Bizarre Malta

Awturi: Fiona Vella; Oliver Gatt

Pubblikazzjoni:  BDL

Min jgħid li wieħed għandu jżur Malta biss għax-xemx u l-baħar?  It-turiżmu sar wieħed divers u nħolqu diversi niċeċ ta’ turiżmu differenti.  Ġaladarba nafu li l-bniedem jaffaxxina ruħu b’dak li huwa stramb, jaqra kotba tal-waħx, u jfittex films mimlija tensjoni u biża’, ma niskantawx li ċerta postijiet b’element mhux tas-soltu jiġbdu l-attenzjoni tagħna.  Meta s-safar qed isir bil-bosta aktar frekewenti wieħed ifittex aktar attrazzjonijiet li huma differenti u mhux tas-soltu.    Dawn l-attrazzjonijiet ivarjaw minn arkittetura stramba, għal drawwiet strambi, għal postijiet naturali u oħrajn fejn hemm l-intervent tal-bniedem fuq dak naturali.   M’inix se nsemmi lista ta’ postijiet barra minn xtutna għax żgur ma nispiċċa qatt, imma żgur ukoll li ġo dan iċ-ċokon ta’ pajjiż forsi ftit jintebhu kemm hemm postijiet li jħalluk affaxxinat u xi drabi ftit sorpriż ukoll  

Il-ktieb ta’ Vella u Gatt għalhekk mhuwiex maħsub biss għat-turist.  Ser jolqtu l-kurżita’ tagħna wkoll kemm jekk rajna dawn il-postijiet u rridu aktar tagħrif u kemm jekk ma rajnihomx.   Nazzarda ngħid li waqt li forsi l-attenzjoni tagħna l-ewwel tmur fuq dawk il-postijiet li diġa nafu, l-element misterjuż jibqa’ l-aktar li forsi jqanqal il-kurżita’ tagħna.  Il-misteru huwa parti mill-istess attrazzjoni ta’ xi wħud mill-postijiet.   Għaldaqstant waqt li l-ktieb jitlaq mit-tieqa ta’ dwejra li wara li din iġġarfet b’mod naturali wħud innutaw dak il-famuż wiċċ (p.13), imma nsibu wkoll id-dar unika f’Ħal Għaxaq (p.131) u fi gżiritna li għandha l-faċċata u l-ġenb tagħha b’disinji elaborati li saru bl-użu tal-bebbux u qxur oħrajn tal-baħar. 

Irrid ngħid li anke dawk il-postijiet illi diġa nafu, f’dan il-ktieb ser insibu informazzjoni illi ma nafux.    Insemmi fost oħrajn żewġt idjar privati f’Ħaż-Żabbar (p.65), it-tnejn magħrufa għat-torrijiet tagħhom u waħda minnhom ukoll għan-niċċa ta’ Lourdes fil-faċċata.  Barra minn hekk xi drabi naraw ritratti sbieħ tal-post minn ġewwa bħal fil-każ tat-torri ta’ Xlejli (p.23) jew kif inhu magħruf ukoll bħala ta’ Bettina fil-Gudja.  Bosta jafu wkoll il-palazz tal-Marquis fil-Madliena (p.141). 

Id-destinazzjonijiet strambi huma parti minn kultura  ta’ poplu.  Mhumiex sempliċiment binjiet.  Bosta drabi jkunu magħġuna fid-drawwiet, reliġjon jew superstizzjoni tal-poplu.   Il-mumifikazzjoni ċertament issib postha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dark tourism u ċertament li l-kripta tal-Kapuċċini fil-Furjana (p.41) hija post interessanti immens 

Xorta jibqa’ l-fatt li ma’ numru ta’ postijiet hemm element ta’ misteru.  Ma nkunux nafu x’wassal eżatt biex sar li nistgħu naraw illum.   Waħda mill-għajdut li nsibu fl-ewropa ddur madwar iċ-ċintorin tal-kastita’ li nsibu fil-Musée de Cluny   f’Pariġi fost oħrajn.  Iżda forsi ftit jafu li dan nistgħu narawh f’pajjiżna propju f’Palazzo Falson l-Imdina (p.15) u bħal fil-każ ta’ pajjiżi barranin ma nafux jekk qatt intuża jew jekk id-drawwiet tagħna ppermettewx dik il-krudelta’.   Mill-banda l-oħra kif jiġri f’xi pajjiżi barranin fejn iċ-ċensura u l-moralita’ jiddominaw u jikkontrollaw il-ħajja tan-nies, ifaqqsu niċeċ underground li jagħtu nifs minn dak li s-soċjeta’ tkun qed toħnoq.  Huwa sigriet magħruf il-films li kienu jintwerew fiċ-ċinema City Lights (p.97).  

L-akbar telfa huma dawk il-postijiet li tlifna u hawnhekk dan il-ktieb qed iġedded il-memorja ta’ bosta waqt li oħrajn iħallihom ħalqhom miftuħ.    Illum biex wieħed jara kappella tal-għadam forsi jrid iżur xi pajjiż barrani bħal Portugal.  Iżda llum ngħid ħasra kbira li f’pajjiżna kellna kappella tal-għadam (tan-nibbia) li keinet tinsab biswit dik li llum hija Dar Mediterran.  Aktar tagħrif u ritratti dwar din il-kappella f’dan il-ktieb (p.91).   Aktar riċenti iżda żgur li ħafna jiftakru is-Super Constellation Bar and Snack Bark (p.105) li prattikament kien ajruplan li nqabad Malta fl-1968 wara li kien qed iġorr merkanzija illegali.

Inisbu wkoll fatti storiċi li qajla smajna dwarhom. Insibu fost oħrajn dwar il-każ ta’ 100 tifel u tifla li spċċaw mgħaffġa fil-karnival wara attivita’ li ironokament kellha tħarishom  (p.71).   

Dawk li għandhom għal qalbhom in-natura jaffaxxinaw ruħhom bl-għerien fi gżiritna u nistqarr li jien personali qatt ma smajt bl-għar ta’ Ħarq Ħammiem (p.53) li jinsab f’żona hekk turistika.  Wisq aktar ma kontx naf bil-periklu li jista’ jkun hemm jekk din iż-żona tinbena bħala parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni ta’ Paceville.  

Il-valur ta’ dan il-ktieb għalhekk mhux sempliċiment li jagħmel ġabra ta’ postijiet imma li jagħmilna konxji mill-importanza tagħhom u mill-bżonn li nibqgħu inħarsuhom sabiex jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.    Nemmen li dan il-ktieb għandu jmur tajjeb mat-turisti imma nazzarda ngħid li għandu jsib postu f’kull xkaffa ta’ kull Malti li għandu għal qalbu pajjiżna u jixtieq ikun jaf aktar dwarha.   Huwa ktieb mimli kurżitajiet, tagħrif u fuq kollox postijiet strambi.   Dan kollu huwa mwassal bi preżentazzjoni mill-aqwa u jikkumplimentaw it-tagħrif insibu ritratti mill-isbaħ bil-kulur.  

Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin u mis-sit elettroniku https://bdlbooks.com/

Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 ta’ Lulju 2018

Nitkellmu ma’ Charles B. Spiteri

  1. Charles huwa dejjem pjaċir tiegħi niltaqa’ miegħek u jkolli ngħidlek li bħala qarrejja u ħbieb tal-letteratura għandna obbligazzjoni lejn ix-xogħlijiet tiegħek.  Qed ngħid għal dawn ir-rumanzi antiki, partikolarment t’Arturo Caruana imma anke t’awturi oħrajn bħal Paolo Olmi li li kieku m’adattajtx dawn il-kotba, forsi qajla kienu jiġu f’idejna.  Biex ma ngħidx konna nitilfuhom darba għal dejjem.  Kif bdiet din l-inizjattiva biex tibda tadatta dawn il-kotba?

T.         L-inizjattiva bdiet l-ewwel nett għax jien ilħaqt il-bejgħ u x-xiri tal-faxxikli u ġieli qrajt rumanzi sħiħ lin-nanna u aktar minn hekk għax meta 25 sena ilu bdejt naqra r-rumanzi għas-semmiegħa tar-radju, rajt l-interess tan-nies fihom, b’ħafna jitolbuk x’taqra.

Kien il-qari ta’ Indrì, is-Sajjied Malti li ħeġġiġni nadattah mill-ġdid. Dawn kienu tliet kotba voluminużi, ambjentati f’pajjiżna, b’karattri Maltin u bl-ingredjenti kollha li jfittxu s-semmiegħa. Tant kienet diffiċli biex iddubbajthom, li sakemm qrajthom għar-radju kont inqum fl-erbgħa ta’ filgħodu u nittajpja minnhom.

Bl-imbuttatura tas-Sur Tony Gatt, Direttur tal-BDL, imtlejt bil-kuraġġ u komplejt neditja.

2. Sigriet bejnietna li qatt ma qasamt miegħek huwa li wara li bdejt naqra l-kotba tiegħek, tħajjart nibda nakkwista numru ta’ faxxikli. Dawn il-faxxikli aktarx bdew jiġu ppubblikati madwar l-1830, pero li għandi jien jaslu għal dawn l-aħħar 80 sena, baqgħu  jiġu stampati sal-1970.  Qed ngħid sewwa li ħafna mill-kotba t’Arturo Caruana li inti għamilt biċċa xogħol tajba u adattajthom, kienu jaslu għand il-qarrejja permezz ta’ dawn il-faxxikli?  Forsi tispjegalna wkoll x’kienu eżatt dawn il-faxxikli?

T.         Sewwa wisq Omar. Dawn il-faxxikli kienu l-ewwel letteratura Maltija għall-familji. Dak iż-żmien la kien hawn skola, la kien hawn radju jew televiżjoni u xejn. Allura, min forsi kien jaf jaqra, kien isib l-isfog tiegħu u jimla l-ħin ta’ ħaddieħor ukoll. Kien beda ż-żmien tax-‘xandara’.

Peress li l-flus kienu neqsin mill-idejn, ħadd mill-kittieba ma seta’ jippubblika ktieb sħiħ, allura kien joħorġu f’faxxikli ta’ tmien paġni kull ġimgħa u jkollu l-abbonamenti minn qabel. B’    hekk, kull awtur kien jaċċerta ruħu wkoll li ma jmurx minn taħt. Ma ninsewx li kien hawn aktar minn kittieb wieħed u allura kienu jfittxu l-aħjar rumanzi li jaslu Malta, u jittraduċuhom. Kollha jirrakkuntaw stejjer sbieħ, li llum, jew qed jittieklu mill-kamla, jew ma ssibhomx faċilment. Allura qtajtha li nġedded il-wirt letterarju ta’ missirjietna. Tajjeb ngħid li ħafna mir-rumanzi tal-faxxikli li tawni n-nies, għadhom fl-istat naturali tagħhom….. mhux għall-karta (għax dik issibha kollha toqob) iżda għax mingħajr qoxra. Ftit kienu jkunu dawk l-individwi, li wara li jgħaqqdu l-faxxikli, jillegawhom

3. L-ammont ta’ kotba li ħriġt inti huma xi ħaġa tal-għaġeb.  Volumi twal ta’ kotba li xtaqt insemmihom biex anke l-qarrejja jieħdu idea mhux biss tal-kotba imma anke tal-biċċa xogħol li għamilt inti: Il-Misteri tal-Wardija (permezz ta’ 3 kotba); Indrì s-Sajjied Malti (6 kotba); Katina Eterna (2 kotba); Drawwiet u Tifkiriet Maltin; Marta Bint id-deffien tal-pesta (4 kotba); Adelaide; il-Bravu ta’ Venezja,il-Ħaddied tal-kunvent (2 kotba); East Lynne (2 kotba) u Il-Kappella taċ-Ċimiterju.  Il-mistoqsija tiġi waħidha:  Kif jirnexxielek tagħmel dan ix-xogħol kollu, dawn l-ammont ta’ kotba, meta nafu li għalkemm l-istejjer f’ħafna minnhom huma t’awturi oħrajn,  jinvolvu ċerta reqqa wkoll?

