Ta’ Patrick Sammut; Pubblikazzjoni: Horizons
Numru ta’kotba jibqgħu ttimbrati ġo moħħna imma mhux dejjem inkunu nafu lill-awturi. Fil-qasam mużikali sikwit nitkellmu dwar il-mużiċisti u l-kantanti. Ktieb bħal dan joffrielna opportunita’ li nsiru nafu iżjed lill-kittieba. Sammut jinqata’ mill-idea qadima li nfakkru lill-awtur wara mewtu jew nistudjawh l-iskola fil-letteratura wara snin li jkun ħalliena. Numru t’awturi qegħdin fostna u minkejja ċokon ta’ pajjiżna mhux bilfors inkunu nafuhom daqshekk. L-għan ta’ Sammut huwa li joħroġ lill-awtur ‘il barra miċ-ċrieki letterarji. F’pajjiż daqstant ċkejken huwa ħasra li xi awturi jsibu l-appoġġ f’xi għaqda jew proġett li jkunu fih u forsi daqshekk. Nazzarda ngħid li għandna wkoll awturi li donnhom huma fil-periferija ta’ dawn iċ-ċrieki u għaldaqstant ftit li xejn jafuhom jew jafu dwarhom. Dwar kantanti forsi aktar barranin milli Maltin nisimgħu u naqraw permezz tal-mezzi tax-xandir u l-internet. Patrick Sammut nieda diversi proġetti biex bl-istess mod nisimgħu u naqraw dwar l-awturi Maltin. Biżżejjed insemmi is-sit elettroniku “Tieqa fuq il-ktieb Malti”, “Paġna wara paġna”, u bla dubju ta’ xejn il-ġurnal elettroniku “Il-Pont”. Sammut kien ukoll l-editur letterarju tal-ġurnal “Il-Ġens”. Ta’ min jgħid li fil-ġurnal elettroniku “il-Pont” li bħal din il-paġna, jagħti spazju lil awturi u pubblikaturi, nsibu diversi intervisti ma’ awturi differetni.
Fl-2014 ġie pubblikat l-ewwel volum ta’ Minn Fomm il-Kittieb. Il-kittieba u poeti intervistati fl-ewwel volum kienu: Pawlu Aquilina, Anton F. Attard, Joe M. Attard, Mario Attard, Emmanuel Attard Cassar, Joe Axiaq, Carmel Azzopardi, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Rena Balzan, Joe Bartolo, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Roderick Bovingdon, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Rev. Mons. Amante Buontempo, Amanda Busuttil, Stephen Cachia, Joe Camilleri, Peter A. Caruana, Charles Casha, Manuel Casha, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Ġużè Chetcuti, Fr Paul Chetcuti S.J., Fr Anthony Chircop O.F.M., Ġanninu Cremona, Ileana Curmi dwar missierha Giovanni Curmi, Tony C. Cutajar, Charles Dalli, Lou Drofenik, Godwin Ellul, Leanne Ellul, Noel Fabri, Anthony Farrugia, Stefano Farrugia, Victor Fenech, Charles Flores, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Francis Galea, Anton Grasso, Alfred Grech, Lino Grech, Raymond Grech, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima u Mario Griscti.
Ovjament nifhmu li dan huwa xogħol li beda minn ħafna u ħafna snin qabel. FIL-fatt f’intervista li jien għamilt ma’ Sammut u ġiet ippublikata fil-ħarġa letterarja tat-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2014 l-awtur qalilna:
“Fl-ewwel volum hemm 52 kittieba intervistati, imma numru ikbar ta’ intervisti ladarba numru ta’ kittieba intervistajthom iktar minn darba. Kif għedt diġà l-ewwel intervisti huma tal-2001 u l-iktar reċenti huma tal-2013. Mela dan ifisser li dan hu xogħol li ħadli mat-tnax-il sena. Hemm numru ta’ kittieba li intervistajthom wiċċ imb wiċċ, oħrajn ikkorrispondejt magħhom permezz tal-posta tradizzjonali u bosta oħrajn permezz tal-posta elettronika. Hemm min qalli li dan hu ktieb li ma jixħitx dawl biss fuq il-kittieba intervistati imma anki fuq l-intervistatur ladarba l-mistoqsijiet jirriflettu l-interess ġenwin tiegħi fil-qasam letterarju imma anki fl-element uman ta’ kull kittieb intervistat. Ħaġa oħra hija li biex wieħed jintervista kittieb partikolari jeħtieġ li jkollu ċerta familjarità mal-kitba ta’ dak li jkun biex b’hekk ikun jaf eżattament liema elementi se jikxef permezz tal-mistoqsijiet li joħloq. Ta’ min jgħid ukoll li matul is-snin sirt naf personalment għadd kbir mill-kittieba li intervistajt, tant li bosta minnhom għadni nikkorrispondi magħhom, u għaddewli u għadhom jgħadduli l-pubblikazzjonijiet tagħhom regolarment.”
