Nimbotta ‘l quddiem bħal ħmar

Dan il-ktieb huwa ta’ nteress għal din il-paġna tal-anqas imma mhux biss għall-valur letterarju tiegħu. Mhuwiex ktieb bi studju teoloġiku jew ta’ studji umani kif wieħed se jistenna minn persuna f’kariga għolja fil-ġerarkija tal-Knisja. Lanqas huwa ktieb ta’ studji morali jew awtobijografija. Dan il-ktieb iżda jikkonisti f’114-il meditazzjoni qosra. Wara introduzzjoni, insibu Ittri miftuħa, talb, meditazzjoni fuq l-Iskrittura, f’salib it-toroq tal-ħajja u pass pass mal-Knisja. Dan il-ktieb kien ippubblikat għall-ewwel darba fi Franza, u mal-ewwel qajjem interess kbir tant li nbiegħu mal-50,000 kopja, fi ftit jiem bit-test tradott b’diversi lingwi. Inħossni kburi għaldaqstant li Bonnici qed iwasslilna dan il-ktieb bi lsienna u ċertament ser ikun qed jagħti aktar valur l-ilsien tagħna. Għalkemm jidhirli li għadda ż-żmien minn meta konna naħsbu biss li l-Malti huwa l-lingwa tal-popolin, hawnhekk għandna awtur ieħor li qed jurina kemm ilsienna jista’jintuża f’kitbiet ta’ ċerta valur. Bħalma dan il-ktieb insibuh bil-Franċiż, Taljan u b’bosta ilsna oħra, hekk nistgħu narawh ukoll bil-lingwa tagħna, fuq l-istess livell.

L-isem jolqtok mal-ewwel. Il-ħmar jissemma bosta drabi fl-Iskrittura u jintuża spiss fis-simboliżmu nisrani. L-aktar forsi popolari huwa fid-dħul trijonfali ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm ( Matthew 21:1-11, Mark 11:1-11, Luke 19:28-44 and John 12:12-19,). Fit-tradizzjoni nisranija, hekk kif narawh wkoll deskritta fil-pittura u l-immaġinazzjoni artistika, insibu wkoll il-ħarba ta’ San Ġużepp flimkien ma’ Marija lejn l-Eġittu fuq ħmar, sabiex jeħilsu lil binhom li kien ser jitwieled minn Erodi. Għalkemm dwar dan fil-Kotba Mqaddsa (Mattew 2: 13-23) ma nsibu xejn, hekk kif ma nsibu xejn dwar ix-xbihat tal-ħmar fit-twelid ta’ Ġesu’.

L-ewwel taqsima tikkonsisti fl-“Ittri miftuħa”, li b’xi mod ifakkruni fl- Illustrissimi ta’ Papa Ġwanni Pawlu I (Albino Luciani). Luciani kien kiteb saħansitra lil Pinocchio, u naturalment bi kliem sempliċi wassal il-ħsieb kbir u profond tiegħu. Hekk għamel Etchegaray permezz tal-ittri fost oħrajn lil Adam, il-Fariżew mhux magħruf, Ġuda, Galileo Galilei, it-team tal-futbol Olympique ta’ Marsilja u, saħansitra, waħda lilu nnifsu!

Fit-tieni taqsima nsibu ġabra ta’ talb, li fi kliem Etchegaray huma
“Bħan-nixxiegħa li tgelgel mill-glaċieri”
Bħall-inbid li joħroġ mill-pressa.”
u
“Bħal għajta maħtufa mill-qalb,
Bħar-rimja li tisponta fuq is-siġra”
Ta’ min wieħed jgħid li hawn toħroġ ukoll il-ħila ta’ Bonnici li ttraduċa dan ix-xogħol.
Ma jonqosx li fit-taqsimiet l-oħra, nsibu riflessjonijiet dwar il-Kelma t’Alla u dwar il-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Dawn ir-riflessjonijiet, uħud qosra daqs paġna u nofs huma konċiżi u għaldaqstant ma jdejqux lil dak li jkun. U fost ir-riflessjonijiet dwar il-ħajja tagħna nsibu dwar it-tbatija, it-televixin u l-ħajja fil-familja, il-morda, l-ekumeniżmu u oħrajn. Jekk hemm xi ħaġa oħra li wieħed jammira fil-Kardinal Roger Etchegaray hija li matul dawn id-90 sena għaraf jibqa’ relevanti u attwali. Mhux biss wieħed jammira li dan baqa’ jagħmlu minkejja l-eta’, imma wkoll għax kif nafu il-messaġġ nisrani, bħal ta’ bosta reliġjonijiet ma jinbidilx fil-qofol tiegħu.
Il-Kardinal Roger Etchegaray twieled fil-25 ta’ Settembru 1922, f’Espelette, villaġġ żgħir fir-reġjun Bask. Kien appuntat Isqof Awiżiljarju ta’ Pariġi fl-1969 u sena wara nħatar Arċisqof ta’ Marsilja. Ġwanni Pawlu II ħatru kardinal fl-1979. Kemm F’isem Ġwanni Pawlu II u anke f’isem Benedittu XVII żar bosta pajjiżi fejn kien hemm inkwiet serju fosthom il-Lebanon, l-Iraq fejn iltaqa’ ma’ Saddam Hussein, il-Palestina u anke f’Kuba. Inċident li żgur ma kienx wisq mistenni kien meta lejliet il-Milied tal-2009 kien weġġa’ wara li mara attakkat lill-Papa Benedittu XVI. Dan it-tagħrif dwar dan il-Kardinal huwa importanti sabiex wieħed jagħraf is-siwi ta’ dan il-ktieb, għaliex xi wħud minn dawn l-esperjenzi li sawruh żgur li huma riflessi anke f’dan ix-xogħol.
Dan huwa ktieb li minbarra li jista’ jinqara u jitgawda fit-tul, għandu wkoll iżejjen il-librerija tagħna. Dan għaliex għandu preżentazzjoni mill-aqwa li tixraq din ix-xorta ta’ kitba. Barra minn hekk ta’ min jgħid li dawn ir-riflessjonijiet m’hemmx għalfejn kollha f’daqqa jew f’xi ordni partikolari. Il-ktieb huwa ta’ kuraġġ ukoll għalina sabiex inkunu pożittivi meta l-ħajja mhux dejjem titbissmilna
“Kunu kuntenti li teżistu!” hija l-frażi li jħobb jirrepeti l-Kardinal. U f’din il-ħajja nkomplu nimbuttaw bil-ferħ bħal ħmar.