T.          Meta nibda b’rumanz, nidħol f’ruħu, tant li ġieli, kif għedtlek inqum f’xi l-erbgħa ta’ filgħodu u nibqa’ għaddej. Issa, li jien pensjonant, għandi ferm aktar ħin…. iżda ma fadallix kotba! Tajjeb ngħid li jien trabbejt maz-zijiet t’ommi, li kienu fil-militar u milli jidher, id-dixxiplina tagħhom tħalltitli ma’ demmi. Għalhekk, li nitwebbel li nagħmel irrid nagħmlu u fl-iqsar ħin possibbli. M’hemmx tnikkir.

4. Ir-rumanzi t’Arturo Caruana għandhom sfond storiku, u huma ambjentati fi żmien il-kavallieri fejn is-sistema kienet waħda fewdali.  Fil-‘Misteri tal-Wardija’ niltaqgħu ma’ Miju Mekkek tal-Gran Mastru, bniedem xejn ħelu li l-kavallieri kienu jirreferu għalih bħala l-Aħrax li kien jobgħod lill-Kontessa d’Alarcon u wisq aktar lil Ġann Nikol Dikler.   F’’Adelaide’ niltaqgħu mat-twajjeb Milord, Enrico ta’ Surley li wara li jitlef lill-għażiża ommu jitlaq għal vjaġġ mas-seftur fidil tiegħu Giacbubiex iderri ftit.  Forsi nsemmi wkolI ‘Il-Ħaddied tal-Kunvent’ li hu ambjentat fi Franza, fi żmien ir-Renju Franċiż meta l-kunflitt bejn l-aristokrazija u l-poplu kien fl-aqwa tiegħu.  Hawnhekk naraw kif kavallier jitfaċċa quddiem il-kunvent ta’ Cour Dieu b’tifla ltima sabiħa u peress li fil-kunvent ma setgħux jidħlu nisa, il-Patri Gwardjan ħalla t-trobbija ta’ Ġovanna f’idejn il-ħaddied Dagoberto.  Qabelxejn kemm ifittxuhom il-Maltin dawn it-tip ta’ rumanzi, anke mill-esperjenza tiegħek taqra r-rumanzi fuq ir-radju?

T.         Prosit Omar; tidher li qrajthom sew dawn ir-rumanzi. Nassigurak li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom ifittxu dawn l-istejjer tal-kavallieri, tal-imħabba u l-mibegħda fil-klassijiet soċjali u tat-tpattija. Dawn ir-rumanzi fihom l-ingredjenti kollha mistennija minnhom. Bla ma nonqos lil ħadd ngħid li hu għalhekk li għadhom popolari aktar mir-rumanzi tal-lum. Fihom ferm aktar deskrizzjoni u bla kliem vulgari. Biex inżid xi ħaġa oħra ngħidlek li l-Maltin mhux biss iħobbu jisimgħu dawn ir-rumanzi fuq ir-radjijiet, iżda anki jixtruhom. U l-popolarità tagħhom tidher mill-ħlasijiet li joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn fil-qasam tar-rumanzi ili żmien twil inkun fl-ewwel post.

5. Jien vera napprezza dawn ir-rumanzi għaliex jitfgħu dawl fuq intriċċi, nepotiżmu, klijentaliżmu fi żmien l-Ordni li qajla nisimgħu bih fil-Kotba storiċi.  Anke jekk dawn huma frott il-fantasija, xorta joħolqu xenarju u lok għal diskussjoni anke storja dwar ir-realta’ kif kienu jgħixuha n-nies, u mhux l-istorja kif naqrawha fil-kotba storiċi.  X’taħseb dwar dan?

T.         In-nepotiżmu u l-klijentaliżmu huma punt ta’ diskussjoni kif għedt int, iżda nemmen li kienu minn dejjem u mhux żieda għall-ktieb. F’intervisti li kelli ma’ ħaddiema li m’għadhomx magħna u kienu jaħdmu t-Tarzna, kienu jirrakkuntawli li biex jimxu ’l quddiem kien ikollhom jagħmlu xi favuri, inkella jkollhom xi ħabib, ġeneralment Ingliż, membru tal-Mażunerija. Il-pjaċiri kienu minn dejjem u jibqgħu; hekk li fil-ktieb ta’ Manwel Dimech insibu, li biex il-kap tal-ħabs kien jippermetti lill-mara ta’ ħabsi tmur tarah, ried li qabel ikollu x’jaqsam magħha hu fl-uffiċċju tiegħu. Għalhekk nemmen li dawn l-affarijiet kienu, għadhom u jibqgħu, tant li għadna nisimgħu b’ċerti praspar sal-lum. Segwi l-aħbarijiet Amerikani u ara kemm ‘il attriċi qed tfittex lid-diretturi tal-films fuq dak li jsejħu harassment.

6. Niltaqgħu ukoll ma’ numru ta’ drawwiet li fis-soċjeta’ moderna spiċċaw.  Eżempju, fil-Misteru tal-Wardija,Elena tiġġiegħel tiżżewweġ lill-bniedem li jagħżlilha missierha, għalkemm biex ngħidu kollox issib raġel ieħor, kavallier.   Fl-istess ħin ukoll naraw li r-rwol tal-mara ma kellu ebda importanza fis-soċjeta u saħansitra jispiċċaw fastidjati mill-kavallieri bħal Marija u Dorotea fit-Tradiment Infami.   Kif tarah ir-rwol tal-Mara f’dan ir-rigward?

T.         Hawn għandek raġun, iżda ma ninsewx li fiż-żmien li nkitbu dawn ir-rumanzi, il-kultura tan-nies kienet differenti. Kif ngħidu, il-ħajja hi rota u nemmen li għad nerġgħu niġu fl-istess qagħda, ladarba Malta ma tibqax tal-Maltin. Nafu li d-drawwa fost il-poplu Musulman għadha li mhux biss missier jagħżel raġel għal bintu, iżda jista’ jagħtihielu sa minn meta jkollha 12-il sena. Din inħossha ftit agħar u nemmen li m’għandhiex tkun. Forsi fl-antik, il-ħsieb kien li l-ġenituri jkunu jafu minn qabel x’tip ta’ raġel tkun se tieħu binthom. Illum, bil-libertà li spiċċat f’libertinaġġ, qed naraw bosta żwiġijiet…. li jirriżultaw f’falliment totali.

7. Il-karattru forsi naqra mqareb, li huwa fil-periferija tan-norma soċjali nsibuh spiss f’dawn ir-rumanzi.  Jiġuni f’moħħi Josè, ġuvni li aktar qabel kien mibgħut bħala qaddief fuq ix-xwieni, għax ikun ħabb lil Elena, Josè jintefa’ l-ħabs għax ikollu xi jgħid ma’ dak li jkun irid joħodlu lill-maħbuba tiegħu u li jlissen kliem ta’ disprezz għalih u għaliha. Fil-ħabs, Josè jwettaq affarijiet li ma kinux mistennija minnu.  Imbagħad hemm ukoll Indri’ s-sajjied għalkemm kif jiddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” għax ftit li xejn mess ħut b’idejh u jitkellem mal-kbarat b’ċerta kunfidenza u awtorita’.  X’tgħidilna dwar dawn il-karattri? 

T.            Irriferejtni għal tnejn mill-isbaħ rumanzi li ħriġna, Il-Misteri tal-Wardija u Indrì s-Sajjied Malti. Kull storja ta’ Arturo Caruana għandek issib lill-viljakk, li minkejja kollox ikollu l-qalb tad-deheb. L-għira bejn in-namrati għall-istess xbejba, kienet u għadha, sakemm xi ħadd mill-ġuvintur jilħaq jiżżewwiġha qabel l-ieħor.

Fil-każ ta’ Indrì nsiru nafu li fir-realtà ma kien xejn sajjied iżda raġel nobbli li minħabba dak li għadda minnu, kellu jibdel l-identità tiegħu u miegħu batiet martu u uliedu. Dawn baqgħu sal-aħħar ma jafux min kienu, iżda t-tbatija li għaddew minnha minħabba l-ħbieb taparsi ta’ missierhom, kienet xi ħaġa indeskrivibbli.

Madankollu, minkejja dak kollu li għadda minnu, Indrì baqa’ l-bniedem kalm li jħobb lil familtu u lil ħbiebu u li b’għerfu rnexxielu jressaq il-likk lejn il-boċċa.

8. Awtur ieħor li inti laqqajtna miegħu huwa Paolo Olmi, li jidhirli fl-1854 kien tana r-rumanz Adelaide di Brunswick.  Dejjem insemmi d-data biex nuri ż-żmien meta nkitbu dawn il-kotba u x’teżor għandna f’idejna.  Dan il-ktieb jitratta dwar kif wara sitwazzjoni xejn sabiħa li kien għaddej minnha Enrico Millord dan iltaqa’ mas-sbejħa Adelaide.  X’kien jinvolvi x-xogħol fuq dan il-ktieb, u x’influwenza ħalla fuqek Olmi?

T.            Iva Omar, tagħmel sew, għax jien bħalek nifhimha. Dawn il-kotba tant għandhom żmien li nemmen li li kieku ma editjajthomx mill-ġdid, jew kienu jintrifsu għal kollox mal-mogħdija taż-żmien, jittieklu jew jitmermru u ma jaqrahom ħadd iżjed, inkella biex issib xi rumanz tal-faxxikli trid tmur f’xi car boot sale, tħallas mill-inqas €10 għalih u jaf ma jkunx komplut.

L-aħħar rumanz li ħariġli l-BDL, jiġifieri Il-Kappella taċ-Ċimiterju, kien hemm min qal li hu ftit għoli fil-prezz, għax qrib it-€18, iżda meta tara li fih 445 paġna u li jekk issibu sfuljat u nieqes minn sale, jiswielek xi €10, mhux konvenjenti li tieħu l-qadim, bis-susa u bil-paġni neqsin. Apparti dan, minn kif qed nara fuq facebook, Il-Kappella taċ-Ċimiterju qed jingħoġob bis-sħiħ.

9.     Charles inti wkoll ġurnalist.  Bdejt mal-‘Allied Malta Newspapers’, komplejt għall-‘Ħajja’, naturalment fil-ġurnali ‘In-Nazzjon’ u ‘il-Mument’ u issa qed tikteb b’mod regolari fil-‘Kullħadd’.  X’tgħidilna dwar dawn l-esperjenzi ?  Nimmaġina li kull waħda anke jekk mhux neċessarjament kienet skaluna ‘l fuq kienet esperjenza differenti li inti dejjem ġarrejt miegħek. Xi jfissru għalik dawn l-esperjenzi? 

