- Charles huwa dejjem pjaċir tiegħi niltaqa’ miegħek u jkolli ngħidlek li bħala qarrejja u ħbieb tal-letteratura għandna obbligazzjoni lejn ix-xogħlijiet tiegħek. Qed ngħid għal dawn ir-rumanzi antiki, partikolarment t’Arturo Caruana imma anke t’awturi oħrajn bħal Paolo Olmi li li kieku m’adattajtx dawn il-kotba, forsi qajla kienu jiġu f’idejna. Biex ma ngħidx konna nitilfuhom darba għal dejjem. Kif bdiet din l-inizjattiva biex tibda tadatta dawn il-kotba?
T. L-inizjattiva bdiet l-ewwel nett għax jien ilħaqt il-bejgħ u x-xiri tal-faxxikli u ġieli qrajt rumanzi sħiħ lin-nanna u aktar minn hekk għax meta 25 sena ilu bdejt naqra r-rumanzi għas-semmiegħa tar-radju, rajt l-interess tan-nies fihom, b’ħafna jitolbuk x’taqra.
Kien il-qari ta’ Indrì, is-Sajjied Malti li ħeġġiġni nadattah mill-ġdid. Dawn kienu tliet kotba voluminużi, ambjentati f’pajjiżna, b’karattri Maltin u bl-ingredjenti kollha li jfittxu s-semmiegħa. Tant kienet diffiċli biex iddubbajthom, li sakemm qrajthom għar-radju kont inqum fl-erbgħa ta’ filgħodu u nittajpja minnhom.
Bl-imbuttatura tas-Sur Tony Gatt, Direttur tal-BDL, imtlejt bil-kuraġġ u komplejt neditja.
2. Sigriet bejnietna li qatt ma qasamt miegħek huwa li wara li bdejt naqra l-kotba tiegħek, tħajjart nibda nakkwista numru ta’ faxxikli. Dawn il-faxxikli aktarx bdew jiġu ppubblikati madwar l-1830, pero li għandi jien jaslu għal dawn l-aħħar 80 sena, baqgħu jiġu stampati sal-1970. Qed ngħid sewwa li ħafna mill-kotba t’Arturo Caruana li inti għamilt biċċa xogħol tajba u adattajthom, kienu jaslu għand il-qarrejja permezz ta’ dawn il-faxxikli? Forsi tispjegalna wkoll x’kienu eżatt dawn il-faxxikli?
T. Sewwa wisq Omar. Dawn il-faxxikli kienu l-ewwel letteratura Maltija għall-familji. Dak iż-żmien la kien hawn skola, la kien hawn radju jew televiżjoni u xejn. Allura, min forsi kien jaf jaqra, kien isib l-isfog tiegħu u jimla l-ħin ta’ ħaddieħor ukoll. Kien beda ż-żmien tax-‘xandara’.
Peress li l-flus kienu neqsin mill-idejn, ħadd mill-kittieba ma seta’ jippubblika ktieb sħiħ, allura kien joħorġu f’faxxikli ta’ tmien paġni kull ġimgħa u jkollu l-abbonamenti minn qabel. B’ hekk, kull awtur kien jaċċerta ruħu wkoll li ma jmurx minn taħt. Ma ninsewx li kien hawn aktar minn kittieb wieħed u allura kienu jfittxu l-aħjar rumanzi li jaslu Malta, u jittraduċuhom. Kollha jirrakkuntaw stejjer sbieħ, li llum, jew qed jittieklu mill-kamla, jew ma ssibhomx faċilment. Allura qtajtha li nġedded il-wirt letterarju ta’ missirjietna. Tajjeb ngħid li ħafna mir-rumanzi tal-faxxikli li tawni n-nies, għadhom fl-istat naturali tagħhom….. mhux għall-karta (għax dik issibha kollha toqob) iżda għax mingħajr qoxra. Ftit kienu jkunu dawk l-individwi, li wara li jgħaqqdu l-faxxikli, jillegawhom
3. L-ammont ta’ kotba li ħriġt inti huma xi ħaġa tal-għaġeb. Volumi twal ta’ kotba li xtaqt insemmihom biex anke l-qarrejja jieħdu idea mhux biss tal-kotba imma anke tal-biċċa xogħol li għamilt inti: Il-Misteri tal-Wardija (permezz ta’ 3 kotba); Indrì s-Sajjied Malti (6 kotba); Katina Eterna (2 kotba); Drawwiet u Tifkiriet Maltin; Marta Bint id-deffien tal-pesta (4 kotba); Adelaide; il-Bravu ta’ Venezja,il-Ħaddied tal-kunvent (2 kotba); East Lynne (2 kotba) u Il-Kappella taċ-Ċimiterju. Il-mistoqsija tiġi waħidha: Kif jirnexxielek tagħmel dan ix-xogħol kollu, dawn l-ammont ta’ kotba, meta nafu li għalkemm l-istejjer f’ħafna minnhom huma t’awturi oħrajn, jinvolvu ċerta reqqa wkoll?
