Il-Polz li baqa’ jħabbat

Dan ir-rumanz huwa bħal għanja ħelwa li toħroġ mis-skiet. Mhux is-skiet li metaforikament ifisser nuqqas ta’ xi ħaġa, għax din il-gżira hija mogħnija b’ħafna kotba u tajbin. Huwa s-skiet li joħroġ mill-umilta’, għaliex l-awtur li għandna jqis sew qabel jitkellem, wisq aktar meta jikteb. Il-kliem għaldaqstant huwa meqjus, ma ħariġx biex jissodisfa l-ego tiegħu, u lanqas biex jagħmel xi isem. Fil-fatt, nemmen, li l-għan prinċipali li Portelli ħareġ dan il-ktieb huwa li jrid iwassal messaġġ; messaġġ għaż-żagħzagħ imma li japplika wkoll għal kullħadd. Il-ħila tal-awtur żagħżugħ li għandna llum hija fil-mod kif iwassal dan il-messaġġ permezz ta’ rumanz ħaj, modern, zagħzugħ, u li ma tiqafx taqrah qabel tgħaddi minn ġrajja għall-oħra. Kif jgħid tajjeb il-Professur Oliver Friġġieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb: “Minn rakkont ta’ ambjent żagħżugħ, modern, tipiku ta’ żmienna, huwa jagħraf inissel diskors li jmur lil hinn mir-rakkont stess. L-iskop tar-rakkontatur huwa li joffri pjaċir utli, jiġifieri qari li jogħġob u li jwassal biex il-kitba ma tkunx inkitbet biex tfakkar fil-fatti imma biex tbiddel lill-valuri.” Xtaqt niġbor ftit l-elementi prinċipali minn dan il-ktieb l-aktar li laqtuni; it-tħaddim tajjeb tal-lingwa, il-mistoqsijiet tal-ħajja u kif trattati f’dan il-ktieb, il-pożittivita’ u t-tama liż-żgħażagħ.

Tħaddim tal-lingwa

Bla dubju ta’ xejn li Portelli huwa midħla sew ta’ lsien pajjiżna. Fil-fatt huwa ggradwat fil-Malti u huwa wkoll għalliem tal-Malti. Jagħraf iħaddem sew il-lingwa Maltija u l-ktieb huwa għani fl-għażla tal-kelma. Fl-istess ħin mhuwiex ristrett fl-użu ta’ kliem, l-aktar dawk riċenti, għaliex jaf tajjeb li lingwa ħajja hija dik li tikber u tgħix. Aktar u aktar fil-każ tal-ktieb tagħna llum, li l-isfond tiegħu huwa wieħed żaħżugħ, u għalhekk imdawwar bl-użu tat-teknoloġija, fosthom il-mobajl.

F’xi waqtiet minn dan il-ktieb l-użu sabiħ ta’ kliem Malti, f’binja ta’ sentenzi li jpaxxuk – kważi poetiċi, eżempju “[Ix-xemx] Riedet tmiss wiċċ it-tfajla. Kient tieħu gost, kull nhar ta’ Ħadd, tittanta lil Leah, li …” (paġna 5). Drabi oħra, jinqeda b’elementi naturali bħat-temp biex ikompli jikkonsolida d-deskrizzjoni tal-burdata ħażina jew dwejjaq ta’ persuna (paġna 51). Mill-banda l-oħra, waqt it-taħdit, sabiex ikun realistiku, l-awtur ma jiddejjaqx juża l-Malti mitħaddet imżewweġ bi kliem Ingliż, eżempju “Buli. Grazzi Nath. Narak. Take care. See you Gejb. Kompli aqdef mela, ma ntellfekx.” Ta’ min jgħid ukoll li kull kelma Ingliża, intenzjonalment użata fit-test, hija fil-korsiv. L-użu tal-Ingliż, bla dubju ta’ xejn, mhuwiex nuqqas min-naħa tal-awtur imma riflessjoni ta’ kif b’xorti ħażina isir it-taħdit minn bosta li ma jiddejqu ikasbru dan l-ilsien li jagħtina identita’ unika. Huwa lsien uniku għaliex għandu oriġini semitika imma jinkiteb b’ittri Latini. Żgur li l-kitba ta’ Portelli tagħmel ġieh lil dan l-ilsien, u huwa ta’ eżempju kif il-Malti huwa lingwa attwali, ħajja u li tista’ taqdina saħansitra fiż-żmien tallum.

