Vandalism

Awtriċi: Lizzie Eldridge
Pubblikazzjoni: Merlin

Hija storja li għalkemm ambjentata fi Glasgow hija tant qrib tagħna. F’liema sens? Lizzie Eldridge titratta temi umani f’dan il-każ il-kanċer, il-ħbiberija, it-tradiment u t-telfa ta’ xi ħadd qrib tagħna. Fuq kollox il-ħolm sabiħ li jisfuma fix-xejn u fl-istess nifs id-diqa u tbatijiet li jkollna nġarrbu. Naraw kif il-ħajja tagħtik bil-ħarta u waqtiet titbissimlek ukoll. Eldridge iżżewweġ dawn iż-żewġ aspetti tal-ħajja bħala parti essenzjali mill-istess ħajja.
L-istorja tlaqqagħna ma’ Moira (in-narratriċi), mara ta’ tmienja u għoxrin sena, li l-akbar ħabiba tagħha Connie kienet marida bil-kanċer tas-sider u kienet tinsab f’xifer il-mewt. Andy, dak li kellu jkun ir-raġel tagħha, kien għaliha serħan f’dan iż-żmien diffiċli u offrielha appoġġ. Fih sabet refuġju. Iżda x-xitan m’għandux ħalib u f’dan iż-żmien diffiċli kellu jerġa’ jidħol f’ħajjitha Ewan. Waqt li Andy kien qed iżomm kontinwita’, fil-fantażija tagħha postu ħadulu Ewan. Biex ngħidu kollox, Moira qatt ma nkiet lil Andy dwar din l-imħabba imgħoddija tagħha. Imma kellu jkun Andy stess li ressaq il-ħatab lejn in-nar. Iżda waqt li Andy seta’ kien għaliha ta’ spalla meta kienet fid-diffikulta’ kellha ssir taf aktar tard mingħand ħabib tagħha Alex li hi ma kinetx waħidha qed tilgħab il-logħba. Fil-fatt Andy wkoll beda jilgħab logħba differenti. Fil-fatt kellu jkun meta hija tasal id-dar u tinduna li Andy ma wasalx lura. Fejn kien Andy? X’kien qed jaħbi minnha waqt li hija kienet għaddejja bir-relazzjoni ma’ Ewan?
F’din l-istorja naraw kif iċ-ċirkostanzi jirvinaw il-kontinwita’ tal-ħajja; il-kanċer li ħasad il-ħajja ta’ Connie, imħabba oħra li tidħol bejnha u Andy, u tfixkil tan-normalita. Storja li turi n-nuqqas ta’ kontroll tal-bniedem fuq id-destin. Il-ħajja anzi hija għalina kaxxa magħluqa, u bħal triq mimlija skossi li nimxu fiha bir-riħ jonfoħ kontrina bla nafu fejn ser toħodna. F’dan ir-rumanz m’aħniex ser nistennew ġudizzju ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, karattri tajbin u karattri ħżiena, imma għandna karattri li qed jgħixu l-ħajja fiċ-ċirkostanzi kif jiġu.
Storja li tqanqal bosta emozzjonijiet u ħsibijiet dwar l-imħabba, il-ħajja u x’influwenza nistgħu inħallsu fuq ta’ madwarna. Li jolqot il-qarrej huwa l-mod realistiku li tikteb Edlridge, titratta suġġetti li jolqtu fil-laħam il-ħaj, suġġetti li ngħixuhom u għalhekk bħala qarrejja nistgħu nirrelataw magħhom u nagħmluhom tagħna. Dan huwa ktieb mimli emozzjoni, rabja, u qsim il-qalb. Kitba mexxejja ħafna u b’deskrizzjonijiet mill-aqwa.

Paġna Letterarja 8 t’Ottubru 2017

Leave a Comment