Dan il-ktieb huwa ta’ nteress għal din il-paġna tal-anqas imma mhux biss għall-valur letterarju tiegħu. Mhuwiex ktieb bi studju teoloġiku jew ta’ studji umani kif wieħed se jistenna minn persuna f’kariga għolja fil-ġerarkija tal-Knisja. Lanqas huwa ktieb ta’ studji morali jew awtobijografija. Dan il-ktieb iżda jikkonisti f’114-il meditazzjoni qosra. Wara introduzzjoni, insibu Ittri miftuħa, talb, meditazzjoni fuq l-Iskrittura, f’salib it-toroq tal-ħajja u pass pass mal-Knisja. Dan il-ktieb kien ippubblikat għall-ewwel darba fi Franza, u mal-ewwel qajjem interess kbir tant li nbiegħu mal-50,000 kopja, fi ftit jiem bit-test tradott b’diversi lingwi. Inħossni kburi għaldaqstant li Bonnici qed iwasslilna dan il-ktieb bi lsienna u ċertament ser ikun qed jagħti aktar valur l-ilsien tagħna. Għalkemm jidhirli li għadda ż-żmien minn meta konna naħsbu biss li l-Malti huwa l-lingwa tal-popolin, hawnhekk għandna awtur ieħor li qed jurina kemm ilsienna jista’jintuża f’kitbiet ta’ ċerta valur. Bħalma dan il-ktieb insibuh bil-Franċiż, Taljan u b’bosta ilsna oħra, hekk nistgħu narawh ukoll bil-lingwa tagħna, fuq l-istess livell.
L-isem jolqtok mal-ewwel. Il-ħmar jissemma bosta drabi fl-Iskrittura u jintuża spiss fis-simboliżmu nisrani. L-aktar forsi popolari huwa fid-dħul trijonfali ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm ( Matthew 21:1-11, Mark 11:1-11, Luke 19:28-44 and John 12:12-19,). Fit-tradizzjoni nisranija, hekk kif narawh wkoll deskritta fil-pittura u l-immaġinazzjoni artistika, insibu wkoll il-ħarba ta’ San Ġużepp flimkien ma’ Marija lejn l-Eġittu fuq ħmar, sabiex jeħilsu lil binhom li kien ser jitwieled minn Erodi. Għalkemm dwar dan fil-Kotba Mqaddsa (Mattew 2: 13-23) ma nsibu xejn, hekk kif ma nsibu xejn dwar ix-xbihat tal-ħmar fit-twelid ta’ Ġesu’.
L-ewwel taqsima tikkonsisti fl-“Ittri miftuħa”, li b’xi mod ifakkruni fl- Illustrissimi ta’ Papa Ġwanni Pawlu I (Albino Luciani). Luciani kien kiteb saħansitra lil Pinocchio, u naturalment bi kliem sempliċi wassal il-ħsieb kbir u profond tiegħu. Hekk għamel Etchegaray permezz tal-ittri fost oħrajn lil Adam, il-Fariżew mhux magħruf, Ġuda, Galileo Galilei, it-team tal-futbol Olympique ta’ Marsilja u, saħansitra, waħda lilu nnifsu!
Fit-tieni taqsima nsibu ġabra ta’ talb, li fi kliem Etchegaray huma
“Bħan-nixxiegħa li tgelgel mill-glaċieri”
Bħall-inbid li joħroġ mill-pressa.”
u
“Bħal għajta maħtufa mill-qalb,
Bħar-rimja li tisponta fuq is-siġra”
Ta’ min wieħed jgħid li hawn toħroġ ukoll il-ħila ta’ Bonnici li ttraduċa dan ix-xogħol.
Ma jonqosx li fit-taqsimiet l-oħra, nsibu riflessjonijiet dwar il-Kelma t’Alla u dwar il-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Dawn ir-riflessjonijiet, uħud qosra daqs paġna u nofs huma konċiżi u għaldaqstant ma jdejqux lil dak li jkun. U fost ir-riflessjonijiet dwar il-ħajja tagħna nsibu dwar it-tbatija, it-televixin u l-ħajja fil-familja, il-morda, l-ekumeniżmu u oħrajn. Jekk hemm xi ħaġa oħra li wieħed jammira fil-Kardinal Roger Etchegaray hija li matul dawn id-90 sena għaraf jibqa’ relevanti u attwali. Mhux biss wieħed jammira li dan baqa’ jagħmlu minkejja l-eta’, imma wkoll għax kif nafu il-messaġġ nisrani, bħal ta’ bosta reliġjonijiet ma jinbidilx fil-qofol tiegħu.
Il-Kardinal Roger Etchegaray twieled fil-25 ta’ Settembru 1922, f’Espelette, villaġġ żgħir fir-reġjun Bask. Kien appuntat Isqof Awiżiljarju ta’ Pariġi fl-1969 u sena wara nħatar Arċisqof ta’ Marsilja. Ġwanni Pawlu II ħatru kardinal fl-1979. Kemm F’isem Ġwanni Pawlu II u anke f’isem Benedittu XVII żar bosta pajjiżi fejn kien hemm inkwiet serju fosthom il-Lebanon, l-Iraq fejn iltaqa’ ma’ Saddam Hussein, il-Palestina u anke f’Kuba. Inċident li żgur ma kienx wisq mistenni kien meta lejliet il-Milied tal-2009 kien weġġa’ wara li mara attakkat lill-Papa Benedittu XVI. Dan it-tagħrif dwar dan il-Kardinal huwa importanti sabiex wieħed jagħraf is-siwi ta’ dan il-ktieb, għaliex xi wħud minn dawn l-esperjenzi li sawruh żgur li huma riflessi anke f’dan ix-xogħol.
Dan huwa ktieb li minbarra li jista’ jinqara u jitgawda fit-tul, għandu wkoll iżejjen il-librerija tagħna. Dan għaliex għandu preżentazzjoni mill-aqwa li tixraq din ix-xorta ta’ kitba. Barra minn hekk ta’ min jgħid li dawn ir-riflessjonijiet m’hemmx għalfejn kollha f’daqqa jew f’xi ordni partikolari. Il-ktieb huwa ta’ kuraġġ ukoll għalina sabiex inkunu pożittivi meta l-ħajja mhux dejjem titbissmilna
“Kunu kuntenti li teżistu!” hija l-frażi li jħobb jirrepeti l-Kardinal. U f’din il-ħajja nkomplu nimbuttaw bil-ferħ bħal ħmar.
Dan il-ktieb huwa pubblikazzjoni ta’ Horizons u jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
(Paġna Letterarja, l-Orizzont, 20 ta’ Settembru 2014)