Dan il-ktieb huwa pubblikazzjoni ta’ Horizons u jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
(Paġna Letterarja, l-Orizzont, 20 ta’ Settembru 2014)

Il-Polz li baqa’ jħabbat

Dan ir-rumanz huwa bħal għanja ħelwa li toħroġ mis-skiet. Mhux is-skiet li metaforikament ifisser nuqqas ta’ xi ħaġa, għax din il-gżira hija mogħnija b’ħafna kotba u tajbin. Huwa s-skiet li joħroġ mill-umilta’, għaliex l-awtur li għandna jqis sew qabel jitkellem, wisq aktar meta jikteb. Il-kliem għaldaqstant huwa meqjus, ma ħariġx biex jissodisfa l-ego tiegħu, u lanqas biex jagħmel xi isem. Fil-fatt, nemmen, li l-għan prinċipali li Portelli ħareġ dan il-ktieb huwa li jrid iwassal messaġġ; messaġġ għaż-żagħzagħ imma li japplika wkoll għal kullħadd. Il-ħila tal-awtur żagħżugħ li għandna llum hija fil-mod kif iwassal dan il-messaġġ permezz ta’ rumanz ħaj, modern, zagħzugħ, u li ma tiqafx taqrah qabel tgħaddi minn ġrajja għall-oħra. Kif jgħid tajjeb il-Professur Oliver Friġġieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb: “Minn rakkont ta’ ambjent żagħżugħ, modern, tipiku ta’ żmienna, huwa jagħraf inissel diskors li jmur lil hinn mir-rakkont stess. L-iskop tar-rakkontatur huwa li joffri pjaċir utli, jiġifieri qari li jogħġob u li jwassal biex il-kitba ma tkunx inkitbet biex tfakkar fil-fatti imma biex tbiddel lill-valuri.” Xtaqt niġbor ftit l-elementi prinċipali minn dan il-ktieb l-aktar li laqtuni; it-tħaddim tajjeb tal-lingwa, il-mistoqsijiet tal-ħajja u kif trattati f’dan il-ktieb, il-pożittivita’ u t-tama liż-żgħażagħ.

Tħaddim tal-lingwa

Bla dubju ta’ xejn li Portelli huwa midħla sew ta’ lsien pajjiżna. Fil-fatt huwa ggradwat fil-Malti u huwa wkoll għalliem tal-Malti. Jagħraf iħaddem sew il-lingwa Maltija u l-ktieb huwa għani fl-għażla tal-kelma. Fl-istess ħin mhuwiex ristrett fl-użu ta’ kliem, l-aktar dawk riċenti, għaliex jaf tajjeb li lingwa ħajja hija dik li tikber u tgħix. Aktar u aktar fil-każ tal-ktieb tagħna llum, li l-isfond tiegħu huwa wieħed żaħżugħ, u għalhekk imdawwar bl-użu tat-teknoloġija, fosthom il-mobajl.

F’xi waqtiet minn dan il-ktieb l-użu sabiħ ta’ kliem Malti, f’binja ta’ sentenzi li jpaxxuk – kważi poetiċi, eżempju “[Ix-xemx] Riedet tmiss wiċċ it-tfajla. Kient tieħu gost, kull nhar ta’ Ħadd, tittanta lil Leah, li …” (paġna 5). Drabi oħra, jinqeda b’elementi naturali bħat-temp biex ikompli jikkonsolida d-deskrizzjoni tal-burdata ħażina jew dwejjaq ta’ persuna (paġna 51). Mill-banda l-oħra, waqt it-taħdit, sabiex ikun realistiku, l-awtur ma jiddejjaqx juża l-Malti mitħaddet imżewweġ bi kliem Ingliż, eżempju “Buli. Grazzi Nath. Narak. Take care. See you Gejb. Kompli aqdef mela, ma ntellfekx.” Ta’ min jgħid ukoll li kull kelma Ingliża, intenzjonalment użata fit-test, hija fil-korsiv. L-użu tal-Ingliż, bla dubju ta’ xejn, mhuwiex nuqqas min-naħa tal-awtur imma riflessjoni ta’ kif b’xorti ħażina isir it-taħdit minn bosta li ma jiddejqu ikasbru dan l-ilsien li jagħtina identita’ unika. Huwa lsien uniku għaliex għandu oriġini semitika imma jinkiteb b’ittri Latini. Żgur li l-kitba ta’ Portelli tagħmel ġieh lil dan l-ilsien, u huwa ta’ eżempju kif il-Malti huwa lingwa attwali, ħajja u li tista’ taqdina saħansitra fiż-żmien tallum.

Rumanz żagħżugħ

Dan ir-rumanz huwa wieħed bi spirtu zagħzugħ. Forsi frott l-esperjenza tal-awtur li bħala membru tas-soċjeta’ tal-MUSEUM jaf tajjeb l-aspirazzjonijiet taż-żgħazagħ u l-ħolm tagħhom. Dan l-element jinħass sew fil-ktieb, għaliex mhuwiex artifiċjali, imma jidher sew mid-dettalji, li ħiereġ minn żagħżugħ li jaf sew u għex il-ħajja żagħżugħa. L-atmosfera u t-taħdit fil-caneen tal-universita’ (paġna 10, 80), it-taħdit permezz tal-kompjuter u l-“ħoss tal-popup” (paġna 16), il-mobajl (paġna 136, 144), l-assignments (paġna 14), l-entużjażmu u l-eċċitament meta jiltaqa’ ma’ tfajla ġdida (paġna 55 u 56), l-atmosfera tat-tnejn wara tmiem il-ġimgħa (paġna 29), fost oħrajn, huma kollha xhieda ta kemm dan ir-rumanz ħareġ minn pinna żagħżugħa. Gabriel u Leah jiltaqgħu f’Tal-linja (paġna 47) u għalkemm dak in-nhar stħaw minn xulxin. Waqt li kollox kien jidher li sejjer tajjeb mbagħad, f’daqqa waħda, jqumu kontrih l-irwiefen kollha u jibda jinqalagħlu għawġ wara l-ieħor, “Waqt li Gabriel kien qeigħed jitħabat mal-eżami fl-aħħar ħinijiet tiegħu, Leah bdiet titħabat ma’ realta’ li basret li keient ġejja fuqha, iżda li ppruvat taħrabha” (paġna 113). Il-flus kienu saru tentazzjoni għaliha u spiċċat bla impjieg. L-awtur ma jipprova joħroġ lil ħadd eroj mill-istorja. Huwa rumanz realistiku, fattwali u attwali, ‘il bogħod mid-dinja tal-fantażija jew ideali.

Mistoqsijiet tal-ħajja u tama

Bertam Portelli huwa persuna li kapaċi jaħseb fil-profond u fl-istess ħin persuna altruwista li jiddedika ħafna ħin għal ħaddieħor. Dawn iż-żewġ elementi joħorġu indirettament f’dan ir-rumanz li jħallik tirrifletti fuq il-mistoqsijiet eżistenzjali u fundamentali fil-ħajja u fl-istess ħin joffri tama liż-żgħażagħ. Minbarra l-probemi ta’ studju, ma’ Leah, jiżdied ukoll il-mard. Meta nħabbtu wiċċna mar-realta’ kiefra ta’ mard, bħal kanċer, psikoloġikament nitfarrku u niġu wiċċ imb’wiċċ mal-mewt. Għaliex it-tbatija u għaliex jien? Għaliex min jgħix tajjeb xorta jbati? Dawn il-mistoqsijiet u tama għalina lkoll huma fir-rumanz b’mod sottili ħafna. M’hemmx retorika. L-aktar li nammira lil Portelli jiena huwa kif permezz ta’ rumanz mexxej u ħaj, iwassal valuri tajbin. Irrid ngħid ukoll li huwa pożittiv ħafna li għandna rumanz żagħżugħ li jagħti pjaċir u gost liż-żgħażagħ u l-adulti wkoll, mingħajr ma jaqa’ fin-nasba tal-populiżmu.

Fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll rumanz pożittiv: Rumanz li joffri tama għaż-żgħażagħ. Dan huwa l-polz li baqa’ jħabbat.

Konklużjoni

Bertam Portelli huwa kif għidt fil-bidu, awtur umli li mhux se jfittex li jiġi kkwotat. Kiteb, meta ħass il-bżonn li kellu jikteb u jwassal xi ħaġa mirquma u tajba. Ma tantx huwa normali nagħmilha, imma se nazzarda nislef dak li Ġuże’ Chetcuti kien kiteb dwari fil-preżentazzjoni tal-ewwel ktieb tal-poeżija tiegħi, u nadattah għal Bertam Portelli. Portelli “għandu triq miftuħa beraħ għalih fil-futur. Ħeġġa, attivita’, maturita huma t-tripied li fuqu tissaħħaħ ir-rieda” ta’ dan il-kittieb. Il-ktieb għandu preżentazzjoni attraenti u jkopri 220 paġna.. Jinsab għall-bejgħ mil-Librerija Preca u mill-ħwienet ewlenin bil-prezz ta’ 8 ewro. Nissuġġerixi li wieħed jidħol fis-sit tal-ktieb http://www.ilpolzlibaqajhabbat.com/
(L-Orizzont, 6 ta’ Settembru 2014)

Two

Issa li bdew resqin il-jiem tas-sajf nippruvaw nagħmlu suġġerimenti ta’ kotba li jistgħu jagħtukom gost, kemm sabiex naqraw waqt li nkunu qegħdin fuq il-bajjiet tagħna, u kemm jekk inkunu qed nistrieħu ġewwa fl-arja kundizzjonata. Merlin Publishers qed jippreżentawlna ktieb bil-lingwa Ingliża Two, u din hija opportunita’ sabiħa li jkollna ktieb Malti bil-lingwa Ingliża. Two mhuwiex biss ktieb Malti għax miktub minn awtur li jgħix Malta, u lanqas għax ippubblikat Malta, imma wkoll għax ambjentat Malta. Fil-fatt waqt li qed taqra Two se tidħol mal-ewwel fl-ambjent Malti. Reljić jagħraf idaħħal sew l-elementi Maltin bħalma jaf idaħħal l-elementi kollha tas-sensi li mal-ewwel il-qarrej jistħajjel jidħol fix-xeni ippreżentati fil-ktieb. Minkejja li tradizzjonalment bosta jippreferu rumanzi Maltin, f’ġimgħa waħda biss mill-pubblikazzjoni, Two laħaq il-ħames post fil-klassifika tal-iżjed kotba mibjugħin f’Malta.
Miktub fl-ewwel persuna, u rrakontata mill-għajnejn ta’ William, tifel ta’ disa’ snin, li l-vaganza tiegħu f’Malta tispiċċa f’sensiela ta’ żjarat l-isptar. Il-fantazija tat-tfal twassalna għal ħrejjef li kienet tirrakontalu ommu dwar tifel jismu Vermillion. Ommu ssofri attakk tal-qalb u tispiċċa f’koma u ma titkellimx (p.33). L-awtur, dejjem mill-perspettiva tat-tifel jirrakonta dwar in-nanna, ftit storbjuża, u d-dar bi tliet sulari: l-ewwel wieħed mudlam u jwassal biss għall-ġnien, it-tieni sular fejn hemm il-kmamar tas-sodda u l-kċina u t-tielet sular il-bejt (p.34). Din id-dar twasslu wkoll għal kurżita’ dwar fejn trabbiet ommu u li jkompli jgħarrex fil-ħsibijiet tiegħu u f’dinja ta’ misteri. Il-kapaċita’ ta’ Reljić hija kif jagħraf jalludi għall-koma, mill-għajnejn ta’ tifel żgħir. Dak li żgur ma jimmaġinax it-tifel huwa li ommu ma titkellimx, għaliex fuq kollox tant jiftakar mingħandha l-istejjer (p.24). Għaldaqstant l-awtur jagħżel li minflok jiffoka fuq dawn l-istejjer. F’dawn il-ħrejjef ukoll nara l-ħila ta’ dan l-awtur jien, kif minn rakkont ħiereġ mill-imaġinazzjoni ta’ tifel, joħroġ rakkont li jappella għall-adulti. Fil-fantażija u l-misteri naraw il-bir tas-sigrieti (p.45). L-awtur jagħraf iwaħħad tajjeb dawn il-ħrejjef mal-ġrajjiet reali ta’ William li minn banda qed jistaqsi dwar ommu u fl-istess ħin jidħol Vermillion kompletament jisraqslu l-immaġinazzjoi. Dak li hu ‘reali’ u dak li hu immaġinarju jimxu flimkien man-narratur.
Jien kelli x-xorti wkoll li nattendi għat-tnedija ta’ dan il-ktieb li saret fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, u ġiet organizzata b’mod innovattiv minn Creative Island. It-tnedija deqitna ftit x’nistgħu insibu fil-ktieb, l-aktar bil-karattri lebsi, u l-bir tas-sigrieti fejn ġejna nkoraġġiti nitfgħu u nieħdu sigriet, b’mod anonimu. Nemmen li Teodor Reljić għad għandu ħafna aktar x’joffrilna fil-ġejjieni, l-aktar minħabba l-karatteristiċi uniċi fil-kitba tiegħu u t-tħaddim tajjeb tal-lingwa sabiex b’vokabolarju limitat ta’ tifel żgħir, jagħti dettalji ta’ deskrizzjoni u joħloq emozzjoni. Nistqarr li meta bdejt naqraw irniexxielu jdaħħalni f’dinja oħra, u anke jiena bħala qarrej skoprejt il-Jien ġo fija li wkoll ifittex dinja ta’ misteri u fantażiji.

Two jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn www.merlinpublishers.com.

Id-Difna f’Ta’ Xbiex

F’din il-paġna ilqatna diversi gosti ta’ bosta qarrejja u ssuġġerejna diversi kotba ta’ natura differenti, kemm rumanzi, rumanzi bl-Ingliż, kotba għat-tfal, ġabriet ta’ poeżija kif ukoll ġeneri oħra. Pero mhux l-ewwel darba li waqfuni n-nies, u staqsewni sabiex nissuġġerixxi jew xi rumanz klassiku Malti jew xi rumanz ambjentat fi żminijiet aktar imbiegħda. Huma dawn il-qarrejja li waqt li japprezzaw stejjar kontemporanji pero huma dejjem għatxana għal rumanzi bi sfond storiku u rumanzi klassiċi Maltin.