T.          Kull gazzetta li missejt magħha offrietli xogħol u sfidi differenti għax bdejt minn proofreader, għaddejt għad-dipartiment tal-features, kont ġurnalist tal-Qorti; imbagħad, b’aneddotu tat-tbissim u  fi prova tal-azzar, spiċċajt maniġer tar-reklami mal-Ħajja meta ħadd ma ried jirriklama mal-gazzetta tal-Knisja, u biex inqassar spiċċajt fil-kariga ta’ Deputat Editur. Naċċertak li għalija, minkejja t-tfixkil li sibt min uħud suppost kollegi tiegħi, f’kull esperjenza ġurnalistika rajt tarġa oħra ta’ suċċess, l-aktar meta ma niktibx fuq politika

10. Ir-radju.  Niftakruk għal numru ta’ snin taqra r-rumanzi.  U kont ukoll produttur ta’ diversi sensiliet, bħal ‘Mad-Daqq tas-Sirena’; ‘Mis-Swar ’il Ġewwa’; ‘Timbri Maltin’ u oħrajn.  Xi jfisser għalik ir-radju?

Ir-radju jagħtini sodisfazzjon kbir u hu l-pulmun ta’ ġismi. Jien insibu ferm aqwa mill-gazzetti u mit-televiżjoni, għax tieħdu miegħek fejn trid u fil-karozza tista’ ssegwih waqt li ssuq jew waqt li tkun wieqaf. Għalija, ir-radju joffri seħer. Mad-Daqq tas-Sirena kien kisibli suċċess kbir, l-istess bħall-programm Xrar Letterarju, fejn intervistajt lill-awturi ewlenin Maltin. Barra minn dan, għamilt snin xandar tal-mejtin u l-qraba u l-kummissjonanti kienu jfittxuni, għax skont huma, kont nagħmel leħen adattat

11. Charles inti wkoll poeta.  U safejn naf jien ippubblikajt ukoll hux hekk?  Jew tippreferi l-aktar li tikteb bħala serħan tal-qalb?

T.         Poeżiji għandi u ġieli ppubblikajt fil-gazzetti wkoll, iżda qatt ma ħsibt li noħroġ ktieb. Dan għar-raġuni li nħoss li l-poeżiji mhumiex apprezzati mill-ħafna. Niftakar li l-ewwel poeżija li ktibt u għadha għandi, tmur lura għall-1964, meta mietet nannti. Dak iż-żmien kelli 13-il sena. Għalhekk tista’ timmaġina x’poeżija hi. Iżda napprezzaha. Apparti minn dan, kull sena nitqabbad nikteb poeżija għal bniedem li ħalla dan il-wied tad-dmugħ, li ma kontx nafu u li llum qisu twaħħad miegħi. Immur għall-quddiesa tiegħu, naqra l-poeżija fil-preżenza ta’ familtu u l-qraba u l-grazzi u l-apprezzament naqrahom fid-dmugħ li jġelbilhom ma’ ħaddejhom.

12. Nirringrazzjak tal-ħin tiegħek imma ma nistax nagħlaq din l-intervista u ma nistaqsikx xi proġetti għandek għall-futur.

T.            Fadalli numru sew ta’ rumanzi oħra lesti, jistennew it-turn tagħhom. Ir-rabta ta’ ħbiberija u lealtà mal-BDL ma tħallinix kwiet. Mhux għax minn ktieb illum  iddaħħal xi somma tajba ta’ flus, għax riċentement, kulħadd qed jitħajjar jiftaħ il-publishing houses biex inaqqar mill-qligħ ta’ ħaddieħor. Iżda jien nemmen li fuq il-vapur li mbarkajt jien u bl-għajnuna tal-erwieħ tal-kittieba missirijietna, li lilhom nemmen li qed nagħti ġieħ u qed inservi bħala forċina għalihom, it-triq ta’ suċċess hi invinċibbli. Barra minn hekk nirringrazzja wkoll lil ġurnalisti bħalek, li tagħtuni spazju għall-ħidma tiegħi u lill-bosta ħbieb tal-facebook li appena joħroġ ktieb ġdid, jaqrawh f’jumejn u jibagħtu jgħiduli kemm għoġobhom. F’isem Arturo Caruana, Giuseppe Cumbo u Alfredo E. Borg, nirringrazzjakom mill-fond ta’ qalbi għall-appoġġ kontinwu tagħkom.

Ir-raġel stramb: milgħub minn mara

Awtur: Salv Sammut
Pubblikazzjoni: Horizons

Fil-paġna Letterarja ta’ 30 t’Ottubru 2016 kont analizzajt il-ktieb “Fid-Dell tal-Pellikan” ta’ Salv Sammut. Dan il-ktieb fil-fatt kien l-ewwel wieħed ta’ dan l-awtur imma d-Dar tal-Pubblikazzjoni Horizons reġgħu ħarġuh fl-2017.
Salv huwa awtur versatili ħafna u din tinħass ħafna mhux biss fl-istejjer li joħloq u l-varjeta’ ta’ karattri imma wkoll fl-istil letterarju u fil-ġeneru għax fil-fatt l-awtur huwa wkoll poeta. Iżda bejn dawn iż-żewġ kotba, jiġifieri Fid-dell tal-Pellikan u r-Raġel Stramb nara elementi komuni, fis-sens li min għoġbu ktieb għandu żgur jogħġbu dan. Għalkemm irrid nenfasizza li din hija storja kompletament differenti, f’ambjent li jmur lil hinn minn dak Malti u anke sti ta’ kitba differenti. Ix-xebh li nara f’dawn iż-żewġ kotba huwa li minn dak li mhux mistenni tinbet ġrajja … imma din mhux neċessarjament tkun waħda ta’ mħabba. Mela l-qarrej hawn mhux se jsib għallinqas fil-wiċċ xi storja ta’ mħabba li ma tistax isseħħ, imma wara r-raġel u mara tal-istorja hemm imgħoddi mħawwar bi stejjer ta’ mħabba, intimita’ bejn raġel u mara u intriċċi.
Il-karattru prinċipali huwa r-raġel stramb. Għaliex huwa daqshekk stramb? Il-qarrej ser jirrabja bil-mod kif kellem lit-tfajla li talbitu l-għajnuna u jibqa’ sorpriż għall-aġir tieqgħu quddiem din it-tfajla. Mhux talli ma ħarisx lejha bħala stedina imma beda jara kif jagħmel biex ifittex jeħles minnha. Iżda din it-tfajla mhijiex sa ċerta punt l-aktar karattru prinċipali, minbarra ovjament ir-raġel stramb. Waqtiet l-istorja tfakkrek fil-kaxxi ċiniżi b’paralelliżmu mal-imgħoddi li wara l-qarrej jibda jifhem għaliex ir-raġel kien daqshekk stramb u beżgħan li qatt ma jerġa’ jsir. Ix-xebh bejn l-imgħoddu u l-preżent huwa kbir imma wkoll ifakkrek fil-qawl li l-kelb il-mismut kull ilma jibda jaħsbu misħun.
Il-karattru prinċipali huwa ħadd ħlief, il-professur tal-mużika Fyodor Kamarovsky (ir-raġel stramb), komunist Pollakk konvint li effetivament jiltaqa’ ma’ tfajla kattolika u bħalu konvinta. L-opposti f’dan ir-rumanz huma tabilħaqq evidenti. Għadna karattri opposti minn xulxin. L-istil ta’ Sammut mhux biss huwa wieħed realistiku ħafna, imma wkoll jitbiegħed minn dak li l-qarrej ikun qed jistenna u joħroġ b’xi sorpriża. Fil-bidu wieħed ser jistenna li r-raġel stramb ser ikun milgħub mit-tfajla li tmur “tiffittah” u titolbu l-għajnuna. Imbagħad fil-qari tad-djarju wieħed forsi jistenna li kien daħal f’xi saram minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ tfajla kattolika f’pajjiż komunista. Imma le… ikun hemm ħafna u ħafna x’nistennew. Ir-rumanz jitbiegħed minn sensazzjonaliżmu bla bażi. Għakemm mingħajr ma nagħti ħjiel tal-istorja, lejn l-aħħar naraw li din ir-relazzjoni ma’ tfajla kattolika żgur ma kinetx tidher daqstant sabiħa f’għajnejn l-awtoritajiet.
Il-laqgħa tiegħu ma’ dik li ntroduċiet ruħha bħala Berta Abramowicz (wara fil-fatt insiru nafu l-identita’ vera tagħha) bidlitlu ħajtu. Din it-tfajla xtaqet lezzjonijiet tal-mużika, propju fl-appartament tagħha. Iżda din il-laqgħa li spiċċat f’avventura mhux mitluba jew forsi mixtieqa, kellha tieħu żvolta kompletament differenti. Ninnutaw li fl-istorja tal-preżent, it-tfajla wkoll tistaqsih tkun trid titħaddet miegħu dwar il-mużika meta semgħetu jdoqq il-vjolinċell. Huwa fl-aħħar tal-ktieb li nifhmu l-attitudini ostili ta’ dan ir-raġel.
Sammut iżewweġ l-imgħoddi mal-preżent b’mod tassew tajjeb u jgħaddi minn waħda għall-oħra mingħajr ħotob, grazzi għad-djaru li Kamarovsky dejjem kien iżomm. I-żewġ stejjer, dik tal-imgħoddi u l-ġrajja tal-preżent jimxu flimkien b’mod tant tajjeb u fl-aħħar bħal jingħaqdu flimkien. Id-deskrizzjoni tal-Polonja komunista hija waħda ta’ min ifaħħarha. Hemm esperjenza kulturali meta taqra dan il-ktieb, mill-mod kif jintroduċu lil xulxin bħala kumpann, mill-mużika klassika li kienet mogħtija importanza mmens, u mill-banda l-oħra naraw ukoll l-użu tal-isptarijiet mentali bħala ħabsijiet għal persuni li b’xi mod jiżgarraw.
Li jolqotni f’dan il-ktieb, bħal “Fid-dell tal-Pellikan” huwa kif toħroġ qawwija s-senswalita’, d-deskrizzjonijiet u fl-istess ħin Sammut qatt ma’ jaqa’ fil-vulgarita’ jew fil-populiżmu. Kollox huwa mqiegħed f’postu u f’dan il-lat iħabbatha mal-klassiċi Ingliżi li kissru l-ħitan taċ-ċensura bil-qawwa tal-pinna.
Il-ktieb iżommok taħt tensjoni, u donnu qatt ma jiġri dak li tkun qed tistenna. Waqtiet iġiblek emozzjonijiet ta’ rabja, oħrajn ta’ ħasra u mbagħad hemm is-serħan għall-qarrej bil-mumenti ħelwin ta’ mħabba, u oħrajn aktar intimi.
L-għarfien ta’ pajjiż komunista jagħti preġju lil dan ir-rumanz. Imma fil-fehma tiegħi il-qofol huwa l-bniedem u dan huwa niddeskrivih bħala rumanz soċjo-psikoloġiku fejn naraw kif is-soċjeta’ tibni u t-tkisser il-bniedem, u kif ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jafu jieħdu xejriet differenti. Ninnutaw ukoll l-aspett tal-bniedem li b’xi mod ikollu jikkonforma fi strutturi soċjali differenti.
Nirrakommanda dan ir-rumanz, li jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mingħand horizons.com.mt.

