Id-Difna f’Ta’ Xbiex

F’din il-paġna ilqatna diversi gosti ta’ bosta qarrejja u ssuġġerejna diversi kotba ta’ natura differenti, kemm rumanzi, rumanzi bl-Ingliż, kotba għat-tfal, ġabriet ta’ poeżija kif ukoll ġeneri oħra. Pero mhux l-ewwel darba li waqfuni n-nies, u staqsewni sabiex nissuġġerixxi jew xi rumanz klassiku Malti jew xi rumanz ambjentat fi żminijiet aktar imbiegħda. Huma dawn il-qarrejja li waqt li japprezzaw stejjar kontemporanji pero huma dejjem għatxana għal rumanzi bi sfond storiku u rumanzi klassiċi Maltin.

Nistqarr li llum għandna quddiemna ġojjell fil-Letteratura Maltija. Dan huwa rumanz storiku adattat ferm tajjeb minn Charles B. Spiteri. Spiteri qed jagħmel biċċa xogħol impekkabli billi jadatta dawn ir-rumanzi storiċi sabiex b’hekk ikun jistgħu jitgawdew minna. Jekk wieħed iżomm f’rasu iż-żmien meta dawn inkitbu u anke l-istil li Arturo Caruana ħaddan, wieħed malajr jintebah li ma kinetx biċċa xogħol faċli dik li daħal għaliha Spiteri. U permezz ta’ din il-biċċa xogħol siewja dawn ir-rumanzi, li forsi l-poplu ftit li xejn kien ikollu konoxxenza tagħhom, jistgħu jitgawdew u jkomplu jagħtu pjaċir lil ħafna u ħafna qarrejja. Ta’ min wieħed jgħid li Arturo Caruana, kittieb kbir li l-istess Spiteri għandu ammirazzjoni kbira lejh, kien jikteb kollox f’ambjent Malti u fl-istil ta’ ħajja ta’ żmienu. Għalhekk il-qarrej ikun jista’, f’kemm trodd salib, jinkapsula ruħu u jagħraf dak kollu, li bi dritt hu tiegħu.

Fi żmien meta l-parti l-kbira tal-poplu tagħna kien illiterat u fqir, ftit li xejn kien hemm suq għall-kotba. Għaldaqstant, dawn ir-rumanzi x’aktarx li kienu jinbiegħu bħala faxxikli. Dawn il-faxxikli kienu jkunu folja ta’ gazzetta u jinxtraw madwar sold il-wiehed fil-gimgħa. Huwa probabbli ħafna li dawn, il-faxxikli kienu wara jiġu illegati. L-awtur, wara li rnexxielu jsib kopja ta’ dawn il-faxxikli, kien qara t-triloġija ta’ dan ir-rumanz meta kien jaqra r-rumanzi fuq ir-radju u fil-fatt kellu insistenza qawwija għalih mis-semmiegħa. Peress li t-tliet volumi oriġinali kienu ħoxnin mhux ħazin, u llum hawn ħafna li malli jaraw ktieb, l-ewwel ma jħarsu jkun lejn il-voluminozità tiegħu, il-BDL ħasbu li joħorġuhom f’volumi izgħar, u għalhekk, flok tliet kotba, se jkunu sitta.

Fil-fatt, il-ktieb li għandna quddiemna llum mhuwiex l-ewwel wieħed ta’ Arturo Caruana adattat minn Charles B. Spiteri. Diġa ltqajna mat-Triloġija Il-Misterji tal-Wardija (Dolores, Leonilda u Jose) li niżlet tajjeb ferm ma’ bosta qarrejja.

Ir-rumanz jibda b’mod traġiku: Kien għadu kemm spiċċa l-aħħar tokk tal-ħdax ta’ billejl tal-ħmistax ta’ Settembru u mid-dgħajsa tnejn min-nies iniżżlu katavru mdaħħal fi xkora twila. Minn dak il-punt tat-tluq l-istorja tkompli tikkomplika ruħha u l-awtur iżomm il-qarrej imwaħħal mad-diversi azzjonijiet u l-intriċċi li jsawru dan ir-rumanz. Iqumu wkoll diversi mistqosijiet: Min kien l-awtur tad-delitt?

Il-Kanċillier Theuma ġab quddiem l-Imħallef xhud ewlieni fil-konfront ta’ Indri’ s-sajjied – propju lill-akbar ħabib tiegħu, Pietru l-bakkari. Pietru fil-fatt kien miegħu nhar il-ħmistax ta’ Settembru u xehed kif Indri’ kien ordnalu biex iħaffer ħofra fil-ħamrija u difen katavru (p.108-111). Wara dan radam kollox mill-ġdid. Xehed ukoll li Indri’ kien li qata’ ras dak l-imsejken. Indri’ fil-fatt inqatgħatlu għall-mewt. Iżda l-istorja ma tiqafx…

Dan Indri’ kien bniedem misterjuż. Kif iddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” iżda jdejh ftit missew ħut u jekk missew…dan sar waqt l-ikel. Ix-xwejjaħ fil-fatt sejjaħlu ‘Sinjur’ (p.121). Dan Baldassare kien saħħar u indikalu li ma kinex ser imut għalissa imma kellu jkollu mewta traġika. Fil-fatt, mis-sentenza tal-mewt fi żmien qasir, Indri jitkellem mal-kbarat bl-akbar kunfidenza u jiddefendi l-każ tiegħu. Il-Ħakem Baskal Testaferrata kellu pressjoni kbira sabiex jissolva dan il-każ tas-‘sajjied’ saħansitra mill-Gran Mastru De Rohan (p.237). Niltaqgħu ukoll mal-imħabba ta’ Beatrice, li kienet in-neputija ta’ Indri’ ma’ Roberto. Iżda wara kollox min kien dak li orkestra dan kollu? X’kienet ir-relazzjoni bejn Indri’ u l-Ħakem li ried jeħles mill-kontri biex jisirqulu r-renti? It-tmiem dwar min kien il-vittma huwa wieħed sorpriża.

L-isfond huwa kollu fi żmien il-Kavallieri, pero waqtiet tibda tintebah li r-realta’ tal-ħajja mhijiex differenti mil-lum. Għandek min kif ngħidu bil-Malti, ilsienu jaqilgħu u huma dawn it-tip ta’ nies li b’xort ħażina bosta drabi jirnexxielhom javvanzaw, jitkellmu mal-kbarat u saħansitra kapaċi jimmanipulaw skont fejn jaqbillhom. L-agħar huwa meta mhux dejjem ikunu subgħajhom dritt u minn taħt ikun hemm ukoll l-intriċċi. Bil-Malti ngħidu wkoll min iħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha, u agħar u aktar minn hekk ngħidu wkoll li l-ħuta minn rasha tinten.

Din il-biċċa xogħol ħadet lil Charles B. Spiteri kważi sentejn sabiex editja x-xogħol ta’ Caruana, ittajpjah u lestieh. Grazzi kbira tmur ukoll lill-BDL, li b’ferħ kbir għoġbu jidħol għall-pubblikazzjoni tiegħu. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-ktieb għandu preżentazzjoni ferm sabiħa u tipa kbira biżżejjed li l-qarrejja jistgħu iħossuhom komdi jaqraw mingħajr ma jgħajjew għajnejhom. Ktieb li għandu jsib postu fil-libreriji tagħna.
(L-Orizzont, 28 ta’ Ġunju 2014)

Eżempju ta’ Faxxikli

Leave a Comment