Nistqarr li llum għandna quddiemna ġojjell fil-Letteratura Maltija. Dan huwa rumanz storiku adattat ferm tajjeb minn Charles B. Spiteri. Spiteri qed jagħmel biċċa xogħol impekkabli billi jadatta dawn ir-rumanzi storiċi sabiex b’hekk ikun jistgħu jitgawdew minna. Jekk wieħed iżomm f’rasu iż-żmien meta dawn inkitbu u anke l-istil li Arturo Caruana ħaddan, wieħed malajr jintebah li ma kinetx biċċa xogħol faċli dik li daħal għaliha Spiteri. U permezz ta’ din il-biċċa xogħol siewja dawn ir-rumanzi, li forsi l-poplu ftit li xejn kien ikollu konoxxenza tagħhom, jistgħu jitgawdew u jkomplu jagħtu pjaċir lil ħafna u ħafna qarrejja. Ta’ min wieħed jgħid li Arturo Caruana, kittieb kbir li l-istess Spiteri għandu ammirazzjoni kbira lejh, kien jikteb kollox f’ambjent Malti u fl-istil ta’ ħajja ta’ żmienu. Għalhekk il-qarrej ikun jista’, f’kemm trodd salib, jinkapsula ruħu u jagħraf dak kollu, li bi dritt hu tiegħu.

Fi żmien meta l-parti l-kbira tal-poplu tagħna kien illiterat u fqir, ftit li xejn kien hemm suq għall-kotba. Għaldaqstant, dawn ir-rumanzi x’aktarx li kienu jinbiegħu bħala faxxikli. Dawn il-faxxikli kienu jkunu folja ta’ gazzetta u jinxtraw madwar sold il-wiehed fil-gimgħa. Huwa probabbli ħafna li dawn, il-faxxikli kienu wara jiġu illegati. L-awtur, wara li rnexxielu jsib kopja ta’ dawn il-faxxikli, kien qara t-triloġija ta’ dan ir-rumanz meta kien jaqra r-rumanzi fuq ir-radju u fil-fatt kellu insistenza qawwija għalih mis-semmiegħa. Peress li t-tliet volumi oriġinali kienu ħoxnin mhux ħazin, u llum hawn ħafna li malli jaraw ktieb, l-ewwel ma jħarsu jkun lejn il-voluminozità tiegħu, il-BDL ħasbu li joħorġuhom f’volumi izgħar, u għalhekk, flok tliet kotba, se jkunu sitta.

Fil-fatt, il-ktieb li għandna quddiemna llum mhuwiex l-ewwel wieħed ta’ Arturo Caruana adattat minn Charles B. Spiteri. Diġa ltqajna mat-Triloġija Il-Misterji tal-Wardija (Dolores, Leonilda u Jose) li niżlet tajjeb ferm ma’ bosta qarrejja.

Ir-rumanz jibda b’mod traġiku: Kien għadu kemm spiċċa l-aħħar tokk tal-ħdax ta’ billejl tal-ħmistax ta’ Settembru u mid-dgħajsa tnejn min-nies iniżżlu katavru mdaħħal fi xkora twila. Minn dak il-punt tat-tluq l-istorja tkompli tikkomplika ruħha u l-awtur iżomm il-qarrej imwaħħal mad-diversi azzjonijiet u l-intriċċi li jsawru dan ir-rumanz. Iqumu wkoll diversi mistqosijiet: Min kien l-awtur tad-delitt?

Il-Kanċillier Theuma ġab quddiem l-Imħallef xhud ewlieni fil-konfront ta’ Indri’ s-sajjied – propju lill-akbar ħabib tiegħu, Pietru l-bakkari. Pietru fil-fatt kien miegħu nhar il-ħmistax ta’ Settembru u xehed kif Indri’ kien ordnalu biex iħaffer ħofra fil-ħamrija u difen katavru (p.108-111). Wara dan radam kollox mill-ġdid. Xehed ukoll li Indri’ kien li qata’ ras dak l-imsejken. Indri’ fil-fatt inqatgħatlu għall-mewt. Iżda l-istorja ma tiqafx…

Dan Indri’ kien bniedem misterjuż. Kif iddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” iżda jdejh ftit missew ħut u jekk missew…dan sar waqt l-ikel. Ix-xwejjaħ fil-fatt sejjaħlu ‘Sinjur’ (p.121). Dan Baldassare kien saħħar u indikalu li ma kinex ser imut għalissa imma kellu jkollu mewta traġika. Fil-fatt, mis-sentenza tal-mewt fi żmien qasir, Indri jitkellem mal-kbarat bl-akbar kunfidenza u jiddefendi l-każ tiegħu. Il-Ħakem Baskal Testaferrata kellu pressjoni kbira sabiex jissolva dan il-każ tas-‘sajjied’ saħansitra mill-Gran Mastru De Rohan (p.237). Niltaqgħu ukoll mal-imħabba ta’ Beatrice, li kienet in-neputija ta’ Indri’ ma’ Roberto. Iżda wara kollox min kien dak li orkestra dan kollu? X’kienet ir-relazzjoni bejn Indri’ u l-Ħakem li ried jeħles mill-kontri biex jisirqulu r-renti? It-tmiem dwar min kien il-vittma huwa wieħed sorpriża.

L-isfond huwa kollu fi żmien il-Kavallieri, pero waqtiet tibda tintebah li r-realta’ tal-ħajja mhijiex differenti mil-lum. Għandek min kif ngħidu bil-Malti, ilsienu jaqilgħu u huma dawn it-tip ta’ nies li b’xort ħażina bosta drabi jirnexxielhom javvanzaw, jitkellmu mal-kbarat u saħansitra kapaċi jimmanipulaw skont fejn jaqbillhom. L-agħar huwa meta mhux dejjem ikunu subgħajhom dritt u minn taħt ikun hemm ukoll l-intriċċi. Bil-Malti ngħidu wkoll min iħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha, u agħar u aktar minn hekk ngħidu wkoll li l-ħuta minn rasha tinten.

Din il-biċċa xogħol ħadet lil Charles B. Spiteri kważi sentejn sabiex editja x-xogħol ta’ Caruana, ittajpjah u lestieh. Grazzi kbira tmur ukoll lill-BDL, li b’ferħ kbir għoġbu jidħol għall-pubblikazzjoni tiegħu. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-ktieb għandu preżentazzjoni ferm sabiħa u tipa kbira biżżejjed li l-qarrejja jistgħu iħossuhom komdi jaqraw mingħajr ma jgħajjew għajnejhom. Ktieb li għandu jsib postu fil-libreriji tagħna.
(L-Orizzont, 28 ta’ Ġunju 2014)