(Paġna Letterarja 4 ta’ Frar 2018) — with Salv Sammut.

The Confectioner’s daughter

Awtriċi: Lou Drofenik
Pubblikazzjoni: Horizons

Mhux l-ewwel darba ġibna kotba ta’ Maltin li jgħixu fl-Awstralja. Insemmi fost oħrajn lill-awtur Joe Axiaq li fil-paġna tas-17 ta’ Ġunju 2016 konna ġibna artiklu dwar il-ktieb “Il-bogħod li jifred”, imma ġibna wkoll numru ta’ poeżiji ta’ dan l-istess awtur. Insemmi wkoll lil Roderick Bovingdon (Rigu) li huwa wkoll riċerkatur, li fost oħrajn kiteb id-dokument akkademiku “From Language to Ethnolect: Maltese to Maltraljan”. Ġaladarba qed nitkellmu fuq il-mara-awtriċi, ma nistgħux ma nsemmux lil Josephine Cassar fost l-ewwel kittieba flimkien ma’ żewġha Manwel Cassar kienu minn dejjem minn ta quddiem biex jitkellmu dwar il-kultura tagħna l-Maltin.

Lou Drofenik tatna numru kbir ta’ kotba fosthom “Birds of Passage” (l-ewwel wieħed tagħha), “Bushfire Summer”, “Cast a Long Shadow”, “In search of Carmen Caruana”, “Cloves and Bitter Almonds” u oħrajn. Bosta minn dawn il-kotba jitkellmu dwar l-immigrazzjoni bl-isfidi li ġġib magħha, iżda dan huwa l-ewwel ktieb pubblikazzjoni Maltija.

Hemm diversi temi li nista’ noħroġ minn dan il-ktieb li żgur jeħtieġu analiżi, aktar milli dan il-ħsieb qasir tiegħi.

(a) Ktieb bl-Ingliż dwar temi Maltin. Hawnhekk għandna ktieb bil-lingwa Ingliża u għaldaqstant jista’ jinqara kemm mill-immigranti li saru jippreferi jaqraw bil-lingwa Ingliża, l-familji tagħhom u anki turisti li jżuru pajjiżna. L-istorja toħodna għand furnar fil-Belt Valletta u twassalna fil-Bliet Awtraljanai ta’ Melbourne u Sidney.

(b) Mill-bogħod …mill-qrib. Il-ktieb jagħti stampa ta’ parti mis-soċjeta’ Maltija. Għandna dettal. Fl-istess ħin qed iħares mill-bogħod. Din tagħta perspettiva importanti għax filwaqt li kellha informazzjoni sew tal-kultura Maltija fl-imgħoddi setgħet tarha mill-bogħod. Dan huwa vantaġġ li offra lill-kittieba imparzjalita’ u ta ċerta’ liberta’ u indipendenza li ma baqgħetx imwaħda fl-istess soċjeta’ li qed tikteb dwarha.

(c) Jiċċelebra lill-mara. Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq ix-xogħol tan-nisa xi ħaġa li b’mod akkademiku għamlu Prof Yosanne Vella. Dan huwa importanti ħafna għaliex dwar il-mara ftit li xejn inkiteb u nsibu fl-istorja tagħna. Huwa minnu li għal ħafna snin is-soċjeta’ Matija kienet waħda patrijarkali (kif ser naraw ‘il quddiem) u li dan kien jimplika allura li r-raġel kien jaħdem bħala l-kap tal-familja. Madankollu, kif insibu f’diversi kotba ta’ Prof Yosanne Vella il-mara kienet tagħti kontribut enormi f’diversi oqsma, għalkemm forsi mhux daqstant fid-deher.

L-istorja tagħna tlaqqagħna ma’ Ġuditta Falzon li tiret il-forn mingħand missierha wara li dan safa nieqes. Hija timpjega magħha lil ċerta Alfio Cisconti, Sqalli li beda jgħinnha. Sa mill-bidu nett Alfio Visconti xtaq jibdel il-furnat f’dolċerija, xi ħaġa li qatt ma seħħet sakemm dam ħaj. Ta’ min ngħidu li waqt li Ġuditta kienet tieħu ħsieb il-forn hija kienet ukoll omm. Dawn l-isfidi ma kissruhiex anzi kienet aktar determianta.

Il-ktieb jitratta erba’ ġenerazzjonijiet ta’ nisa. Min-nanna sal-persuna li tieħu ħsieb furnar u rnexxielha permezz tax-xogħol ta’ jdejha u l-għaraq ta’ xbinha ddawwar lira.
Frances it-tifla tat-tifla emigrat lejn Sydney. Hemm sabet aktar liberta’ imma ma jfissirx li kollox ikun ward u zahar. Bħal nannitha ssir mara ta’ suċċess .

d) Mibni fuq soċjeta’ patrijarkali. L-istorja hija bbażata f’Malta fejn il-patrijarkiżmu kien prevalenti u post il-mara kien id-dar u siekta. Wieħed jistenna li persuna bħal Ġuditta li kienet titbiegħed min-normi tas-soċjeta’ kienet issib oppożizzjoni kemm mill-forzi konservattivi kif ukoll mill-popolin mingħajr edukazzjoni li tixprunah jimxi ‘l quddiem. Għalkemm fil-ktieb naraw ukoll li xi wħud kienu jirrispettawha waqt li oħrajn jgħiru għaliha. Fil-fatt ta’ min ngħidu li Ġuditta sabet l-għajnuna minn bosta ħbieb u anki barranin meta kienet għaddejja fi żmien diffiċli.

Jekk li timxi ‘l quddiem kien meqjus li qed toħroġ barra min-normi soċjali, li jkollok wild qabel iż-żwieġ kien sagrileġġ. Naraw kif xaħħmu saċerdot biex iżewwiġhom qabel iż-żwieġ. Żewġha iżda safa maqtul u dan wassal biex tibqa’ tieħu ħsieb in-negozju waqt li taqdi dmirha bħala omm.

e) Karattri b’saħħithom u oħrajn dgħajfin. Fil-ktieb wieħed jinnota karattri b’saħħithom aktar minn oħrajn. Ġuditta hija karattru b’saħħtu. Licia m’hijiex. Għalkemm anke din tisspoprendi għx fil-fatt kienet hi li ħalliet din il-gżira sabiex tipprova ssib ġejjieni aħjar.

f) Klassijiet soċjali. Tema oħra li wieħed jista joħroġ minn dan il-ktieb hija dik tal-klassi soċjali. Naturalment l-idea ta’ mara li toħroġ mit-tbatija bl-għaraq ta’ ġbina ser tqanqal ftit interess fost il-qarrejja u hemm ukoll dak l-element sensazzjonali. Madankollu wieħed jista’ wkoll janalizza l-idea soċjali kif kienet tidher fis-soċjeta’ Maltija anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mobilta’ – jiġifieri li wieħed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu.

f) Malta kif konna nafuha. Ikollna nammettu li fit-tajjeb u fil-ħażin is-soċjeta’ Maltija kif insibuha f’dan il-ktieb hija xi ħaġa tal-imgħoddi. Il-karita’ kbira tal-Maltin tixhed li dan baqa’ poplu b’qalb kbira u hekk kien minn dejjem. Fl-istorja naraw ngħidu aħna kif Ġuditta mhux biss sabet għajnuna minn ħbieb imma saħansitra minn barranin. Jien ngħid li dal-poplu huwa kburi li llum mhux biss kiber ekonomikament imma jinsab quddiem nett f’dawk li huma drittijiet ċivili. Għall-grazzja t’Alla dal-poplu m’għadux maħkum mill-injoranza,

Dan huwa ktieb li jiċċelebra l-ugwaljanza u l-mara b’mod ġenerali. Jiċċelebra l-ħajja tal-mara li libset kpiepel differenti. Waqt li jagħmel dan iżda jħares lejn id-diskriminazzjoni imma fl-istess ħin.

F’dan il-ħsieb qasir ppruvajt nelenka ftit it-temi prinċipali li żgur jeħtieġu studju aktar profond. Ċert li minn dan il-ktieb wieħed jista’ joħloq diskussjoni, ngħid jien anke fuq livelli aktar akkademiċi.

Dan huwa ktieb Malti u l-punt tat-tluq tiegħu huwa wkoll f’Malta. Waqt li għandna stejjer oħra li jixhdu l-faqar li kien hawn f’Malta u r-realta’ soċjo-ekonomika ta’ qabel u wara l-gwerra, dan il-ktieb joffri aspett ieħor għaliex jitkellem dwar l-imigrazzjoni b’dak kollu li kienet timplika.

Fuq kollox hija wkoll storja movimentata ħafna, fejn id-determinazzjoni u l-imħabba jirbħu l-isfidi. Hija storja ta’ qlubija kbira ta’ nisa li jiċċelebraw il-mara.

“The Confectioner’s Daughter” rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-ktieb fil-kategorija tar-rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż.

(Paġna Letterarja 28 ta’ Jannar 2018) — with MaryAnn Vella and Lou Drofenik.

Minn Fomm il-Kittieb (It-tieni volum)

Ta’ Patrick Sammut; Pubblikazzjoni: Horizons

Numru ta’kotba jibqgħu ttimbrati ġo moħħna imma mhux dejjem inkunu nafu lill-awturi.  Fil-qasam mużikali sikwit nitkellmu dwar il-mużiċisti u l-kantanti.  Ktieb bħal dan joffrielna opportunita’ li nsiru nafu iżjed lill-kittieba.  Sammut jinqata’ mill-idea qadima li nfakkru lill-awtur wara mewtu jew nistudjawh l-iskola fil-letteratura wara snin li jkun ħalliena.  Numru t’awturi qegħdin fostna u minkejja ċokon ta’ pajjiżna mhux bilfors inkunu nafuhom daqshekk.  L-għan ta’ Sammut huwa li joħroġ lill-awtur ‘il barra miċ-ċrieki letterarji.  F’pajjiż daqstant ċkejken huwa ħasra li xi awturi jsibu l-appoġġ f’xi għaqda jew proġett li jkunu fih u forsi daqshekk.  Nazzarda ngħid li għandna wkoll awturi li donnhom huma fil-periferija ta’ dawn iċ-ċrieki u għaldaqstant ftit li xejn jafuhom jew jafu dwarhom.  Dwar kantanti forsi aktar barranin milli Maltin nisimgħu u naqraw permezz tal-mezzi tax-xandir u l-internet.  Patrick Sammut nieda diversi proġetti biex bl-istess mod nisimgħu u naqraw dwar l-awturi Maltin.  Biżżejjed insemmi is-sit elettroniku “Tieqa fuq il-ktieb Malti”, “Paġna wara paġna”, u bla dubju ta’ xejn il-ġurnal elettroniku “Il-Pont”. Sammut kien ukoll l-editur letterarju tal-ġurnal “Il-Ġens”.  Ta’ min jgħid li fil-ġurnal elettroniku “il-Pont” li bħal din il-paġna, jagħti spazju lil awturi u pubblikaturi, nsibu diversi intervisti ma’ awturi differetni.   

