Il-Kotba tat-tfal ħelwin wisq! Niggustawhom aħna l-kbar, aħseb u ara t-tfal. U kemm huwa sew li t-tfal jaqraw, mhux għax bilfors, imma għax tassew isiru ħbieb tal-ktieb. U ktieb bħal m’għandna f’idejna ċertament illi jilħaq dan il-għan, għaliex it-tfal ser jogħġobhom, jaqrawh u jiggustawh. Jekk sa miċ-ċokon it-tfal jitrawmu bil-ktieb f’idejhom, it-tfal se jibqgħu jaqraw u aktar ma jaqraw aktar jimtlew bil-għerf u l-kreattivita’. Merlin Publishers minn dejjem għamlu sforz sabiex iwasslu kotba barranin b’ilsien pajjiżna, sabiex uliedna jkollhom f’idejhom l-istess kotba li nsibu b’ilsna barranin. Dan l-impenn baqa’ u l-ktieb li għandna f’idejna huwa adattat mit-Taljan mill-awtur li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, Trevor Zahra.
Il-ktieb għandu preżentazzjoni mill-aqwa. Karta sabiħa u stampi sbieħ. L-istampi huma integrali fil-ktieb u fl-istorja. Mhumiex miżjudin biex ‘iżejnu’ jew janimaw. Dan jagħmel il-ktieb wieħed interattiv. Aspett ieħor huwa li t-tipa mhijiex waħda uniformi, imma waqtiet narawha fil-korsiv u f’xi bnadi ikbar. Kemm l-istil tal-kitba, u kemm l-aspett li semmejt tal-istampi, huma importanti ħafna għaliex bl-iżvilupp tal-qari u divertiment teknoloġiku, t-tfal illum, forsi kontra dak li kien isir ftit taż-żmien ilu m’għadhomx jaqraw biss linja wara linja. Għalkemm mhux mixtieq, konsegwenza t’hekk hija li sakemm idakkru fihom id-delizzju tal-qari u l-imħabba tal-ktieb, it-tfal żgħar se jaraw distinzjoni bejn il-preżentazzjoni diġitali u l-ktieb. Ktieb bħal dan li għandna f’idejna, Aċċù!, jilqa’ din l-isfida u jippreżenta l-istorja lit-tfal iż-żgħar, b’mod interattiv ħafna. U iva, huwa tajjeb, u sabiħ li uliedna jkollhom ktieb f’idejhom.
Dan il-ktieb mhux kumbinazzjoni li qed inġibu mal-ewwel fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ sena skolastika ġdida. Għaliex għan ieħor ta’ dan il-ktieb huwa li jtaffi ftit il-biża fl-ewwel jiem tal-iskola. Ngħiduha kif inhi, mhuwiex daqshekk faċli għat-tfal kollha li jaċċettaw li ser jinqatgħu għall-ħafna siegħat mill-ġenituri/dawk li jieħdu ħsiebhom u mill-għożża li trawmu fiha. Il-ktieb għandu l-għan li joħloq tbissima fit-tfal, jew aktarx li jdaħħakhom. Aċċù! Teo jagħtas u jinbidel “f’qattus bil-pil twil u artab” u mbagħad kelb, u mbagħad rakun, flamingo, kamaleonte. X’ser jagħmel imma issa li ser tibda l-iskola? Inħallikom bil-kurżita’! Aċċù!
(Paġna Letterarja, 5 t’Ottubru 2014)