Eżempju ta’ Faxxikli

Ballun Pinġut 2

Ninsabu fil-qofol tat-Tazza tad-Dinja u ma setax jonqos li anki din il-Paġna Letterarja norbtuha ma’ dan l-isports tant għall-qalb bosta nies. Iżda ċertament li l-futbol ma jispiċċax mat-Tazza tad-Dinja, u nistgħu ngħidu li l-kampjonati jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu. Waħda mid-diffikultajiet kbar li jsibu il-ġurnalisti sportivi hija li numru kbir ta’ kliem tekniku u kliem ieħor li ġej minn ilsna barranin, l-aktar l-Ingliż, joffru sfida kbira fit-tħaddim tajjeb tal-lingwa Maltija. Kif nafu, il-Malti huwa lingwa ħajja u trid taqdi l-ħtiġjiet ta’ dawk li jitkellmuha. Ma tagħmilx sens li wieħed jipprova joħloq xi kliem ġdid jew frażijiet ġodda sabiex ifisser u jispjega il-logħba, għaliex dawn il-kliem jitwieldu b’mod naturali mis-segwaċi tal-logħba tal-futbol. Meta l-iżvilupp tal-lingwa jkun daqstant riċenti, b’influss qawwi ta’ termini ġodda li jiġu applikati sabiex ifissru xi tip ta’ azzjoni jew oħra, jew xi aspett mil-logħba tal-futbol, ir-riskju huwa li jkun hemm diversi varjanti tal-lingwa. Hekk ġara f’oqsma oħra, fosthom it-teknoloġija, fejn l-influwenza tal-lingwa Ingliża hija evidenti u naturali. Anki f’dan il-qasam huwa importanti li wieħed ma jużax frażijiet differenti sabiex infissru l-istess ħaġa. U dan jidhirli li huwa l-akbar mertu li wieħed għandu jagħti lil dan il-ktieb, li joħloq standard u b’hekk jevita jużu differenti tal-lingwa sabiex infissru l-istess ħaġa.
Naturalment dan Keith Attard m’għamlux waħdu u kif dehrlu huwa, imma wara konsultazzjoni wiesa’ ma’ dawk kollha involuti fosthom nies b’esperjenza kbira kemm fil-futbol kif ukoll fl-ilsien Malti. Attard jiżżi ħajr lil dawn “l-informaturi” propju fil-bidu nett ta’ din il-ġabra, u fost oħrajn insibu lil Kevin Azzoppardi, referi’ bi sbatax –il sena esperjenza, Marco Buttiġieġ, Godfrey Grima u Michael Farrugia li kkowċjaw diversi timijiet, Matthew Polidano u Godwin Aquilina li huma eksplejers, Manwel Gauvi u Cristian Anthony Muscat li huma ġurnalisti sportivi kif ukoll Roderick Briffa, Zach Muscat u Paul Camilleri li huma plejers tal-futbol. Ma’ dawn wieħed iżid ukoll lil Matthew Bonett, Edward Cachia u l-eksreferi’ internazzjonali Adrian D. Cachia. Semmejthom kollha mhux biss biex nuri li dawn l-informaturi huma tabilħaqq nies ta’ kalibru għoli, imma wkoll Attard għaraf jagħżel tajjeb firxa differenti ta’ esperjenzi sabiex ikun ċert li l-esperjessjoni miktuba ġejja u tista’ tiġi użata kemm minn ġurnalist sportiv, kemm minn referi’ u kemm minn plejer. L-awturi jirringrazja wkoll imma lill-moħħ, flimkien miegħu wara l-ewwel edizzjoni fosthom il-Kunsil Nazzjonali tal-Ilisen Malti u l-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Ta’ min inżommu f’moħħna wkoll li f’kull lingwa, inkluż dik Maltija, jeżistu karatteristiċi uniċi li ma nsibuhomx f’ilsna oħra. Għaldaqstant aħna ngħidu tim “rebaħ b’ċikka” meta “tim jirbaħ partita kontra x-xejra tal-logħob jew inkella jiskorja fl-aħħar battuti tal-partita” (p.141) u “rasu mgħollija” meta “tim ikun sodisfatt bil-wirja tiegħu, imqar jekk joħroġ tellief” (p. 140). Dawn l-esperessjonijiet, ċertament m’għandhomx traduzzjoni kelma b’kelma minn xi lsien barrani. Għaliex twieldu minn din l-art sabiex ifissru azzjonijiet li b’ilsna oħra il-kliem jinbidel kompletament. Mill-banda l-oħra għandna kliem fejn jinħass sew l-influwenza tal-Ingliż jew x’aktarx it-taljan, imma liebes libsa Maltija u għaldaqstant huwa kliem Malti. Għaldaqstant ngħidu aħna “awtogowl” meta “plejer jolqot il-ballun ħażin u jitfgħu fix-xibka tiegħu stess” (p.27). L-importanti huwa li dawn l-espressjonijiet jingħadu u jinkitbu dejjem bl-istess mod u dan il-ktieb jgħin mhux ftit wabiex ikun hemm din l-uniformità u prinċipju wieħed li dak li jkun jista’ jimxi dejjem bih. U kurżita: Għalfejn “Ballun pinġut”, li huwa l-isem propju ta’ dan il-ktieb. Ballun pinġut tingħad “meta pleyer iqassam jew jixxutja u jġib il-ballun eżatt fejn irid hu.” (p.30).
Ta’ min wieħed jgħid li din hija it-tieni edizzjoni ta’ Ballun Pinġut u fiha 1400 kelma u espressjoni bil-Malti marbuta mal-futbol. Fl-2012 il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport kienu ħarġu ġabra ta’ 930 kelma u espressjoni bil-Malti. L-għan ta’ din l-ewwel ġabra kien sabiex tkun ta’ gwida għax-xandara sportivi u għaldaqstant tħalla barra kliem li m’huwiex f’loku jingħad fuq il-mezzi tax-xandir (p.17). Ma’ dawn iżda, dan ir-reġistru kompla jiġi rivedut u żied ammont sew ta’ kliem (470) aktar mill-ewwel edizzjoni.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet ewlenin tal-kotba. Jista’ jinkiseb ukoll mill-estora tas-sit http://faraxabooks.com/ u anke mill-aġenziji tal-kotba magħrufa fosthom amazon. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat ittra elettronika fuq jew fuq facebook.

(L-Orizzont, 28 ta’ Ġunju 2014) 

L-Iskjav ta’ Isabel

Jekk il-Maltin iħobbu jaqraw ir-rumanzi, L-Iskjav ta’ Isabel huwa ktieb li żgur mhuwiex se jiddiżappunta. Fl-opinjoni tiegħi jolqot il-bosta elementi li jfittxu ħafna Maltin: mexxej, attwali, bl-element ta’ misteru kif ukoll senswali. Dawn l-elementi iżda mhumiex miżjudin sabiex jagħmlu l-ktieb wieħed populista, imma huma parti essenzjali mill-istil tal-awtriċi, filwaqt li ma jnaqqsu xejn mill-ħsibijiet profondi li jsawru din l-istorja. Audrey Friggieri, għandha din il-ħila li ddaħħal il-qarrej fl-istorja, toffri deskrizzjonijiet dettaljati u b’lingwaġġ sempliċi fl-istess ħin. F’xi waqtiet ma jonqsux ukoll mumenti ta’ tensjoni. Waqt li jagħtik pjaċir taqra, u f’dan is-sens il-ktieb jilħaq dan il-għan mija fil-mija, iħallik wara b’ħafna togħmiet differenti u taħseb fuq dak li tkun qrajt.