T. Meta nibda b’rumanz, nidħol f’ruħu, tant li ġieli, kif għedtlek inqum f’xi l-erbgħa ta’ filgħodu u nibqa’ għaddej. Issa, li jien pensjonant, għandi ferm aktar ħin…. iżda ma fadallix kotba! Tajjeb ngħid li jien trabbejt maz-zijiet t’ommi, li kienu fil-militar u milli jidher, id-dixxiplina tagħhom tħalltitli ma’ demmi. Għalhekk, li nitwebbel li nagħmel irrid nagħmlu u fl-iqsar ħin possibbli. M’hemmx tnikkir.
4. Ir-rumanzi t’Arturo Caruana għandhom sfond storiku, u huma ambjentati fi żmien il-kavallieri fejn is-sistema kienet waħda fewdali. Fil-‘Misteri tal-Wardija’ niltaqgħu ma’ Miju Mekkek tal-Gran Mastru, bniedem xejn ħelu li l-kavallieri kienu jirreferu għalih bħala l-Aħrax li kien jobgħod lill-Kontessa d’Alarcon u wisq aktar lil Ġann Nikol Dikler. F’’Adelaide’ niltaqgħu mat-twajjeb Milord, Enrico ta’ Surley li wara li jitlef lill-għażiża ommu jitlaq għal vjaġġ mas-seftur fidil tiegħu Giacbubiex iderri ftit. Forsi nsemmi wkolI ‘Il-Ħaddied tal-Kunvent’ li hu ambjentat fi Franza, fi żmien ir-Renju Franċiż meta l-kunflitt bejn l-aristokrazija u l-poplu kien fl-aqwa tiegħu. Hawnhekk naraw kif kavallier jitfaċċa quddiem il-kunvent ta’ Cour Dieu b’tifla ltima sabiħa u peress li fil-kunvent ma setgħux jidħlu nisa, il-Patri Gwardjan ħalla t-trobbija ta’ Ġovanna f’idejn il-ħaddied Dagoberto. Qabelxejn kemm ifittxuhom il-Maltin dawn it-tip ta’ rumanzi, anke mill-esperjenza tiegħek taqra r-rumanzi fuq ir-radju?
T. Prosit Omar; tidher li qrajthom sew dawn ir-rumanzi. Nassigurak li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom ifittxu dawn l-istejjer tal-kavallieri, tal-imħabba u l-mibegħda fil-klassijiet soċjali u tat-tpattija. Dawn ir-rumanzi fihom l-ingredjenti kollha mistennija minnhom. Bla ma nonqos lil ħadd ngħid li hu għalhekk li għadhom popolari aktar mir-rumanzi tal-lum. Fihom ferm aktar deskrizzjoni u bla kliem vulgari. Biex inżid xi ħaġa oħra ngħidlek li l-Maltin mhux biss iħobbu jisimgħu dawn ir-rumanzi fuq ir-radjijiet, iżda anki jixtruhom. U l-popolarità tagħhom tidher mill-ħlasijiet li joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn fil-qasam tar-rumanzi ili żmien twil inkun fl-ewwel post.
