Meta persuna barra minn xtutna jikteb jew tikteb dwar pajjiżna, ilkoll nieħdu gost u napprezzaw immens. Huwa ta’ sodisfazzjon doppju meta mbagħad dak li jkun jesporta l-kultura u l-karattru Malti barra minn xtutna. Il-ktieb li għandna llum, A Land in the Storytelling Sea, mill-poetessa Amerikana, imma tgħix il-Kanada, Sheryll Loeffler mhux biss huwa pubblikazzjoni Maltija – Faraxa Publishing – imma miktub bl-għan li juri is-sabiħ tal-kultura, storja u tradizzjonijiet Maltin. Dan il-ħsieb Loeffler toħorġu fl-ewwel poeżija minn din il-ġabra “Postcard to North America”. Il-poetessa bħal tixtieq tibgħat kartolina permezz ta’ dan il-ktieb – ix-xemx, is-sema, il-baħar, it-tempji, is-swar, il-palazzi, it-tradizzjonijiet reliġjużi u oħrajn (p.17). Il-ktieb imbagħad jiġbor fih bosta aspetti oħra li jsawru l-identita’ Maltija – mil-lenti ta’ poetessa. Insibu fost oħrajn il-Luzzu (p.19,25,27,47), il-Fidi (p.37, p. 51, p.109), Leġġendi, fosthom tal-Isperanza (p.65), ta’ San Mitri (p. 67, p.71), ta’ Għar Ħasan (p.73), il-festa (p.57), il-gwerra (p.61), u bosta oħrajn.
Il-poetessa tibda l-vjaġġ tagħha fl-ajruport tal-Kanada (p.21). Il-kumplament huwa djarju; djarju ta’ din il-mawra. Għodwa Maltija tilqek il-“Bonġu”, xi wħud għall-Knisja, oħrajn is-Suq. Fuq kollox il-ħajja normali fil-postijiet tax-xogħol u fl-uffiċini. Minkejja li nistgħu ngħidu li dawn il-poeżiji huma stampa tal-ħajja tipika Maltija, hemm ukoll il-ħsieb profond warajhom. Bħal bosta poeżiji oħra huma wkoll riflessjonijiet personali. Bħala persuna dilettant ukoll tar-ritratti, għalkemm bl-ebda mod ma nħossni kompetenti biex niġġudika ritratt, ma nistax iżda inwarrab ir-ritratti li jakkumpanjaw dan il-ktieb. Għal kull waħda mill-50 poeżija f’din il-ġabra hemm ritratt li juri xi post f’Malta. L-akbar valur li nara f’dawn ir-ritratti huwa l-kompożizzjoni tagħhom u xi wħud minnhom ukoll huma artistiċi. Fuq kollox ikomplu jagħtu dan il-ktieb aktar il-karattru Malti.
Dan il-ktieb ġie mniedi l-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju, minn Faraxa Publishing flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin fis-Sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi fil-Furjana. Sheryl Loeffler, minbarra li hija awtriċi hija wkoll mużiista. Għandna lawrja mill-Universita’ ta’ Wittinberg kif ukoll ta’ Waterloo. Barra minn hekk kisbet ukoll dottorat fid-Drama fl-Universita’ ta’ Toronto. Ippublikat diversi poeżiji f’diversi rivisti fl-Awstrija, Kanada, Ġappun, il-Gran Brittanja u fl-Istati Uniti ta’ Malta.
Wieħed jista jakkwista dan il-ktieb, A Land in the Storytelling Sea: A North American in Malta fuq is-sit Amazon, kif ukoll minn bosta ħwienet ewlenin. Dan il-ktieb huwa ideali wkoll anke jekk ser jingħata bħala rigal lil xi familjari barra minn xtutna. Ir-poeżiji flimkien mar-ritratti sbieħ jakkumpanjawhom jagħmlu dan il-ktieb tabilħaqq suvenir attraenti. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit faraxpublishing.com.
Sadanittant propju ġimgħa wara, fis-6 ta’ Ġunju ġie mniedi wkoll il-ktieb Ballun Pinġut 2 ta’ keith Attard. Din it-tnedija saret flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport. Dan huwa glossarju ta’ 1400 frażi u espressjonijiet li jintużaw fl-isports. Għaldaqstant huwa ta’ gwida siewja ħafna kemm għall-ġurnalisti kif ukoll għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isports. Naħseb bħalissa, li qegħdin fiż-żmien tat-Tazza tad-Dinja huwa f’waqtu li wieħed jakkwista dan il-ktieb. Aktar informazzjoni fil-jiem li ġejjin…
(L-Orizzont, 14 ta’ Ġunju 2014)