Il-karattru prinċipali huwa Raymond, tifel kwiet, xi ftit jew wisq eċċentriku, jew għallinqas hekk kienu jarawh bosta, imma kien il-mimmi tan-nanna Filomena. Wara li mietet, ħallietlu d-dar u Raymond iddeċieda li jitlaq mill-appartament storbjuż li kellu u jmur jgħix f’din id-dar. Kien għal qalbu ħafna. Ħaġa waħda kienet iddejqu: il-Gwardarobba. Kienu jiġrulu ħwejjeġ strambi, xi drabi jsib ħwejjeġ mal-pultruna lesti u drabi oħra jiġġamjawlha l-bibien u mhux l-ewwel darba li mar ix-xogħol liebes stramb u jgħadduh xi passata żmien. Iddeċieda li jkellem lill-kappillan. Waqt li l-Kappillan talab fuq il-gwardarrobba u baħħarhielu skont kif talbu Raymond, ftit li xejn donnu li emmnu. Qallu li l-gwardarobba kienet simnet u ġablu mastrudaxxa. Wara li reġa’ sema’ l-ħsejjes bil-lejl, Żeppi l-mastrudaxxa inkoraġġih ibiegħ dik l-għamara antika. Dik il-gwardarrobba kellha tlaqqgħu ma’ Isabel Romero, tfajla sabiħa li għall-ewwel talbitu sabiex tikri f’dik id-dar billi sa dak iż-żmien kienet għadha toqgħod f’lukanda. Isabel talbitu l-gwardarobba. Oħroġ il-għaġeb waqt li meta kienet tkun għandu kien jara bosta affarijiet strambi, tant li daħħal f’rasu li kienet imxajtna, meta kienet għand Isabel ma kien jiġri xejn. Żgur iżda li m’aċċettax li din tinbiegħ wara ħolma li kellu fejn ra lil nanntu li ma ħallitux jagħmel dan.

Ir-relazzjoni stramba ma’ Isabel bħal illiberatu u ħarġitu mill-ambjent reliġjuż u magħluq li trabba’ fih. Isabel kienet l-ewwel tfajla li lejha ħass ġibda speċjali għaliex kien deċiż li ma kienx ser jaqbad mara oħra bħal ma kienet ommu. Iż-żjara għand il-medium, Clarissa, aktar kompliet tilliberah mill-imgħoddi tiegħu. Huwa u Isabel iżda ma kellhomx l-istess pjanijiet. Il-karattru riservat, x’aktarx stramb tiegħu ftit li xejn kien kompatibbli mal-karattru ta’ Isabel li setgħet idaħħlu u toħorġu fil-komma kif trid. L-għanijiet tagħha kienu differenti. Raymond ma damx ma beda jintebah meta f’daru beda jsib storbju sħiħ, bosta tfajliet u ġuvintur deħlin u ħerġin f’daru, tant li ġab bosta garr mill-ġirien,. It-tmiem ta’ dan il-ktieb huwa wieħed traġiku.

Fil-bidu tal-ktieb insibu tliet kwotazzjonijiet minn kittieba kbar: Carl Gustav Jung, Pablo Neruda, u Friedrich Nietzsche. Mingħajr ma nidħol fid-dettalji ta’ kull kwotazzjoni, naħseb ifissru sew dak li għidt fil-bidu; li mill-istorja mexxejja, deskrizzjoni mill-aqwa u xi partijiet minnha bi ftit azzjoni, joħroġ ukoll il-profond. Dan il-ħsieb mhuwiex qiegħed preżenti b’ħafna retorika fil-ktieb, imma waqt li jagħti gost lil dak li jkun, iħallik ukoll tirrifletti u forsi wkoll tassoċja ma’ xi karattri. Fil-fehma tiegħu Audrey Friggieri stabilixxiet ukoll f’dan il-ġeneru ta’ kitba.

(L-Orizzont, 14 ta’ Ġunju 2014)

A Land in the Storytelling Sea

Meta persuna barra minn xtutna jikteb jew tikteb dwar pajjiżna, ilkoll nieħdu gost u napprezzaw immens. Huwa ta’ sodisfazzjon doppju meta mbagħad dak li jkun jesporta l-kultura u l-karattru Malti barra minn xtutna. Il-ktieb li għandna llum, A Land in the Storytelling Sea, mill-poetessa Amerikana, imma tgħix il-Kanada, Sheryll Loeffler mhux biss huwa pubblikazzjoni Maltija – Faraxa Publishing – imma miktub bl-għan li juri is-sabiħ tal-kultura, storja u tradizzjonijiet Maltin. Dan il-ħsieb Loeffler toħorġu fl-ewwel poeżija minn din il-ġabra “Postcard to North America”. Il-poetessa bħal tixtieq tibgħat kartolina permezz ta’ dan il-ktieb – ix-xemx, is-sema, il-baħar, it-tempji, is-swar, il-palazzi, it-tradizzjonijiet reliġjużi u oħrajn (p.17). Il-ktieb imbagħad jiġbor fih bosta aspetti oħra li jsawru l-identita’ Maltija – mil-lenti ta’ poetessa. Insibu fost oħrajn il-Luzzu (p.19,25,27,47), il-Fidi (p.37, p. 51, p.109), Leġġendi, fosthom tal-Isperanza (p.65), ta’ San Mitri (p. 67, p.71), ta’ Għar Ħasan (p.73), il-festa (p.57), il-gwerra (p.61), u bosta oħrajn.
Il-poetessa tibda l-vjaġġ tagħha fl-ajruport tal-Kanada (p.21). Il-kumplament huwa djarju; djarju ta’ din il-mawra. Għodwa Maltija tilqek il-“Bonġu”, xi wħud għall-Knisja, oħrajn is-Suq. Fuq kollox il-ħajja normali fil-postijiet tax-xogħol u fl-uffiċini. Minkejja li nistgħu ngħidu li dawn il-poeżiji huma stampa tal-ħajja tipika Maltija, hemm ukoll il-ħsieb profond warajhom. Bħal bosta poeżiji oħra huma wkoll riflessjonijiet personali. Bħala persuna dilettant ukoll tar-ritratti, għalkemm bl-ebda mod ma nħossni kompetenti biex niġġudika ritratt, ma nistax iżda inwarrab ir-ritratti li jakkumpanjaw dan il-ktieb. Għal kull waħda mill-50 poeżija f’din il-ġabra hemm ritratt li juri xi post f’Malta. L-akbar valur li nara f’dawn ir-ritratti huwa l-kompożizzjoni tagħhom u xi wħud minnhom ukoll huma artistiċi. Fuq kollox ikomplu jagħtu dan il-ktieb aktar il-karattru Malti.
Dan il-ktieb ġie mniedi l-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju, minn Faraxa Publishing flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin fis-Sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi fil-Furjana. Sheryl Loeffler, minbarra li hija awtriċi hija wkoll mużiista. Għandna lawrja mill-Universita’ ta’ Wittinberg kif ukoll ta’ Waterloo. Barra minn hekk kisbet ukoll dottorat fid-Drama fl-Universita’ ta’ Toronto. Ippublikat diversi poeżiji f’diversi rivisti fl-Awstrija, Kanada, Ġappun, il-Gran Brittanja u fl-Istati Uniti ta’ Malta.
Wieħed jista jakkwista dan il-ktieb, A Land in the Storytelling Sea: A North American in Malta fuq is-sit Amazon, kif ukoll minn bosta ħwienet ewlenin. Dan il-ktieb huwa ideali wkoll anke jekk ser jingħata bħala rigal lil xi familjari barra minn xtutna. Ir-poeżiji flimkien mar-ritratti sbieħ jakkumpanjawhom jagħmlu dan il-ktieb tabilħaqq suvenir attraenti. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit faraxpublishing.com.
Sadanittant propju ġimgħa wara, fis-6 ta’ Ġunju ġie mniedi wkoll il-ktieb Ballun Pinġut 2 ta’ keith Attard. Din it-tnedija saret flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport. Dan huwa glossarju ta’ 1400 frażi u espressjonijiet li jintużaw fl-isports. Għaldaqstant huwa ta’ gwida siewja ħafna kemm għall-ġurnalisti kif ukoll għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isports. Naħseb bħalissa, li qegħdin fiż-żmien tat-Tazza tad-Dinja huwa f’waqtu li wieħed jakkwista dan il-ktieb. Aktar informazzjoni fil-jiem li ġejjin…