5. Jien vera napprezza dawn ir-rumanzi għaliex jitfgħu dawl fuq intriċċi, nepotiżmu, klijentaliżmu fi żmien l-Ordni li qajla nisimgħu bih fil-Kotba storiċi. Anke jekk dawn huma frott il-fantasija, xorta joħolqu xenarju u lok għal diskussjoni anke storja dwar ir-realta’ kif kienu jgħixuha n-nies, u mhux l-istorja kif naqrawha fil-kotba storiċi. X’taħseb dwar dan?
T. In-nepotiżmu u l-klijentaliżmu huma punt ta’ diskussjoni kif għedt int, iżda nemmen li kienu minn dejjem u mhux żieda għall-ktieb. F’intervisti li kelli ma’ ħaddiema li m’għadhomx magħna u kienu jaħdmu t-Tarzna, kienu jirrakkuntawli li biex jimxu ’l quddiem kien ikollhom jagħmlu xi favuri, inkella jkollhom xi ħabib, ġeneralment Ingliż, membru tal-Mażunerija. Il-pjaċiri kienu minn dejjem u jibqgħu; hekk li fil-ktieb ta’ Manwel Dimech insibu, li biex il-kap tal-ħabs kien jippermetti lill-mara ta’ ħabsi tmur tarah, ried li qabel ikollu x’jaqsam magħha hu fl-uffiċċju tiegħu. Għalhekk nemmen li dawn l-affarijiet kienu, għadhom u jibqgħu, tant li għadna nisimgħu b’ċerti praspar sal-lum. Segwi l-aħbarijiet Amerikani u ara kemm ‘il attriċi qed tfittex lid-diretturi tal-films fuq dak li jsejħu harassment.
6. Niltaqgħu ukoll ma’ numru ta’ drawwiet li fis-soċjeta’ moderna spiċċaw. Eżempju, fil-Misteru tal-Wardija,Elena tiġġiegħel tiżżewweġ lill-bniedem li jagħżlilha missierha, għalkemm biex ngħidu kollox issib raġel ieħor, kavallier. Fl-istess ħin ukoll naraw li r-rwol tal-mara ma kellu ebda importanza fis-soċjeta u saħansitra jispiċċaw fastidjati mill-kavallieri bħal Marija u Dorotea fit-Tradiment Infami. Kif tarah ir-rwol tal-Mara f’dan ir-rigward?
T. Hawn għandek raġun, iżda ma ninsewx li fiż-żmien li nkitbu dawn ir-rumanzi, il-kultura tan-nies kienet differenti. Kif ngħidu, il-ħajja hi rota u nemmen li għad nerġgħu niġu fl-istess qagħda, ladarba Malta ma tibqax tal-Maltin. Nafu li d-drawwa fost il-poplu Musulman għadha li mhux biss missier jagħżel raġel għal bintu, iżda jista’ jagħtihielu sa minn meta jkollha 12-il sena. Din inħossha ftit agħar u nemmen li m’għandhiex tkun. Forsi fl-antik, il-ħsieb kien li l-ġenituri jkunu jafu minn qabel x’tip ta’ raġel tkun se tieħu binthom. Illum, bil-libertà li spiċċat f’libertinaġġ, qed naraw bosta żwiġijiet…. li jirriżultaw f’falliment totali.
7. Il-karattru forsi naqra mqareb, li huwa fil-periferija tan-norma soċjali nsibuh spiss f’dawn ir-rumanzi. Jiġuni f’moħħi Josè, ġuvni li aktar qabel kien mibgħut bħala qaddief fuq ix-xwieni, għax ikun ħabb lil Elena, Josè jintefa’ l-ħabs għax ikollu xi jgħid ma’ dak li jkun irid joħodlu lill-maħbuba tiegħu u li jlissen kliem ta’ disprezz għalih u għaliha. Fil-ħabs, Josè jwettaq affarijiet li ma kinux mistennija minnu. Imbagħad hemm ukoll Indri’ s-sajjied għalkemm kif jiddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” għax ftit li xejn mess ħut b’idejh u jitkellem mal-kbarat b’ċerta kunfidenza u awtorita’. X’tgħidilna dwar dawn il-karattri?
