L-Iskjav ta’ Isabel

Jekk il-Maltin iħobbu jaqraw ir-rumanzi, L-Iskjav ta’ Isabel huwa ktieb li żgur mhuwiex se jiddiżappunta. Fl-opinjoni tiegħi jolqot il-bosta elementi li jfittxu ħafna Maltin: mexxej, attwali, bl-element ta’ misteru kif ukoll senswali. Dawn l-elementi iżda mhumiex miżjudin sabiex jagħmlu l-ktieb wieħed populista, imma huma parti essenzjali mill-istil tal-awtriċi, filwaqt li ma jnaqqsu xejn mill-ħsibijiet profondi li jsawru din l-istorja. Audrey Friggieri, għandha din il-ħila li ddaħħal il-qarrej fl-istorja, toffri deskrizzjonijiet dettaljati u b’lingwaġġ sempliċi fl-istess ħin. F’xi waqtiet ma jonqsux ukoll mumenti ta’ tensjoni. Waqt li jagħtik pjaċir taqra, u f’dan is-sens il-ktieb jilħaq dan il-għan mija fil-mija, iħallik wara b’ħafna togħmiet differenti u taħseb fuq dak li tkun qrajt.

Il-karattru prinċipali huwa Raymond, tifel kwiet, xi ftit jew wisq eċċentriku, jew għallinqas hekk kienu jarawh bosta, imma kien il-mimmi tan-nanna Filomena. Wara li mietet, ħallietlu d-dar u Raymond iddeċieda li jitlaq mill-appartament storbjuż li kellu u jmur jgħix f’din id-dar. Kien għal qalbu ħafna. Ħaġa waħda kienet iddejqu: il-Gwardarobba. Kienu jiġrulu ħwejjeġ strambi, xi drabi jsib ħwejjeġ mal-pultruna lesti u drabi oħra jiġġamjawlha l-bibien u mhux l-ewwel darba li mar ix-xogħol liebes stramb u jgħadduh xi passata żmien. Iddeċieda li jkellem lill-kappillan. Waqt li l-Kappillan talab fuq il-gwardarrobba u baħħarhielu skont kif talbu Raymond, ftit li xejn donnu li emmnu. Qallu li l-gwardarobba kienet simnet u ġablu mastrudaxxa. Wara li reġa’ sema’ l-ħsejjes bil-lejl, Żeppi l-mastrudaxxa inkoraġġih ibiegħ dik l-għamara antika. Dik il-gwardarrobba kellha tlaqqgħu ma’ Isabel Romero, tfajla sabiħa li għall-ewwel talbitu sabiex tikri f’dik id-dar billi sa dak iż-żmien kienet għadha toqgħod f’lukanda. Isabel talbitu l-gwardarobba. Oħroġ il-għaġeb waqt li meta kienet tkun għandu kien jara bosta affarijiet strambi, tant li daħħal f’rasu li kienet imxajtna, meta kienet għand Isabel ma kien jiġri xejn. Żgur iżda li m’aċċettax li din tinbiegħ wara ħolma li kellu fejn ra lil nanntu li ma ħallitux jagħmel dan.

Ir-relazzjoni stramba ma’ Isabel bħal illiberatu u ħarġitu mill-ambjent reliġjuż u magħluq li trabba’ fih. Isabel kienet l-ewwel tfajla li lejha ħass ġibda speċjali għaliex kien deċiż li ma kienx ser jaqbad mara oħra bħal ma kienet ommu. Iż-żjara għand il-medium, Clarissa, aktar kompliet tilliberah mill-imgħoddi tiegħu. Huwa u Isabel iżda ma kellhomx l-istess pjanijiet. Il-karattru riservat, x’aktarx stramb tiegħu ftit li xejn kien kompatibbli mal-karattru ta’ Isabel li setgħet idaħħlu u toħorġu fil-komma kif trid. L-għanijiet tagħha kienu differenti. Raymond ma damx ma beda jintebah meta f’daru beda jsib storbju sħiħ, bosta tfajliet u ġuvintur deħlin u ħerġin f’daru, tant li ġab bosta garr mill-ġirien,. It-tmiem ta’ dan il-ktieb huwa wieħed traġiku.

Fil-bidu tal-ktieb insibu tliet kwotazzjonijiet minn kittieba kbar: Carl Gustav Jung, Pablo Neruda, u Friedrich Nietzsche. Mingħajr ma nidħol fid-dettalji ta’ kull kwotazzjoni, naħseb ifissru sew dak li għidt fil-bidu; li mill-istorja mexxejja, deskrizzjoni mill-aqwa u xi partijiet minnha bi ftit azzjoni, joħroġ ukoll il-profond. Dan il-ħsieb mhuwiex qiegħed preżenti b’ħafna retorika fil-ktieb, imma waqt li jagħti gost lil dak li jkun, iħallik ukoll tirrifletti u forsi wkoll tassoċja ma’ xi karattri. Fil-fehma tiegħu Audrey Friggieri stabilixxiet ukoll f’dan il-ġeneru ta’ kitba.

(L-Orizzont, 14 ta’ Ġunju 2014)

Leave a Comment