Fl-2014 ġie pubblikat l-ewwel volum ta’ Minn Fomm il-Kittieb.  Il-kittieba u poeti intervistati fl-ewwel volum kienu: Pawlu Aquilina, Anton F. Attard, Joe M. Attard, Mario Attard, Emmanuel Attard Cassar, Joe Axiaq, Carmel Azzopardi, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Rena Balzan, Joe Bartolo, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Roderick Bovingdon, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Rev. Mons. Amante Buontempo, Amanda Busuttil, Stephen Cachia, Joe Camilleri, Peter A. Caruana, Charles Casha, Manuel Casha, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Ġużè Chetcuti, Fr Paul Chetcuti S.J., Fr Anthony Chircop O.F.M., Ġanninu Cremona, Ileana Curmi dwar missierha Giovanni Curmi, Tony C. Cutajar, Charles Dalli, Lou Drofenik, Godwin Ellul, Leanne Ellul, Noel Fabri, Anthony Farrugia, Stefano Farrugia, Victor Fenech, Charles Flores, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Francis Galea, Anton Grasso, Alfred Grech, Lino Grech, Raymond Grech, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima u Mario Griscti.

Ovjament nifhmu li dan huwa xogħol li beda minn ħafna u ħafna snin qabel.  FIL-fatt f’intervista li jien għamilt  ma’ Sammut u ġiet ippublikata fil-ħarġa letterarja tat-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2014 l-awtur qalilna: 

“Fl-ewwel volum hemm 52 kittieba intervistati, imma numru ikbar ta’ intervisti ladarba numru ta’ kittieba intervistajthom iktar minn darba. Kif għedt diġà l-ewwel intervisti huma tal-2001 u l-iktar reċenti huma tal-2013. Mela dan ifisser li dan hu xogħol li ħadli mat-tnax-il sena. Hemm numru ta’ kittieba li intervistajthom wiċċ imb wiċċ, oħrajn ikkorrispondejt magħhom permezz tal-posta tradizzjonali u bosta oħrajn permezz tal-posta elettronika. Hemm min qalli li dan hu ktieb li ma jixħitx dawl biss fuq il-kittieba intervistati imma anki fuq l-intervistatur ladarba l-mistoqsijiet jirriflettu l-interess ġenwin tiegħi fil-qasam letterarju imma anki fl-element uman ta’ kull kittieb intervistat. Ħaġa oħra hija li biex wieħed jintervista kittieb partikolari jeħtieġ li jkollu ċerta familjarità mal-kitba ta’ dak li jkun biex b’hekk ikun jaf eżattament liema elementi se jikxef permezz tal-mistoqsijiet li joħloq. Ta’ min jgħid ukoll li matul is-snin sirt naf personalment għadd kbir mill-kittieba li intervistajt, tant li bosta minnhom għadni nikkorrispondi magħhom, u għaddewli u għadhom jgħadduli l-pubblikazzjonijiet tagħhom regolarment.”

Il-kittieba u poeti intervistati fit-tieni volum huma: Ġino Lombardi, Charles Magro, Carmel Mallia, John Mallia, Alfred Massa, Pierre J. Mejlak, George Mercieca, Charles Mifsud, Immanuel Mifsud, Maurice Mifsud Bonnici, Achille Mizzi, Mark Montebello, Walid Nabhan, Therese Pace, Alfred Palma, Vincenzo Maria Pellegrini, Ġorġ Peresso, Yana Psaila, George Said-Zammit, Joe Saliba, Marlene Saliba, Paul Saliba, Rita Saliba, Anton Sammut, Frans Sammut, Mark A. Sammut, Salv Sammut, Victor Sammut, Alfred Sant, Vanni Sant, Carmel Scicluna, Andrew Sciberras, Anselm Sciberras, Joseph C. Sciberras, Joseph Sciberras, Lillian Sciberras, Omar Seguna, Charles B. Spiteri, Hilary Spiteri, Lino Spiteri, Edmund Teuma, Joseph P. Vella, Kenneth Vella, Mark Vella, Kelinu Vella Haber, Paul Zahra, Trevor Żahra, Frank Zammit, Marcel Zammit Marmarà, Joe Zammit Tabona, Tarċisju Zarb, Nazzarenu Zerafa.

Kif insibu fl-ewwel volum, napprezza l-firxa ta’ poeti li joħduna diversi ġenerazzjonijiet.  Anke f’din il-ħarġa nsibu poeti li huma influwenzati mir-Romantiċiżmu u għandhom metrika u forma fissa, flimkien ma’ valuri tradizzjonali espressi b’mod idealistiku u patrijottiku.  Imbagħad insibu poeti oħra li bdew il-karrieri letterarji tagħhom f’nofs is-sittinijiet, kienu influwenzati mix-xena letterarja Ewropea u Amerikana kontemporanja, u għaldaqstant għażlu kwistjonijiet attwali bħad-drogi, is-sess, il-gwerra tal-Vjetnam, kwistjonijiet ta ‘identità, jirrikorru għal lingwa ġdida, disprament u rabja, u xbihat ġodda.  Għandna kittieba influwenzati mis-snin tmenin, kemm bis-sitwazzjoni soċjo-politika f’Malta u internazzjonali b’bosta temi bħal immigrazzjoni, il-ġuħ, il-gwerra, kwistjonijiet ambjentali, politika, inugwaljanza, inġustizzja.  Għandna mbagħad awturi ġodda li huwa interssanti mhux biss il-ħolm imma anke t-tħaddim tal-lingwa b’mod tabilħaqq flessibli li jixhed li l-Malti huwa lingwa ħajja u taqdina. X’aktarx nerġgħu anke llum insibu messaġġ soċjali li huwa b’saħħtu. 

Xi ħaġa li personalment apprezzajt ħafna, hija mhux biss li qed ‘nisimgħu’ l-esperjenzi “Minn Fomm il-kittieb” kif propju jġib l-isem dan il-ktieb, imma anke nsibu wkoll ritratti ta’ xi poeżiji jew kitbiet oħra miktuba bl-idejn tal-istess awturi. Hekk il-qarrejja ta’ MINN FOMM IL-KITTIEB ikollhom idea tal-kalligrafija ta’ dawn il-kittieba. Dan huwa ktieb illi naħseb għandu jinsab fil-librerija tad-dar tagħna.  Mhux biss imma nemmen li jgħin ħafna anke lill-istudenti fil-letteratura.  U forsi wkoll jaqtgħalna wkoll dik il-kurżita’ dwar l-awturi Maltin. Kif bdew jiktbu? Fejn għexu fl-imgħoddi, x’jiftakru minn dan, x’ħalla l-ikbar marka fuqhom, u fejn jgħixu llum? Min huma dawk il-kittieba li qed jiktbu lil hinn minn xtutna? Liema huma l-ħwejjeġ li jispirawhom biex jiktbu? X’jagħmlu bħala xogħol u kif jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom? X’jaħsbu dwar kwistjonijiet kontemporanji partikolari? L-intervistatur fi djalogu informali mal-intervistat jikxef dan kollu. L-intervistatur wiċċ imb wiċċ ma’ kittieba stabbiliti u oħrajn inqas magħrufin, kittieba żgħażagħ, oħrajn li m’għadhomx magħna.

Naf kemm bosta qarrejja għandhom għal qalbhom il-Malti u lill-Malta.  Ejja nagħtu ġih lill-awturi Maltin li għamlu ġih lil pajjiżna.   “Minn fomm il-kittieb – it-tieni volum” – intervisti ma’ għadd ta’ kittieba u poeti mix-xena lokali, huwa Pubblikazzjoni Horizons, 2017. Nissuġġerixxi dejjem li wieħed jakkwista ż-żewġ volumi.   F’dawn iż-żewġ volumi l-qarrej jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ 104 (52+52) kittieba u poeti Maltin, parti kbira minnhom għadhom jiktbu fil-preżent.


Vandalism

Awtriċi: Lizzie Eldridge
Pubblikazzjoni: Merlin

Hija storja li għalkemm ambjentata fi Glasgow hija tant qrib tagħna. F’liema sens? Lizzie Eldridge titratta temi umani f’dan il-każ il-kanċer, il-ħbiberija, it-tradiment u t-telfa ta’ xi ħadd qrib tagħna. Fuq kollox il-ħolm sabiħ li jisfuma fix-xejn u fl-istess nifs id-diqa u tbatijiet li jkollna nġarrbu. Naraw kif il-ħajja tagħtik bil-ħarta u waqtiet titbissimlek ukoll. Eldridge iżżewweġ dawn iż-żewġ aspetti tal-ħajja bħala parti essenzjali mill-istess ħajja.
L-istorja tlaqqagħna ma’ Moira (in-narratriċi), mara ta’ tmienja u għoxrin sena, li l-akbar ħabiba tagħha Connie kienet marida bil-kanċer tas-sider u kienet tinsab f’xifer il-mewt. Andy, dak li kellu jkun ir-raġel tagħha, kien għaliha serħan f’dan iż-żmien diffiċli u offrielha appoġġ. Fih sabet refuġju. Iżda x-xitan m’għandux ħalib u f’dan iż-żmien diffiċli kellu jerġa’ jidħol f’ħajjitha Ewan. Waqt li Andy kien qed iżomm kontinwita’, fil-fantażija tagħha postu ħadulu Ewan. Biex ngħidu kollox, Moira qatt ma nkiet lil Andy dwar din l-imħabba imgħoddija tagħha. Imma kellu jkun Andy stess li ressaq il-ħatab lejn in-nar. Iżda waqt li Andy seta’ kien għaliha ta’ spalla meta kienet fid-diffikulta’ kellha ssir taf aktar tard mingħand ħabib tagħha Alex li hi ma kinetx waħidha qed tilgħab il-logħba. Fil-fatt Andy wkoll beda jilgħab logħba differenti. Fil-fatt kellu jkun meta hija tasal id-dar u tinduna li Andy ma wasalx lura. Fejn kien Andy? X’kien qed jaħbi minnha waqt li hija kienet għaddejja bir-relazzjoni ma’ Ewan?
F’din l-istorja naraw kif iċ-ċirkostanzi jirvinaw il-kontinwita’ tal-ħajja; il-kanċer li ħasad il-ħajja ta’ Connie, imħabba oħra li tidħol bejnha u Andy, u tfixkil tan-normalita. Storja li turi n-nuqqas ta’ kontroll tal-bniedem fuq id-destin. Il-ħajja anzi hija għalina kaxxa magħluqa, u bħal triq mimlija skossi li nimxu fiha bir-riħ jonfoħ kontrina bla nafu fejn ser toħodna. F’dan ir-rumanz m’aħniex ser nistennew ġudizzju ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, karattri tajbin u karattri ħżiena, imma għandna karattri li qed jgħixu l-ħajja fiċ-ċirkostanzi kif jiġu.
Storja li tqanqal bosta emozzjonijiet u ħsibijiet dwar l-imħabba, il-ħajja u x’influwenza nistgħu inħallsu fuq ta’ madwarna. Li jolqot il-qarrej huwa l-mod realistiku li tikteb Edlridge, titratta suġġetti li jolqtu fil-laħam il-ħaj, suġġetti li ngħixuhom u għalhekk bħala qarrejja nistgħu nirrelataw magħhom u nagħmluhom tagħna. Dan huwa ktieb mimli emozzjoni, rabja, u qsim il-qalb. Kitba mexxejja ħafna u b’deskrizzjonijiet mill-aqwa.