T. Irriferejtni għal tnejn mill-isbaħ rumanzi li ħriġna, Il-Misteri tal-Wardija u Indrì s-Sajjied Malti. Kull storja ta’ Arturo Caruana għandek issib lill-viljakk, li minkejja kollox ikollu l-qalb tad-deheb. L-għira bejn in-namrati għall-istess xbejba, kienet u għadha, sakemm xi ħadd mill-ġuvintur jilħaq jiżżewwiġha qabel l-ieħor.
Fil-każ ta’ Indrì nsiru nafu li fir-realtà ma kien xejn sajjied iżda raġel nobbli li minħabba dak li għadda minnu, kellu jibdel l-identità tiegħu u miegħu batiet martu u uliedu. Dawn baqgħu sal-aħħar ma jafux min kienu, iżda t-tbatija li għaddew minnha minħabba l-ħbieb taparsi ta’ missierhom, kienet xi ħaġa indeskrivibbli.
Madankollu, minkejja dak kollu li għadda minnu, Indrì baqa’ l-bniedem kalm li jħobb lil familtu u lil ħbiebu u li b’għerfu rnexxielu jressaq il-likk lejn il-boċċa.
8. Awtur ieħor li inti laqqajtna miegħu huwa Paolo Olmi, li jidhirli fl-1854 kien tana r-rumanz Adelaide di Brunswick. Dejjem insemmi d-data biex nuri ż-żmien meta nkitbu dawn il-kotba u x’teżor għandna f’idejna. Dan il-ktieb jitratta dwar kif wara sitwazzjoni xejn sabiħa li kien għaddej minnha Enrico Millord dan iltaqa’ mas-sbejħa Adelaide. X’kien jinvolvi x-xogħol fuq dan il-ktieb, u x’influwenza ħalla fuqek Olmi?
T. Iva Omar, tagħmel sew, għax jien bħalek nifhimha. Dawn il-kotba tant għandhom żmien li nemmen li li kieku ma editjajthomx mill-ġdid, jew kienu jintrifsu għal kollox mal-mogħdija taż-żmien, jittieklu jew jitmermru u ma jaqrahom ħadd iżjed, inkella biex issib xi rumanz tal-faxxikli trid tmur f’xi car boot sale, tħallas mill-inqas €10 għalih u jaf ma jkunx komplut.
L-aħħar rumanz li ħariġli l-BDL, jiġifieri Il-Kappella taċ-Ċimiterju, kien hemm min qal li hu ftit għoli fil-prezz, għax qrib it-€18, iżda meta tara li fih 445 paġna u li jekk issibu sfuljat u nieqes minn sale, jiswielek xi €10, mhux konvenjenti li tieħu l-qadim, bis-susa u bil-paġni neqsin. Apparti dan, minn kif qed nara fuq facebook, Il-Kappella taċ-Ċimiterju qed jingħoġob bis-sħiħ.
9. Charles inti wkoll ġurnalist. Bdejt mal-‘Allied Malta Newspapers’, komplejt għall-‘Ħajja’, naturalment fil-ġurnali ‘In-Nazzjon’ u ‘il-Mument’ u issa qed tikteb b’mod regolari fil-‘Kullħadd’. X’tgħidilna dwar dawn l-esperjenzi ? Nimmaġina li kull waħda anke jekk mhux neċessarjament kienet skaluna ‘l fuq kienet esperjenza differenti li inti dejjem ġarrejt miegħek. Xi jfissru għalik dawn l-esperjenzi?