(L-Orizzont, 14 ta’ Ġunju 2014)

L-Aħħar 13

Ivan De Battista – Kittieb, Poeta, Attur, Direttur, Produttur – mhux wiċċ ġdid għal ħafna minna. Niftakruh fost oħrajn bħala attur prinċipali f’Pupi, Il-Kristu tal-Kerrejja (2008) u F’Salib it-Toroq u De Battista kien ukoll Direttur tas-serje popolari Prima Facie u bħalissa tas-serje Tfal. Ħa ħsieb ukoll id-Direzzjoni u l-Produzzjoni ta’ Snajja Maltin. Bħala awtur iddebutta bil-ġabra ta’ poeżiji Irwiefen li ħareġ fl-1999. Minn dak in-nhar ma waqafx, u issa f’idejna għandna rumanz ieħor ta’ Ivan De Battista bl-isem L-aħħar 13. Rumanz li jirrakonta l-aħħar 13-il jum ta’ raġel li “twieled taħt sħaba sewda u donnu baqa’ jgħix taħtha”. L-aħħar 13…sakemm il-qarrej jispiċċaw b’sorpriża. Rumanz li jġagħlna nirriflettu fuq il-ħajja li waqtiet jaf tkun kiefra, tant li jkun diffiċli li toħroġ mic-ciklu vizjuż li wieħed jidħol fih, kawża ta’ diversi fatturi. Xi wħud mill-problemi nġibuhom b’idejna, u l-protagonista ta’ dan ir-rumanz, dan jagħrfu tajjeb, tant li jħoss li kien jistħoqqlu l-kastig għal dak li għamel. Iżda l-kawża li twassal għal dawn il-problemi, bosta drabi ma jkollniex kontroll fuqha, hekk kif għandna propju f’dan ir-rumanz – vittma tas-soċjeta’ u fuq kollox tal-familja tiegħu stess. In-nanna li kienet tipprostitwixxi ruħha, l-omm li tant sofriet sabiex trabbi lil binha – il-protagonista tal-istorja, li iżda wkoll ma tantx gawda iż-żwieġ sfortunat tiegħu ma’ mara li spiċċat taqlibielu mal-avukat li għamlulu ħajtu infern. Spiċċa iżolat u mċaħħad minn ibnu.

Waqt li qed naqra dan ir-rumanz, b’xi mod fakkarni fl-interpretazzjonijiet monologi mill-aqwa li kien għamel fuq il-Palk l-attur ieħor magħruf Mario Micallef. Huwa karba mill-bidu sal-aħħar ta’ karattru li fi kliem l-awtur twieled taħt stilla ħażina. Madankollu huwa wkoll rakkont li jżommok mill-bidu sal-aħħar taqrah. Il-kitba ta’ De Battista faċilment idaħħlek fl-ispirtu tar-rakkont, u jżommok f’suspens sal-aħħar – sal-aħħar 13. Wieħed japprezza wkoll il-ġmiel tal-lingwa Maltija, imħaddma ferm tajjeb mill-awtur, b’espressjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum li ma jnaqqsu xejn mill-valur letterarju u ma jillimitawx lill-awtur f’dak li jrid iwassal. Fil-fatt inħoss, li min jaħseb li b’xi mod l-ilsien Malti huwa nieqes mill-vokabolarju u neħtieġu għalhekk nużaw kliem mislut minn ilsna barranin, tajjeb li jħares lejn dan il-ktieb u jkollu eżempju tajjeb ta’ lsien pajjiżna mħaddem sew mingħajr ma jnaqqas jew jillimita lill-awtur.

Ir-rakkont mhuwiex daqstant ‘il bogħod mill-ħajja tan-nies. B’xorti ħażina, kif ngħidu l-ħmar il-magħkuż idur għalih id-dubbien. U misħut il-vizzju tagħna li nikkundannaw u niġġudikaw. Kullħadd għandu qalb li tħoss, anke jekk miss mal-vizzji, għax għal xi wħud il-ħajja hija diffiċli, ‘b’passat iebes, preżent krudili.” Kurżita’ oħra fuq in-numru 13, li għal xi wħud li huma superstizzjużi jqisjuh li jġib xorti ħażina. Min jaf? B’nofs ċajta ngħid li ma domtx 13 –il jum naqra dan il-ktieb, għax iżommok imwaħħal miegħu sakemm tispiċċah.See Translation— with Ivan De Battista.

Mumenti

L-ewwel ħaġa li laqtitni fil-poeżiji ta’ Casha hija l-maturita’ ta’ dan il-kittieb u poeta: Maturita’ fil-kitba u maturita’ fil-ħsieb. Poeta li mexa vjaġġ twil u joffrilna dawn l-esperjenzi flimkien ma’ ħsus ta’ imħabba, xewqat, uġigħ, u fidi. Kif jistqarr il-poeta stess f’ “Li kieku kont” (paġna 13):
“Li kieku nista niġbor
xi wħud mit-tifkiriet
li bihom darba qalbi
b’tant hena, ferħ imtliet.”

Madankollu jħoss li dan biss jista jagħmlu “fil-ħolm li jtir mar-riħ”. Waqt li bl-ebda mod ma nista’ mmur kontra l-ħsieb tal-poeta, ikolli ma naqbilx u nazzarda ngħid li rnexxielu jiġbor mhux biss it-tifkiriet, u l-ħsus tiegħu imma anke l-ħolm tajjeb ferm permezz ta’ din il-ġabra li għandna f’idejna. Fil-fatt, dan il-ktieb narah bħala tkomplija għal awtobijografija li Casha ħareġ fl-istess żmien Jien ukoll għandi storja xi ngħid, din id-darba taħt bixra poetika.
Il-ħajja hija vjaġġ, u dak li jfittex il-poeta huwa is-serħan. Wara kollox il-bniedem ifittex li jkollu l-ferħ f’ħajtu, u dan Casha isibu fil-kwiet, hekk kif jidher fil-poeżija “Il-vjaġġ” (p.9), fejn jistqarr li dak li jagħmlu verament hieni huwa s-serenita’ u t-trankwillita’. Forsi dan l-għarfien huwa esperjenza aktar matura ta’ bniedem li bħal kull bniedem ieħor iġarrab bosta esperjenzi f’ħajtu. Dan il-vjaġġ ikun aktar avventuruż meta l-bniedem ikun aktar żagħżugħ fejn toħlom li ma tixrobx imrar u “fejn kollox ward u zahar” hekk kif insibu fil-poeżija “Ħriġt” (p.10). Malajr iżda l-poeta jintebah li mhux kullħadd jixtieqlek il-ġid, anzi issib “sriep” b’ħarsa “li tixbah lil tal-ħbieb”.
Il-poeta huwa konxju wkoll li dil-ħajja mhijiex eterna. Din it-tema tal-eżistenzjaliżmu hija qawwija ħafna fi “Ħsieb ta’ Mument” (paġna 16)
“Iż-żejt fil-kus qed jonqos.
M’għadux kif darba kien.
U naf li darba nitlef
Il-ġlieda kontra ż-żmien.”