Paġna Letterarja 8 t’Ottubru 2017

L-istorja li rrakuntat Nina

Awtriċi: Audrey Ferriggi
Pubblikazzjoni Horizons.


Il-ħila tal-awturi hija li joħolqu sitwazzjoni tixbah ħafna lill-ħajja reali. Permezz ta’ din is-sitwazzjoni waqt li jinqatgħu mill-ħtieġa li ssir riċerka bħal fil-każ ta’ awturi akkademiċi, joħolqulna ambjent ta’ diskussjoni, li nixtarru u li naħsbu. Aktar minn hekk iżda l-awturi jistgħu jidħlu fis-sitwazzjoni, u jifhmu lill-istess karattri fittizji li jkunu ħolqu huma stess. Dan huwa dak li tagħmel Audrey Friggieri f’dan il-ktieb “L-istorja li rrakuntat Nina”. Min hija din il-mara, kalma fuq l-ajruplan, li quddiem għajnejna narawha mara normali imma warajha hemm storja.
Irrid nagħmilha ċara li fil-fehma tiegħi dan il-ktieb huwa esklussivament għall-kbar. Nissuġġerixxi li dawn it-tip ta’ kotba għandu jkollhom indikat aktar ċar li huma għall-adulti. Jirrakonta dwar l-imħabba li sabet il-karattru prinċipali, Nina, barra miż-żwieġ. I-żwieġ huwa istituzzjoni soċjali li lil hinn mir-retorika ta’ żwieġ ibbażat fuq l-imħabba jipprovdi wkoll qafas soċjali kruċjali għas-soċjeta’ u wkoll jagħti ħarsien u identita’ lil membri. Nina daħlet għal dan iż-żwieġ ma’ Marin għax iċ-ċirkostanzi ġarrewha lejn dan il-pass li wara snin ma beda jfisser xejn għajr monotonija u apatija ħlief għall-ġlied bejniethom fosthom minħabba t-tfal. F’Martin rat sens ta’ ħarba mill-imgħoddi tagħha, tama ġdida, ġejjieni ġdid.
Quddiem din is-sitwazzjoni jidħol f’ħajjitha Alex kollega fuq ix-xogħol li tfittex okkażjonijiet biex tkun miegħu. Alex huwa miżżewweġ ukoll iżda kif jgħidilha, ż-żwieġ tiegħu kien għall-konvenjenza u biex ikun bħal ħaddieħor.
L-awtriċi ma tagħmilx ġudizzju fir-rakkont tagħha. Madankollu dan il-ktieb huwa kollu mill-perspettiva ta’ Nina – ir-rakkont huwa ta’ Nina u għaldaqstant mhuwiex newtrali. Jista’ jgħinna imma nifhmu dak li tħoss mara, għalkemm f’ċirkostanzi oħra jista’ jkun raġel. Jgħinna nifhmu il-għaliex persuna għamlet dan il-pass.
Is-sens ta’ ħarba mir-realta’ narawh f’diversi sitwazzjonijiet oħrajn matul ir-rumanz. Qabel xejn l-istorja kollha hija dak li beda għaddej minn moħħ Nina waqt li kienet fuq l-ajruplan. U allura għandna s-sens ta’ safar li għalkemm kien hemm għan għalih, sabiex tistudja, xorta hemm l-idea li qed tinqata’ minn dak li kienet qed tagħmel. Qed tinqata’ mir-rutina. L-avventura ċentrali hija r-relazzjoni ma’ Alex. Anke l-postijiet nsibu varjeta’ mill-ftuħ tal-Baħrija sa postijiet magħluqa li jistimulaw il-fantażija.
Dan huwa ktieb li jirrifletti s-soċjeta’ tal-lum li għalkemm toffri opportunitajiet toffri bosta sfidi. Il-komunikazzjoni permezz tal-facebook li permezz tiegħu għażlet li tafda persuna huwa wieħed minnhom; għalkemm fir-rumanz stess naraw li ma kinetx it-teknoloġija waħidha li wasslitha għal dan il-pass imma kien hemm raġunijiet oħrajn.
Dan huwa ktieb li taqrah u tidħol fl-istorja. Il-qarrej kważi jħoss l-istess emozzjonijiet għax id-deskrizzjonijiet ta’ din l-awtriċi huma vera tajbin. Friggieri diġa kisbet suċċess bil-ktieb “L-iskjav ta’ Isabel” u ngħid li dawk kollha li qraw dan il-ktieb, żgur li mhux ser jiddiżappunthom “l-istorja li rrakuntat Nina”.

Paġna Letterarja, 8 t’Ottubru 2017 — with Audrey Friggieri.

Stejjer mill-Bosk

Kemm il-darba nisħqu li t-tfal huwa importanti li jaqraw. F’din il-paġna għalhekk ukoll nagħtu importanza lejn il-ħidma qatigħ li ssir mill-Aġenzija Nazzjonali tal-litterizmu biex trawwem aktar il-qari. Imma x’kotba jħobbu jaqraw it-tfal? Din il-mistoqsija xprunat bosta riċerkaturi sa mill-bidu tas-seklu (Broening, 1934; Harkrader & Moore, 1997; Purves & Beach, 1972). Dawn l-istudju juru li t-tfal iħobbu qari li jġgħalhom jitbissmu, fejn hemm l-annimali, fejn hemm tfal bħalhom, fejn hemm l-avventura u jispiċċaw bi tmiem hieni. Jekk naqbad dawn il-punti, naħseb li b’xi mod kollha nsibhom f’dan il-ktieb ta’ Patrick Sammut.

Bosta jafu lil Patrick Sammut għall-ħarġa diġitali tiegħu “il-Pont”, għax-xogħol tiegħu fil-kritika letterarja u forsi anke bħala poeta. Ħareġ numru ta’ kotba differenti, fosthom l-aktar riċenti “Minn fomm il-ktttieb, it-tieni ktieb” li jkompli wara s-suċċess tal-ewwel ktieb. Dawn l-awtur iżda mhux wiċċ ġdid fil-qasam tal-kotba tat-tfal. Fil-fatt fl-2010 fost oħrajn ħareġ il-ktieb “AVVENTURA ŻGĦIRA F’TA’ QALI U STEJJER OĦRA” u fl-2012 “Tommy u s-sabiħ tal-qari u rakkonti oħra għat-tfal” u “Ħolm qabel l-irqad” fost oħrajn.

Fil-ktieb mhux biss naraw it-tfal bħala karattri protagonisti imma Sammut joffri ambjent fejn jistgħu jimirħu fl-immaġinazzjoni, bħal Robert li xtaq jirkeb unikornu imma biex jaqta’ xewqtu s-saħħara t-tajba riditu jmur fi vjaġġ misterjuż biex iġibilha vażett (Il-Ħolma ta’ Robert, p.11).

L-eroj għadhom wisq għal qalb it-tfal, anki minn numru ta’ riċerki internazzjonali bħal stħarriġ li sar fl-2016 ta’ World Book day (http://www.worldbookday.com/) li jelenkaw numru ta’ eroj popolari mat-tfal. L-eroj mhux nieqsa mill-istejjer f’dan il-ktieb, ngħidu aħna tat-tliet irġiel qalbiena (p.79) li ħarġu mir-raħal tagħhom li kien imdawwar b’territorji u saltniet ħafna aktar antiki minnu li għamlu l-kuraġġ biex isalvaw ir-raħal tagħhom u għamlu vjaġġ avventuruż immens.
Għandna wkoll numru ta’ annimali fosthom Orazju u Ħamilkar li għenu lil xulxin b’modi differenti u lil Drinu l-qattus l-imqareb (p.23) fost oħrajn. L-annimali huma mogħtija karatteristiċi umani, fosthom il-kapaċita’ li jitkellmu u jaħsbu bħalna.

Ta’ min jgħid li f’dawn l-istejjer għandna xi forma ta’ tagħlima li tista’ tkun aktar fil-wiċċ (eżempju l-imħabba għall-kotba li kellu Silvio, p.61 u kif “Orazju ħaseb f’kemm huwa kuntent dak li jgħin lil għajru bla ma jistenna xejn lura”, p.7) waqt li għandna oħrajn li huma aktar sottili eżempju li minkejja d-differenza bejn il-ħmar u l-ors, it-tnejn kellhom kwalitajiet uniċi tagħhom. L-istejjer iwasslu bosta valuri pożittivi bħalma huma l-ħbiberija, r-rispett lejn il-proxxmu u s-sodisfazzjon li wieħed jikseb mill-ħidma onesta.

Ma nistax ma nsemmix li l-pinna ta’ Sammut hija mogħnija b’Malti idjomatiku, li fi żmien fejn qed ngħixu aktar il-multi-lingwiżmu, t-tfal għandhom hawnhekk permezz ta’ dan il-ktieb riżorsa tajba ħafna.

Dan il-ktieb bdejt bħal awtur naqra storja kull filgħaxija lit-tfal tiegħi, u nikkonferma li ħadu fost mhux ftit.

(Paġna Letterarja, 27 t’Awwissu 2017)

Tattwaġġi

Tattwaġġi u L-għanja tal-imħabba mhux maħbuba
Żewġ kotba ta’ P. Charlò Camilleri

Dawn iż-żewġ kotba ta’ P. Charlò Camilleri, Karmelitan, li ħarġu bejn wieħed u ieħor fuq medda ta’ sena tgħaqqadhom it-tema spiritwali profonda. It-tnejn li huma jeħduk fi vjaġġ spiritwali, jistednuk toqgħod fis-skiet li fih biss tista’ tisma’ l-leħen tal-Ħallieq. Huwa għalhekk li qed nippreżentahom it-tnejn li huma f’din il-paġna, għalkemm ovvjament huma żewġ kotba differenti għal kollox minn xulxin. L-ewwel ktieb huwa Tattwaġġi; ġabra ta’ poeżiji li l-awtur kiteb f’dawn l-aħħar 20 sena (1996-2016). It-tieni ktieb L-Għanja tal-Imħabba mhux Maħbuba huwa bijografija dwar il-qaddisa mistika Santa Marija Maddalena de Pazzi. Il-Bijografija fiha wkoll ġabra ta’ kitbiet tal-Qaddisa maqlubin għall-Malti mill-istess Camilleri. Bħall-poeżiji f’Tattwaġġi, dan il-ktieb narah bħal ilma f’deżert, bħal rokna għal kwiet f’kamra mimlija agħa. Bħal donnu ż-żewġ kotba jimlew vojt li hemm fid-dinja li qed ngħixu fiha llum. Dwar ir-rabta bejn dawn iż-żewġ kotba, f’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa tkellimt mal-awtur innifsu P. Charlò Camilleri. Staqsejtu x’rabta jara bejn dawn iż-żewġ kotba tiegħu.

