Ir-raġel stramb: milgħub minn mara

Awtur: Salv Sammut
Pubblikazzjoni: Horizons

Fil-paġna Letterarja ta’ 30 t’Ottubru 2016 kont analizzajt il-ktieb “Fid-Dell tal-Pellikan” ta’ Salv Sammut. Dan il-ktieb fil-fatt kien l-ewwel wieħed ta’ dan l-awtur imma d-Dar tal-Pubblikazzjoni Horizons reġgħu ħarġuh fl-2017.
Salv huwa awtur versatili ħafna u din tinħass ħafna mhux biss fl-istejjer li joħloq u l-varjeta’ ta’ karattri imma wkoll fl-istil letterarju u fil-ġeneru għax fil-fatt l-awtur huwa wkoll poeta. Iżda bejn dawn iż-żewġ kotba, jiġifieri Fid-dell tal-Pellikan u r-Raġel Stramb nara elementi komuni, fis-sens li min għoġbu ktieb għandu żgur jogħġbu dan. Għalkemm irrid nenfasizza li din hija storja kompletament differenti, f’ambjent li jmur lil hinn minn dak Malti u anke sti ta’ kitba differenti. Ix-xebh li nara f’dawn iż-żewġ kotba huwa li minn dak li mhux mistenni tinbet ġrajja … imma din mhux neċessarjament tkun waħda ta’ mħabba. Mela l-qarrej hawn mhux se jsib għallinqas fil-wiċċ xi storja ta’ mħabba li ma tistax isseħħ, imma wara r-raġel u mara tal-istorja hemm imgħoddi mħawwar bi stejjer ta’ mħabba, intimita’ bejn raġel u mara u intriċċi.
Il-karattru prinċipali huwa r-raġel stramb. Għaliex huwa daqshekk stramb? Il-qarrej ser jirrabja bil-mod kif kellem lit-tfajla li talbitu l-għajnuna u jibqa’ sorpriż għall-aġir tieqgħu quddiem din it-tfajla. Mhux talli ma ħarisx lejha bħala stedina imma beda jara kif jagħmel biex ifittex jeħles minnha. Iżda din it-tfajla mhijiex sa ċerta punt l-aktar karattru prinċipali, minbarra ovjament ir-raġel stramb. Waqtiet l-istorja tfakkrek fil-kaxxi ċiniżi b’paralelliżmu mal-imgħoddi li wara l-qarrej jibda jifhem għaliex ir-raġel kien daqshekk stramb u beżgħan li qatt ma jerġa’ jsir. Ix-xebh bejn l-imgħoddu u l-preżent huwa kbir imma wkoll ifakkrek fil-qawl li l-kelb il-mismut kull ilma jibda jaħsbu misħun.
Il-karattru prinċipali huwa ħadd ħlief, il-professur tal-mużika Fyodor Kamarovsky (ir-raġel stramb), komunist Pollakk konvint li effetivament jiltaqa’ ma’ tfajla kattolika u bħalu konvinta. L-opposti f’dan ir-rumanz huma tabilħaqq evidenti. Għadna karattri opposti minn xulxin. L-istil ta’ Sammut mhux biss huwa wieħed realistiku ħafna, imma wkoll jitbiegħed minn dak li l-qarrej ikun qed jistenna u joħroġ b’xi sorpriża. Fil-bidu wieħed ser jistenna li r-raġel stramb ser ikun milgħub mit-tfajla li tmur “tiffittah” u titolbu l-għajnuna. Imbagħad fil-qari tad-djarju wieħed forsi jistenna li kien daħal f’xi saram minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ tfajla kattolika f’pajjiż komunista. Imma le… ikun hemm ħafna u ħafna x’nistennew. Ir-rumanz jitbiegħed minn sensazzjonaliżmu bla bażi. Għakemm mingħajr ma nagħti ħjiel tal-istorja, lejn l-aħħar naraw li din ir-relazzjoni ma’ tfajla kattolika żgur ma kinetx tidher daqstant sabiħa f’għajnejn l-awtoritajiet.
Il-laqgħa tiegħu ma’ dik li ntroduċiet ruħha bħala Berta Abramowicz (wara fil-fatt insiru nafu l-identita’ vera tagħha) bidlitlu ħajtu. Din it-tfajla xtaqet lezzjonijiet tal-mużika, propju fl-appartament tagħha. Iżda din il-laqgħa li spiċċat f’avventura mhux mitluba jew forsi mixtieqa, kellha tieħu żvolta kompletament differenti. Ninnutaw li fl-istorja tal-preżent, it-tfajla wkoll tistaqsih tkun trid titħaddet miegħu dwar il-mużika meta semgħetu jdoqq il-vjolinċell. Huwa fl-aħħar tal-ktieb li nifhmu l-attitudini ostili ta’ dan ir-raġel.
Sammut iżewweġ l-imgħoddi mal-preżent b’mod tassew tajjeb u jgħaddi minn waħda għall-oħra mingħajr ħotob, grazzi għad-djaru li Kamarovsky dejjem kien iżomm. I-żewġ stejjer, dik tal-imgħoddi u l-ġrajja tal-preżent jimxu flimkien b’mod tant tajjeb u fl-aħħar bħal jingħaqdu flimkien. Id-deskrizzjoni tal-Polonja komunista hija waħda ta’ min ifaħħarha. Hemm esperjenza kulturali meta taqra dan il-ktieb, mill-mod kif jintroduċu lil xulxin bħala kumpann, mill-mużika klassika li kienet mogħtija importanza mmens, u mill-banda l-oħra naraw ukoll l-użu tal-isptarijiet mentali bħala ħabsijiet għal persuni li b’xi mod jiżgarraw.
Li jolqotni f’dan il-ktieb, bħal “Fid-dell tal-Pellikan” huwa kif toħroġ qawwija s-senswalita’, d-deskrizzjonijiet u fl-istess ħin Sammut qatt ma’ jaqa’ fil-vulgarita’ jew fil-populiżmu. Kollox huwa mqiegħed f’postu u f’dan il-lat iħabbatha mal-klassiċi Ingliżi li kissru l-ħitan taċ-ċensura bil-qawwa tal-pinna.
Il-ktieb iżommok taħt tensjoni, u donnu qatt ma jiġri dak li tkun qed tistenna. Waqtiet iġiblek emozzjonijiet ta’ rabja, oħrajn ta’ ħasra u mbagħad hemm is-serħan għall-qarrej bil-mumenti ħelwin ta’ mħabba, u oħrajn aktar intimi.
L-għarfien ta’ pajjiż komunista jagħti preġju lil dan ir-rumanz. Imma fil-fehma tiegħi il-qofol huwa l-bniedem u dan huwa niddeskrivih bħala rumanz soċjo-psikoloġiku fejn naraw kif is-soċjeta’ tibni u t-tkisser il-bniedem, u kif ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jafu jieħdu xejriet differenti. Ninnutaw ukoll l-aspett tal-bniedem li b’xi mod ikollu jikkonforma fi strutturi soċjali differenti.
Nirrakommanda dan ir-rumanz, li jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mingħand horizons.com.mt.

(Paġna Letterarja 4 ta’ Frar 2018) — with Salv Sammut.

Leave a Comment