Casha jirrifletti fuq il-ħajja u l-ħolqien f’diversi vrus oħra. Jirringrazja lil Ħallieq tal-għasafar u t-tjur (Lilek Mulej) għalkemm waqt li jagħraf is-sbuħija ta’ madwaru dejjem iżomm f’moħħu li xejn ma jiżboq il-ġmiel tal-Ħallieq. It-tema tal-eżistenzjaliżmu tkompli toħroġ f’diversi poeżiji oħra fosthom Ċrieki, Ħajja Ġdida, Wara biebek Mulej eċċ.

L-element reliġjuż jinħass sew ukoll fil-poeżiji bħal “Inkun qed nistenniek” (p.4) fejn “f’jum xitwi b’temp imsaħħab” li naturalment tindika it-tbatija li waqtiet bħala bnedmin ikollna ngħaddu minnha, il-poeta jsib serħan fi “knisja ċkejkna mwarrba” ujj donnu jsib is-serħan quddiem kurċifiss. Il-ħsieb li l-Mulej insibih fis-skiet, nerġgħu narawh fil-poeżija “Fittixtek” (p.8). Lil Alla ma nsibuhx f’dak kollu li hu materjali imma “f’kappella minsija xi mkien qalb l-għelieqi”.
L-aħħar sitt poeżiji tal-ktieb huma bil-lingwa Ingliża, li bħal dawk bil-Malti l-awtur jagħmel għażla tajba tal-kelma u huma mirqumin kemm fil-ħsieb kif ukoll fil-lingwa. F’din il-ġabra, minkejja li bħal f’kull bniedem ieħor huwa evidenti li l-poeta mhux dejjem kellu esperjenzi sbieħ, u waqtiet anke ġarrab mumenti ta’ solitudini u tbatija, jiena f’din il-kitba nara wkoll ħafna pożittivita’. Il-poeta jħares lejn il-ħajja b’mod sabiħ, u mimli tama (Hope), minkejja li ħafna drabi l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħna jispiċċaw fix-xejn (Elf ħolma).
Charles Casha żgur li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Tana numru kbir ta’ kotba (li diffiċli nsemmuhom kollha) bosta minnhom popolari mmens, xi wħud anke ngħid li jġibu nostalġija għal dawk minna li meta konna żgħar niftakru li konna nużaw xi wħud minn dawn il-kotba sabiex intejbu l-ħiliet tagħna fil-lingwa bħalma huma Id-Dudu (1981), Il-Ġrajja tad-Dudu (1981), Kun Af (1987), Kemm taf (1987). Niftakru wkoll l-istejjer qosra umoristiċi għat-tfal fosthom il-famużi stejjer ta’ Fra Mudest, u avventuri għat-tfal bħal Il-Misteru ta’ San Luċjan u aktar riċenti Il-Misteru tal-Maqluba (2001). Casha huwa rebbieħ ukoll ta’ diversi konkorsi letterarji.

(L-Orizzont, 31 ta’ Mejju 2014) 

L-Anġlu tal-Lament

Ir-rumanzi huma tant għal qalb il-Maltin u mfittxija bil-bosta. Carlo D’Emanuele qed jippreżentalna rumanz li żgur mhux se jiddiżappunta, “L-Anġlu tal-Lament”. In-narratur jiltaqa’ ma’ James Oldens fuq żewġ titijiriet lejn Frankfurt fuq xogħol, karattru kemmxejn stramb. Bejniethom tinbed ħbiberija partikolari iżda fit-tieni u l-aħħar vjaġġ li għamlu flimkien għal Lisbona, James beda jinkwieta fuq l-uġigħ li kellu f’ġenbu għalkemm pprova ma jagħtix każ u jieħu gost. Madankollu ftit wara n-narratur sema li James kien miet.

Ir-rumanz huwa dwar dan il-vjaġġ intimu u personali fejn joħroġ fil-beraħ il-passat ta’ James. It-trobbija ta’ James ma kinetx waħda faċli, l-aktar għall-fatt li sofra abbuż fiżiku u emozzjonali mill-familja tiegħu stess. Lil James, in-narratur għamel xi żmien ma baqax jarah, “minħabba d-deadlines tax-xogħol kif ukoll minħabba attivitajiet familjari” (p.8). Madankollu bdew jiġru fih affarijiet li ġagħluh jaħseb bħal jitla’ xi ħadd fuq tal-linja u jgħolli rasu, bħal donnu l-ispirtu tal-persuna jiġbdu lejh. James jintebah li n-narratur kien qed jaħseb fuq l-ispirtu u jibdew dan il-vjaġġ straordinarju ta’ spiritwalita’, fejn jiddiskutu fost oħrajn, ħolm, anġli u anke inkarnazzjoni. “Inti ġieli kellek ħolm rikorrenti? Bħal ngħidu aħna toħlom li qed tara lilek innifsek f’xi sitwazzjoni jew epoka differenti?”(p.64) darba staqsieh James. Naraw ukoll aktar ‘il quddiem l-esperjenza ta’ sesswalita’ u fl-istess ħin ta’ għotja billi James kien qed jitħajjar ukoll għal saċerdot. Fost oħrajn insibu Vanessa, il-waitress li ltaqgħu magħha Lisbona u l-interess tas-sagristan fejn James esperjenza l-ewwel bewsa ta’ raġel.

L-awtur jintebah li James miet wara li dan ma kienx niżel mill-ajruplan. Għal darb’oħra, il-memorja ta’ James kultant tintesa mal-ħafna affarijiet oħra tal-ħajja. Imma l-ispirtu tiegħu donnu baqa’ hemm u l-preżenza tiegħu kien jarha u jħossha il-ħin kollu.

L-Anġlu tal-Lament huwa ktieb mimli misteri, ħolm u jdaħħlek f’dinja oħra. Miktub b’lingwa mexxejja ħafna, huwa wkoll attwali ħafna tant li jlaqqgħana ma media soċjali kontemporanja, gazzetti lokali onljan, kif ukoll ġrajjiet li ġraw tassew. Minn dan l-ambjent realistiku ta’ persuna qrib l-erbgħin, fil-kuntest lokali Malti u b’esperjenzi fil-belt kulurita ta’ Lisbona, joħroġ ukoll dak li hu spiritwali u traxxendentali. Ktieb li jżommok taqrah.
(L-Orizzont, 19 ta’ Mejju 2014)