“S’issa qatt ma ħsibt li hemm xi rabta. Madanakollu naħseb li għalkemm il-ġeneru letterarju taż-żewġ kotba huwa differenti, hemm forsi żewġ elementi li jgħaqqduhom. L-ewwel, l-idea tal-“għanja”. Il-poeżija hija nistgħu ngħidu hekk għanja li f’ċertu sens hija wkoll karba ta’ ruħ li tfittex is-sens moħbi wara l-ġrajja tal-ħajja, wara l-esperjenzi immedjati u materjali li ngħixu kuljum. Fil-każ tal-Bijografija ta’ Maddalena de’ Pazzi għażilt li ndaħħal it-tema tal-għanja għax proprju din il-mistika taqa’ fil-kategorija tal-mistiċi tas-sekli 16 u 18 li esprimew dan is-sintomu ta’ karba malinkonika huma u jfittxu s-sens tal-eżistenza fil-ġrajja mqallba ta’ dawk is-sekli. Fil-kristjaneżmu dan il-kurrent mistiku ħa l-forma tat-tfittxija tal-Maħbub Divin li ma jinħassx, mhux tanġibbli. Artistikament per eżempju dan ġie espress fl-arti fil-famużi pitturi ta’ Marija ta’ Magdala tibki mal-qabar vojt ta’ Kristu, jonkella, fil-ġrajja ta’ Ġesù li jitlaq id-dar ta’ ommu għall-ħajja pubblika, u wkoll fil-bikja ta’ Pietru wara ċ-ċaħda fil-mument li Ġesù ttieħed minn magħhom. It-tieni element li jgħaqqad forsi, huwa l-fatt li l-bijografija hija dwar mistika, u l-poeżija ġiet mfissra minn Mario Azzopardi u Walid Nabhan bħala poeżija ta’ xeħta mistika.”

Sa ċertu punt P. Charlò jmur kemmxejn kontra l-kurrent mhux biss letterarju imma anke dak soċjali. Dan jagħmlu mingħajr ma jisfida la l-progress soċjali u lanqas ix-xejriet ġodda letterarji. Jirnexxielu iżda, b’mod b’saħħtu ħafna jagħti leħen lil Dak li huwa meqjus nieqes, ma jinħassx. Bil-kitba huwa joffri l-ilma li jtaffi l-għatx spiritwali, min-nixxiegħa li forsi konna nsejniha jew warrabniha. Permezz tal-ktieb dwar il-qaddisa jerġa’ jafferma l-primat ta’ Alla u allura tal-esperjenzi spiritwali li forsi anke fil-kuntest ta’ Knisja, għallinqas fil-periferiji tagħha, warrabniha biex nitkellmu iktar dwar il-lat soċjali li minnu nnifsu huwa tajjeb basta ma nispiċċawx ninsew l-għeruq tal-fidi tagħna u l-mixja spiritwali tagħna. Dwar dan tkellimna mal-awtur, u qalilna hekk:

“L-ewwel semmejt li d-Divin huwa għal kollox nieqes fid-dinja post-moderna. Il-bniedem ta’ llum kulturalment, soċjalment u politikament ma’ għadux ifassal l-għażliet tiegħu bil-perspettiva tad-Divin. Allura f’dan is-sens Alla huwa nieqes, ma jinħassx… jekk trid mejjet. Ma jfissirx li dan hu aħjar jew tajjeb. Ma jfissirx lanqas li ma hemmx espressjonijiet kulturalment b’għeruq reliġjużi. Dawn tal-aħħar però huwa forom dekadenti ta’ folklor u idolatrija. Alla ma għandu xejn x’jaqsam magħhom. Bil-kitba tiegħi minix nipprova nagħti soluzzjoni. Sempliċement qiegħed nagħti leħen lil esperjenza li mhijiex daqshekk valutata u kkunsidrata fil-letteratura lokali. Punt ieħor huwa li għalkemm id-Divin huwa nieqes għal kollox fis-soċjetà post-moderna, jidher li hemm sinjali żgħar ta’ bidla f’dan bil-qawmien tal-kurrent meta-modern. Nerġa’ ntenni li jiena minix nippretendi li noffri soluzzjonijiet. Tattwaġġi ġie pubblikat bl-interess ta’ Mario Azzopardi u Walid Nabhan li tant imbuttawni noħroġ il-poeżiji li fl-aħħar ċedejt. It-tieni ktieb, il-Bijografija ta’ de’ Pazzi ktibtha bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-450 sena mit-twelid ta’ din il-mistika mportanti wkoll fejn tidħol letteratura, lingwistika u teatru.”

Iżda jekk l-awtur ma jiktibx l-ewwel u qabel kollox biex iwassal messaġġ, xorta waħda f’dawn dawn iż-żewġ kotba huwa kruċjali jwassal il-messaġġ ta’ Kristu – il-messaġġ tal-Evanġelju. Fi kliem ieħor, nemmen li l-għan ta’ Camilleri huwa li jesprimi dak li jemmen fih kemm permezz tal-poeżiji, li fl-aħħar mill-aħħar wieħed jista’ jqishom ukoll espressjoni ta’ talb, u l-esperjenza tal-Qaddisa li minkejja l-kuntest u realtajiet storiċi differenti, wieħed jista’ jimmudella fuqha l-imħabba tagħna lejn Alla. Fiż-żewġ kotba iżda wieħed iżda jagħraf valur letterarju li nistgħu napprezzaw anke jekk inħarsu lejhom minn perspettiva sekulari. Fil-ktieb Tattwaġġi li ser nitkellmu dwaru fi ftit aktar dettal insibu espressjoni tal-ħtiġjiet spiritwali li jmorru lil hinn minn dak li huwa materjali u temporali. Għandna l-bniedem li jaħseb, ibati u jittraxxendi. Jitratta mistoqsijiet filosofiċi u ispirat ukoll mill-ġrajja Biblika joffri tweġibiet teoloġiċi u umani fl-istess ħin. Fil-każ tal-ktieb ta’ Santa Marija Maddalena de Pazzi għandna valur kbir letterarju anke għaż-żmien li fih inkitbu s-siltiet mill-ħames volumi ta’ kitbiet tal-Qaddisa. Fil-fatt dawn il-kitbiet mistiċi huma studjati mhux biss fit-teoloġija mistika imma jqanqlu nteress kbir anke f’oqsma oħra bħal ngħidu aħna ir-rwol tal-mara fis-soċjeta’ medjevali u rinazzimentali, fil-letteratura, fit-teatru f’dawn iż-żminijiet. Dwar il-valur letterarju ta’ dawn iż-żewġ kotba, P. Charlò qalilna hekk:

“Dwar il-valur letterarju nippreferi ma niġġudikax lili nnifsi. Forsi tieħu xi spunti mid-daħla ta’ Mario Azzopardi u Walid Nabhan. Naħseb jagħmlu valutazzjoni bilanċjata u serja. Bil-kummenti tagħhom ħadt gost nara li wieħed qraha mill-perspettiva mistika nisranija u l-ieħor mit-tradizzjoni Iżlamika Sufi. Dan ifisser li l-poeżija kienet kapaċi tkellem żewġ dinjiet u żewġ kulturi differenti. Għalija dan forsi hu kriterju tal-validità letterarja tal-poeżija tiegħi: li ttraxxendiet kultura u tradizzjoni partikulari u hekk għandha xeħta universali. Anke l-fatt li kemm Mario kif ukoll Walid (nies stabbiliti fil-qasam letterarju) imbuttawni biex nippublika, naħseb li juri li hemm valur.”

1. Tattwaġġi

It-tattwaġġi huma marki estetiċi u fl-istess ħin permanenti. Jidhirli li l-isem jindika kif l-awtur jitlaq minn dak li huwa estern u fil-wiċċ, mill-esperjenza reali u kontemporanja u jwassal dak li huwa profond u qiegħed immarkat fina. Fil-fatt minn materjaliżmu li qatt ma jagħti l-vera ferħ (Surrealiżmu, p.78), “passjoni bla ruħ”, “f’ġisem żagħżugħ” li “mill-qoxra biss tfuħ”, l-poeta jemmen li:

“b’taħbit u stennija
f’dan il-ġisem żagħżugħ
mikluba hemm ir-ruħ
trid toħroġ mill-fosdqa.”

L-awtur jitlaq mill-mistoqsija tal-ħajja, mit-tbatija li titwaħħad mal-“ġnien taż-żebbuġ” (p.23). Huwa pellegrin, miexi bħalna l-istess mixja lejn il-fidi. U bħal kull bniedem ieħor jistaqsi mistoqsijiet fundamentali tal-Fidi.

“Għaliex hemm blanzun
li qatt ma fetaħ?
Għaliex hemm ħarruba
mgħawwġa bi-żmien?

Għaliex hemm il-ħmura
tad-demm imxerred,
minflok il-ġmiel
ta’ għalqa pepprin.”
(Thewdin, p.32)

Il-mistoqsijiet joħroġu mill-istess Fidi, mix-xewqa tal-bniedem li jagħraf lil hinn minnu. Iżda quddiem l-hemm u n-niket, hemm l-imħabba li tirbaħ fuq kollox (It-Triq, p.34). Jippreżentalna esperjenza li jixtieq jaqsamha mal-qarrejja – esperjenza ta’ imħabba qawwija li jixtieqna aħna wkoll induqu.

Iżda biex jasal għaliha jterraq fit-triq tal-Fidi li mhux faċli. Biex jasal għar-risposta, bħal poeta-saċerdot ieħor li wkoll jikteb poeżija profonda, Joe P. Galea (Fra Goel), ifittex is-skiet (p.34).

Jbati meta jħoss in-nuqqas tagħha, u jistenna bi ħrara sa ma jħoss il-din il-qawwa inspjegabbli (p.25) u jterraq sabiex jasal għaliha (p.31). L-imħabba kbira tad-Divin hija profonda u din il-profondita’ jiddeskriviha mhux biss permezz tat-tattwaġġi (p.83) imma fi kliemu tippenetra “bħal leħħa ta’ berqa” u bħal “raġġi” fuq ġismu (p.87). Is-sliem iżda li tħalli jiddeskrivih b’elementi sbieħ tan-natura li min-naħa l-oħra fihom jara din l-istess Qawwa fosthom “ix-xemx ħamrani”, il-“hemda”, “f’għanjiet it-tajr ipespes l-għana tal-imħabba” (Glendalough, p.67)

L-għajnuna spiritwali li joffrilna biex nimxu miegħu dan il-vjaġġ narha fi-poeżija “Talba” (p.26):

“Ħallini nintebah
li int qiegħed ħdejja
bil-ħlewwa taħsilli
il-ħmieġ ta’ idejja.

Iftaħli dirgħajja
ħa nxerred il-ħażna
ta’ ħlejjaq maħnuqa
li daħku bir-rażna.

…

Isqini mix-xmara
tal-hena dejjiema
li taħji u ġġedded
`l min jittallab ħniena.”