Rumanz żagħżugħ

Dan ir-rumanz huwa wieħed bi spirtu zagħzugħ. Forsi frott l-esperjenza tal-awtur li bħala membru tas-soċjeta’ tal-MUSEUM jaf tajjeb l-aspirazzjonijiet taż-żgħazagħ u l-ħolm tagħhom. Dan l-element jinħass sew fil-ktieb, għaliex mhuwiex artifiċjali, imma jidher sew mid-dettalji, li ħiereġ minn żagħżugħ li jaf sew u għex il-ħajja żagħżugħa. L-atmosfera u t-taħdit fil-caneen tal-universita’ (paġna 10, 80), it-taħdit permezz tal-kompjuter u l-“ħoss tal-popup” (paġna 16), il-mobajl (paġna 136, 144), l-assignments (paġna 14), l-entużjażmu u l-eċċitament meta jiltaqa’ ma’ tfajla ġdida (paġna 55 u 56), l-atmosfera tat-tnejn wara tmiem il-ġimgħa (paġna 29), fost oħrajn, huma kollha xhieda ta kemm dan ir-rumanz ħareġ minn pinna żagħżugħa. Gabriel u Leah jiltaqgħu f’Tal-linja (paġna 47) u għalkemm dak in-nhar stħaw minn xulxin. Waqt li kollox kien jidher li sejjer tajjeb mbagħad, f’daqqa waħda, jqumu kontrih l-irwiefen kollha u jibda jinqalagħlu għawġ wara l-ieħor, “Waqt li Gabriel kien qeigħed jitħabat mal-eżami fl-aħħar ħinijiet tiegħu, Leah bdiet titħabat ma’ realta’ li basret li keient ġejja fuqha, iżda li ppruvat taħrabha” (paġna 113). Il-flus kienu saru tentazzjoni għaliha u spiċċat bla impjieg. L-awtur ma jipprova joħroġ lil ħadd eroj mill-istorja. Huwa rumanz realistiku, fattwali u attwali, ‘il bogħod mid-dinja tal-fantażija jew ideali.

Mistoqsijiet tal-ħajja u tama

Bertam Portelli huwa persuna li kapaċi jaħseb fil-profond u fl-istess ħin persuna altruwista li jiddedika ħafna ħin għal ħaddieħor. Dawn iż-żewġ elementi joħorġu indirettament f’dan ir-rumanz li jħallik tirrifletti fuq il-mistoqsijiet eżistenzjali u fundamentali fil-ħajja u fl-istess ħin joffri tama liż-żgħażagħ. Minbarra l-probemi ta’ studju, ma’ Leah, jiżdied ukoll il-mard. Meta nħabbtu wiċċna mar-realta’ kiefra ta’ mard, bħal kanċer, psikoloġikament nitfarrku u niġu wiċċ imb’wiċċ mal-mewt. Għaliex it-tbatija u għaliex jien? Għaliex min jgħix tajjeb xorta jbati? Dawn il-mistoqsijiet u tama għalina lkoll huma fir-rumanz b’mod sottili ħafna. M’hemmx retorika. L-aktar li nammira lil Portelli jiena huwa kif permezz ta’ rumanz mexxej u ħaj, iwassal valuri tajbin. Irrid ngħid ukoll li huwa pożittiv ħafna li għandna rumanz żagħżugħ li jagħti pjaċir u gost liż-żgħażagħ u l-adulti wkoll, mingħajr ma jaqa’ fin-nasba tal-populiżmu.

Fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll rumanz pożittiv: Rumanz li joffri tama għaż-żgħażagħ. Dan huwa l-polz li baqa’ jħabbat.

Konklużjoni

Bertam Portelli huwa kif għidt fil-bidu, awtur umli li mhux se jfittex li jiġi kkwotat. Kiteb, meta ħass il-bżonn li kellu jikteb u jwassal xi ħaġa mirquma u tajba. Ma tantx huwa normali nagħmilha, imma se nazzarda nislef dak li Ġuże’ Chetcuti kien kiteb dwari fil-preżentazzjoni tal-ewwel ktieb tal-poeżija tiegħi, u nadattah għal Bertam Portelli. Portelli “għandu triq miftuħa beraħ għalih fil-futur. Ħeġġa, attivita’, maturita huma t-tripied li fuqu tissaħħaħ ir-rieda” ta’ dan il-kittieb. Il-ktieb għandu preżentazzjoni attraenti u jkopri 220 paġna.. Jinsab għall-bejgħ mil-Librerija Preca u mill-ħwienet ewlenin bil-prezz ta’ 8 ewro. Nissuġġerixi li wieħed jidħol fis-sit tal-ktieb http://www.ilpolzlibaqajhabbat.com/
(L-Orizzont, 6 ta’ Settembru 2014)

Leave a Comment