Il-kittieba u poeti intervistati fit-tieni volum huma: Ġino Lombardi, Charles Magro, Carmel Mallia, John Mallia, Alfred Massa, Pierre J. Mejlak, George Mercieca, Charles Mifsud, Immanuel Mifsud, Maurice Mifsud Bonnici, Achille Mizzi, Mark Montebello, Walid Nabhan, Therese Pace, Alfred Palma, Vincenzo Maria Pellegrini, Ġorġ Peresso, Yana Psaila, George Said-Zammit, Joe Saliba, Marlene Saliba, Paul Saliba, Rita Saliba, Anton Sammut, Frans Sammut, Mark A. Sammut, Salv Sammut, Victor Sammut, Alfred Sant, Vanni Sant, Carmel Scicluna, Andrew Sciberras, Anselm Sciberras, Joseph C. Sciberras, Joseph Sciberras, Lillian Sciberras, Omar Seguna, Charles B. Spiteri, Hilary Spiteri, Lino Spiteri, Edmund Teuma, Joseph P. Vella, Kenneth Vella, Mark Vella, Kelinu Vella Haber, Paul Zahra, Trevor Żahra, Frank Zammit, Marcel Zammit Marmarà, Joe Zammit Tabona, Tarċisju Zarb, Nazzarenu Zerafa.
Kif insibu fl-ewwel volum, napprezza l-firxa ta’ poeti li joħduna diversi ġenerazzjonijiet. Anke f’din il-ħarġa nsibu poeti li huma influwenzati mir-Romantiċiżmu u għandhom metrika u forma fissa, flimkien ma’ valuri tradizzjonali espressi b’mod idealistiku u patrijottiku. Imbagħad insibu poeti oħra li bdew il-karrieri letterarji tagħhom f’nofs is-sittinijiet, kienu influwenzati mix-xena letterarja Ewropea u Amerikana kontemporanja, u għaldaqstant għażlu kwistjonijiet attwali bħad-drogi, is-sess, il-gwerra tal-Vjetnam, kwistjonijiet ta ‘identità, jirrikorru għal lingwa ġdida, disprament u rabja, u xbihat ġodda. Għandna kittieba influwenzati mis-snin tmenin, kemm bis-sitwazzjoni soċjo-politika f’Malta u internazzjonali b’bosta temi bħal immigrazzjoni, il-ġuħ, il-gwerra, kwistjonijiet ambjentali, politika, inugwaljanza, inġustizzja. Għandna mbagħad awturi ġodda li huwa interssanti mhux biss il-ħolm imma anke t-tħaddim tal-lingwa b’mod tabilħaqq flessibli li jixhed li l-Malti huwa lingwa ħajja u taqdina. X’aktarx nerġgħu anke llum insibu messaġġ soċjali li huwa b’saħħtu.
Xi ħaġa li personalment apprezzajt ħafna, hija mhux biss li qed ‘nisimgħu’ l-esperjenzi “Minn Fomm il-kittieb” kif propju jġib l-isem dan il-ktieb, imma anke nsibu wkoll ritratti ta’ xi poeżiji jew kitbiet oħra miktuba bl-idejn tal-istess awturi. Hekk il-qarrejja ta’ MINN FOMM IL-KITTIEB ikollhom idea tal-kalligrafija ta’ dawn il-kittieba. Dan huwa ktieb illi naħseb għandu jinsab fil-librerija tad-dar tagħna. Mhux biss imma nemmen li jgħin ħafna anke lill-istudenti fil-letteratura. U forsi wkoll jaqtgħalna wkoll dik il-kurżita’ dwar l-awturi Maltin. Kif bdew jiktbu? Fejn għexu fl-imgħoddi, x’jiftakru minn dan, x’ħalla l-ikbar marka fuqhom, u fejn jgħixu llum? Min huma dawk il-kittieba li qed jiktbu lil hinn minn xtutna? Liema huma l-ħwejjeġ li jispirawhom biex jiktbu? X’jagħmlu bħala xogħol u kif jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom? X’jaħsbu dwar kwistjonijiet kontemporanji partikolari? L-intervistatur fi djalogu informali mal-intervistat jikxef dan kollu. L-intervistatur wiċċ imb wiċċ ma’ kittieba stabbiliti u oħrajn inqas magħrufin, kittieba żgħażagħ, oħrajn li m’għadhomx magħna.
Naf kemm bosta qarrejja għandhom għal qalbhom il-Malti u lill-Malta. Ejja nagħtu ġih lill-awturi Maltin li għamlu ġih lil pajjiżna. “Minn fomm il-kittieb – it-tieni volum” – intervisti ma’ għadd ta’ kittieba u poeti mix-xena lokali, huwa Pubblikazzjoni Horizons, 2017. Nissuġġerixxi dejjem li wieħed jakkwista ż-żewġ volumi. F’dawn iż-żewġ volumi l-qarrej jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ 104 (52+52) kittieba u poeti Maltin, parti kbira minnhom għadhom jiktbu fil-preżent.