istess rapport. Fost il-kritiċi ewlenin kien hemm l-avukat Mark Lane paremess tal-ktieb Rush to Judgement li ħareġ fl-1968. Fl-introduzzjoni ta’ dan l-istess ktieb, il-kittieb famuż Trevor-Roper kiteb li wieħed mill-avukati mqabbda mill-kummissjoni kiteb “illi kieku Oswald ġie ipproċessat l-ebda qorti ma kienet tikkundannah fuq l-evidenza li nstabet” (paġna 103). Imsomma… aktar dwar dan wieħed jaqrah fuq il-ktieb ta’ Eddie Attard. Interessanti ħafna wkoll l-appendiċi, fosthom il-korrispondenza bejn il-President Lyndon Johnson u l-President Sovjetiku. Nikita Khrushchev. (L-Orizzont, 25 ta’ Jannar 2014)