T. Kull gazzetta li missejt magħha offrietli xogħol u sfidi differenti għax bdejt minn proofreader, għaddejt għad-dipartiment tal-features, kont ġurnalist tal-Qorti; imbagħad, b’aneddotu tat-tbissim u fi prova tal-azzar, spiċċajt maniġer tar-reklami mal-Ħajja meta ħadd ma ried jirriklama mal-gazzetta tal-Knisja, u biex inqassar spiċċajt fil-kariga ta’ Deputat Editur. Naċċertak li għalija, minkejja t-tfixkil li sibt min uħud suppost kollegi tiegħi, f’kull esperjenza ġurnalistika rajt tarġa oħra ta’ suċċess, l-aktar meta ma niktibx fuq politika
10. Ir-radju. Niftakruk għal numru ta’ snin taqra r-rumanzi. U kont ukoll produttur ta’ diversi sensiliet, bħal ‘Mad-Daqq tas-Sirena’; ‘Mis-Swar ’il Ġewwa’; ‘Timbri Maltin’ u oħrajn. Xi jfisser għalik ir-radju?
Ir-radju jagħtini sodisfazzjon kbir u hu l-pulmun ta’ ġismi. Jien insibu ferm aqwa mill-gazzetti u mit-televiżjoni, għax tieħdu miegħek fejn trid u fil-karozza tista’ ssegwih waqt li ssuq jew waqt li tkun wieqaf. Għalija, ir-radju joffri seħer. Mad-Daqq tas-Sirena kien kisibli suċċess kbir, l-istess bħall-programm Xrar Letterarju, fejn intervistajt lill-awturi ewlenin Maltin. Barra minn dan, għamilt snin xandar tal-mejtin u l-qraba u l-kummissjonanti kienu jfittxuni, għax skont huma, kont nagħmel leħen adattat
11. Charles inti wkoll poeta. U safejn naf jien ippubblikajt ukoll hux hekk? Jew tippreferi l-aktar li tikteb bħala serħan tal-qalb?
T. Poeżiji għandi u ġieli ppubblikajt fil-gazzetti wkoll, iżda qatt ma ħsibt li noħroġ ktieb. Dan għar-raġuni li nħoss li l-poeżiji mhumiex apprezzati mill-ħafna. Niftakar li l-ewwel poeżija li ktibt u għadha għandi, tmur lura għall-1964, meta mietet nannti. Dak iż-żmien kelli 13-il sena. Għalhekk tista’ timmaġina x’poeżija hi. Iżda napprezzaha. Apparti minn dan, kull sena nitqabbad nikteb poeżija għal bniedem li ħalla dan il-wied tad-dmugħ, li ma kontx nafu u li llum qisu twaħħad miegħi. Immur għall-quddiesa tiegħu, naqra l-poeżija fil-preżenza ta’ familtu u l-qraba u l-grazzi u l-apprezzament naqrahom fid-dmugħ li jġelbilhom ma’ ħaddejhom.
12. Nirringrazzjak tal-ħin tiegħek imma ma nistax nagħlaq din l-intervista u ma nistaqsikx xi proġetti għandek għall-futur.
T. Fadalli numru sew ta’ rumanzi oħra lesti, jistennew it-turn tagħhom. Ir-rabta ta’ ħbiberija u lealtà mal-BDL ma tħallinix kwiet. Mhux għax minn ktieb illum iddaħħal xi somma tajba ta’ flus, għax riċentement, kulħadd qed jitħajjar jiftaħ il-publishing houses biex inaqqar mill-qligħ ta’ ħaddieħor. Iżda jien nemmen li fuq il-vapur li mbarkajt jien u bl-għajnuna tal-erwieħ tal-kittieba missirijietna, li lilhom nemmen li qed nagħti ġieħ u qed inservi bħala forċina għalihom, it-triq ta’ suċċess hi invinċibbli. Barra minn hekk nirringrazzja wkoll lil ġurnalisti bħalek, li tagħtuni spazju għall-ħidma tiegħi u lill-bosta ħbieb tal-facebook li appena joħroġ ktieb ġdid, jaqrawh f’jumejn u jibagħtu jgħiduli kemm għoġobhom. F’isem Arturo Caruana, Giuseppe Cumbo u Alfredo E. Borg, nirringrazzjakom mill-fond ta’ qalbi għall-appoġġ kontinwu tagħkom.