2. L-għanja tal-imħabba mhux maħbuba

Il-Qaddisin u mhux il-ġerarkija tal-Knisja huma l-ogħla fis-saltna tas-smewwiet. Il-qaddisin kienu persuni ġejjin minn kull faxxa tal-ħajja u għaldaqstant huma ta’ ispirazzjoni għall-bosta minna. Iżda l-kitbiet tal-qaddisin, f’għamliet ta’ djarju li jirrakkontaw l-esperjenzi mistiċi tagħhom kisbu interess mhux ftit anke f’diversi studji oħra mhux neċessarjament teoloġiċi, fosthom studji medjevali u dwar il-femminita’ fil-medju evu. Biżżejjed insemu kotba magħrufa bħal Through the Devil’s Gateway: Women, Religion and Taboo, ta’ Alison Joseph, Le Deuxième Sexe ta’ Simone de Beauvoir, The pedestal and the stake: courtly love and witchcraft ta’ E. William Monter u f’pajjiżna Vergni Sagri, Demonji u Boloh għal Alla ta’ Mario Azzopardi. Ovjament għandna bosta sorsi oriġinali bħalma huma d-djarji ta’ Santa Veronica Giuliani u l-ktieb ta’ Margery Kempe fost oħrajn.

Dwar dan il-valur letterarju, minbarra dak reliġjuż tkellimna mal-awtur innifsu:
“Il-valur li nara huwa li din hija l-ewwel bijografija bil-Malti tal-Qaddisa li fiha wkoll antoloġija ta’ testi mistiċi maqlubin għall-Malti. L-ewwel bijografija tal-qaddisa kien profil mitbugħ mill-Prof. Anastasju Cuschieri, Karmelitan, poeta, professur tal-filosofija u senatur. Valur ieħor huwa li fiha wkoll għall-ewwel darba wara 400 sena stampata mill-ġdid l-edizzjoni tal-ħajja f’inċiżjonijiet li saru għall-kanonizzazzjoni tal-qaddisa. Valur ieħor huwa li l-qasam aġjografiku fil-letteratura huwa nieqes f’pajjiżna. Forsi wkoll għandu dan il-valur.”

Naturalment iżda ma nistgħux ma nsemmux il-valur spiritwali u mhux biss teoloġiku ta’ dan il-ktieb. It-titlu tal-ktieb huwa dwar l-imħabba (b’referenza għal Alla kif insibu fil-Vanġelu ta’ San Gwann ‘Alla huwa Imħabba’) mhux maħbuba għax il-bosta ma jirritornawx għall-imħabba t’Alla imma jibqgħu distanti u b’qalb iebsa u/jew magħluqa għal imħabbtU.

Il-ktieb jinqasam fi tliet taqsimiet prinċipali. L-ewwel taqsima (p.15-p.87) hija bijografija qasira dwar il-Qaddisa li kif jgħid l-awtur fl-introduzzjoni tiegħu mhux l-għan tagħha li sservi ta’ studju teoloġiku jew filosofiku. It-tieni (p.91-149) taqsima tiġbor fiha siltiet mill-kitbiet tagħha “li jlaħħqu mal-ħames volumi manuskritti, miktuba oriġinalment bl-idjoma Fjorentina tas-sekli 16 u 17”. Fit-tielet taqsima (p.153-203) imbagħad għandna stampi ta’ inċiżjonijiet li l-artist Abraham Diepenbeek kien stampa li juru l-ħajja tal-qaddisa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kanonizzazzjoni tagħha fl-1669. Fl-aħħar tal-ktieb imbagħad insibu xi ritratti li jgħinuna nifhmu aktar il-kuntest tal-qaddisa, fosthom tal-Monasteru u l-Knisja ta’ Santa Maria degl’Angeli.

3. Konklużjoni

F’dinja fejn il-valur tal-imħabba donnu qed isir wieħed irħis, fejn il-kelma sar għandha konnotazzjonijiet li mhux neċessarjament huma imħabba, f’dawn iż-żewġ kotba tispikka “l-Imħabba li mhux maħbuba”. L-Imħabba li hu Kristu u li wara kollox biex nilħquh irridu naħdmu għaliha, nistinkaw għaliha. Mhijiex il-bakketta maġika u lanqas hija soluzzjoni faċli. Iżda hija s-soluzzjoni għall-egoizmu f’qalb il-bniedem, il-kawża ta’ tant u tant problemi. Dawn huma żewġ kotba li kif għidt fl-introduzzjoni huma ta’ interess kbir kemm għal dawk li qed ifittxu għejun spiritwali permess ta’ talb fil-forma ta’ poeżija u l-ħajja ta’ qaddisa kbira b’ilsien pajjiżna, kif ukoll għal dawn li jsibu siwi kbir letterarju kemm fil-poeżija profonda u mistika kif ukoll fil-bijografija tal-qaddisa li tagħtina ħafna tagħrif medjevali mhux biss letterarju imma anke storiku u sa ċerta punt soċjali.

(Paġna Letterarja 20 t’Awwissu 2017)

Ħin l-istejjer

Awtriċi: Lina Brockdorff

Pubblikazzjoni: Horizons

Il-qarrejja ta’ din il-paġna spiss jistaqsu għal kotba bi stil li hu mexxej, u mingħajr ħafna komplikazzjonijiet żejda, imma fl-istess ħin kotba ta’ kwalita’. Lina Brockdorf jirnexxielha tagħmel dan b’sengħa kbira. Iżżomm bilanċ tajjeb bejn kitba ta’ kwalita’ u dak li hu artistiku, u ħadma tajba tal-Malti u sempliċi biex ngħid hekk fl-istess ħin.
Dwar dan f’intervista esklussiva għal din il-Paġna nhar il-Ħadd 27 ta’ Marz 2017 Lina Brockdorff wieġbet li waqt li huwa vera li l-kitba hija l-aktar passatemp għal qalbha, imma aktar minn hekk tħares lejha bħala arti.
“Kull darba li nħoss fija l-ġibda jew xewqa li nibda xi kitba bejn nifraħ u bejn nibqa’ ftit lura għax naf li għalija ġejja sfida. Inħoss min jimbuttani biex infittex inniżżel ħsibijieti u min-naħa l-oħra naf li mhux lesta biex naċċetta kull ma jiġi f’moħħi mill-ewwel. Kull qasam tal-arti kemm jekk hi l-mużika, il-pittura jew semmi li trid, dawn kollha għandhom ir-regoli tagħhom biex tassew jissejħu artistiċi. L-istess il-kitba. Mhux kull ma jiġi f’rasi jew kull sentenza li nlissen fil-ħajja ta’ kuljum ma’ dawk ta’ madwari nista’ nsejjaħlu kitba tajjeb jew letterarju. Jeħtieġ li norqom kull ma jkun biħsiebni nikteb b’lenti qawwija biex minnu noħroġ dak li skont jien – għax dan dejjem jiddependi fuq lenti personali – jkun tassew miktub tajjeb u ġenwin, mhux repetizzjoni, li jinstema’ sabiħ għal widna tant li jħajrek tkompli taqra, jagħmel sens u jirrispetta l-kultura Maltija li fiha ngħixu. Aktar minn hekk nippjana li dak li ser nikteb ikun jappella b’xi mod lill-qarrej.”
Dan il-ktieb qed nippreżentah ukoll minħabba x-xewqa ta’ ħafna qarrejja li jaqraw stejjer qosra aktar milli fit-tul, fejn jaslu aktar malajr għall-qofol tal-istorja. Anke f’dan is-sens dan huwa ktieb ideali. Huwa bħal bukkett imżewwaq bi fjuri differenti, imma kull waħda tpaxxi lill-għajn. F’dan il-każ għandna ġabra ħelwa bi stejjer li waqtiet iħassbuk, waqtiet iġgħaluk tirrifletti, u oħrajn anke jġibulna tbissima ħelwa.
Uħud mill-istejjer joħduna fi żminijiet aktar imgħoddija, u Brockdorff għandha bosta esperjenzi għax żagħżugħa fil-ħsieb imma daqet saħansitra l-esperjenzi tal-gwerra. Imma aktar minn hekk, din l-awtriċi minn dejjem irnexxielha tiddokumenta anke jekk bi stejjer fittizji u oħrajn le esperjenzi ta’ Malta fl-imgħoddi u tatna narrattiva anke f’dan il-ktieb ta’ drawwiet u użanzi tal-imgħoddi. Xi stejjer oħra huma b’kuntest soċjali aktar riċenti. Għandna wkoll xi stejjer ispirati mill-Iskrittura, l-aktar it-Testment il-Ġdid fejn Brockdorff tibni storja li l-punt tat-tluq tagħha huwa dak Bibliku b’personaġġi Bibliċi.
Għandna stejjer fejn iġggħaluna nqisu kliemna u nwieżnu dak li ngħidu. Din il-lezzjoni li żgur tgħallem Mikiel bħala ġenitur (p.1-5) u kif kelma li qalet martu affetwat sew lil Ġina. Naraw ukoll kif meta ngħinu lil xi ħadd, bħal ma għamel is-Sur Peppin (p.7-11). Għandna stejjer b’kuntest Bibliku (p.19, p.33, p.41)

Ġabuli tbissima stejjer tassew ħelwin bħal dik tal-armla Grezzja (p.27). U ma kienx ikel li kinet tipprova tiġbor għall-qtates! U l-famużi praspar tal-istudenti, li lkoll għamlna jew smajna meta konna aktar imqarqċin. Bħal ma għamlet Simona (p.45) lill-għalliema li għal xi raġuni donnha ma kinetx taħmilha! Mhux kull storja imma tispiċċa ħażin f’dan il-ktieb. Għandna uħud li kif ngħidu għandhom tmiem feliċi anke fis-sens tradizzjonali ta’ bosta stejjer li ma jkunux iridu mnikkta. Hekk hija l-istorja ta ‘ Renata u Turu (p51) li kienu ġejjin minn familji li ma jarawx għajn b’għajn minħabba l-politika. L-istess għal Liliana (p.77) li baqgħet tittama u l-ħolma tagħha (li fil-fatt anke ħolmot bil-lejl) saret realtà. Għandna stejjer kif diġa semmejna ambjentati fi żmien il-gwerra (p.115) fejn naraw kif id-djar Maltin kienu miżgħudin bit-tfal u kif ħafna tfal kienu jmutu.
Is-sorpriżi ma jonqsux. Hekk kellu jkun għal Duminku, li kien ikun dejjem qalbu sewda wara li għaddiet għal ħajja aħjar il-mara tiegħu. Dan fi storja li għalija personali hija l-aktar waħda għal qalbi u rrid nammetti li kif qrajtha ġismi qamli xewk xewk. L-istess meta wieħed jaħseb minn dak li kellha tgħaddi minnu Ġorġa (p.71), mara fqira u riedet tibża’ għal unurha u tgħajjex il-familja u kellha żżomm kollox mistur.
Hawnhekk għandna ġabra ta’ stejjer qosra li tista’ taqrhom fil-ħin ħieles mingħajr ma tkun marbut li ssegwi storja mal-oħra. M’hemm ebda ħtieġa wkoll li taqrhom wara xulxin. Biss jien ċert li dawn l-istejjer ħelwin jagħmluha diffiċli lil kull min jaqbad dan il-ktieb biex jitilqu minn idejh.

(Paġna Letterarja, 6 t’Awwissu 2017)