Awturi: Fiona Vella; Oliver Gatt
Pubblikazzjoni: BDL
Min jgħid li wieħed għandu jżur Malta biss għax-xemx u l-baħar? It-turiżmu sar wieħed divers u nħolqu diversi niċeċ ta’ turiżmu differenti. Ġaladarba nafu li l-bniedem jaffaxxina ruħu b’dak li huwa stramb, jaqra kotba tal-waħx, u jfittex films mimlija tensjoni u biża’, ma niskantawx li ċerta postijiet b’element mhux tas-soltu jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Meta s-safar qed isir bil-bosta aktar frekewenti wieħed ifittex aktar attrazzjonijiet li huma differenti u mhux tas-soltu. Dawn l-attrazzjonijiet ivarjaw minn arkittetura stramba, għal drawwiet strambi, għal postijiet naturali u oħrajn fejn hemm l-intervent tal-bniedem fuq dak naturali. M’inix se nsemmi lista ta’ postijiet barra minn xtutna għax żgur ma nispiċċa qatt, imma żgur ukoll li ġo dan iċ-ċokon ta’ pajjiż forsi ftit jintebhu kemm hemm postijiet li jħalluk affaxxinat u xi drabi ftit sorpriż ukoll
Il-ktieb ta’ Vella u Gatt għalhekk mhuwiex maħsub biss għat-turist. Ser jolqtu l-kurżita’ tagħna wkoll kemm jekk rajna dawn il-postijiet u rridu aktar tagħrif u kemm jekk ma rajnihomx. Nazzarda ngħid li waqt li forsi l-attenzjoni tagħna l-ewwel tmur fuq dawk il-postijiet li diġa nafu, l-element misterjuż jibqa’ l-aktar li forsi jqanqal il-kurżita’ tagħna. Il-misteru huwa parti mill-istess attrazzjoni ta’ xi wħud mill-postijiet. Għaldaqstant waqt li l-ktieb jitlaq mit-tieqa ta’ dwejra li wara li din iġġarfet b’mod naturali wħud innutaw dak il-famuż wiċċ (p.13), imma nsibu wkoll id-dar unika f’Ħal Għaxaq (p.131) u fi gżiritna li għandha l-faċċata u l-ġenb tagħha b’disinji elaborati li saru bl-użu tal-bebbux u qxur oħrajn tal-baħar.
Irrid ngħid li anke dawk il-postijiet illi diġa nafu, f’dan il-ktieb ser insibu informazzjoni illi ma nafux. Insemmi fost oħrajn żewġt idjar privati f’Ħaż-Żabbar (p.65), it-tnejn magħrufa għat-torrijiet tagħhom u waħda minnhom ukoll għan-niċċa ta’ Lourdes fil-faċċata. Barra minn hekk xi drabi naraw ritratti sbieħ tal-post minn ġewwa bħal fil-każ tat-torri ta’ Xlejli (p.23) jew kif inhu magħruf ukoll bħala ta’ Bettina fil-Gudja. Bosta jafu wkoll il-palazz tal-Marquis fil-Madliena (p.141).
Id-destinazzjonijiet strambi huma parti minn kultura ta’ poplu. Mhumiex sempliċiment binjiet. Bosta drabi jkunu magħġuna fid-drawwiet, reliġjon jew superstizzjoni tal-poplu. Il-mumifikazzjoni ċertament issib postha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dark tourism u ċertament li l-kripta tal-Kapuċċini fil-Furjana (p.41) hija post interessanti immens
Xorta jibqa’ l-fatt li ma’ numru ta’ postijiet hemm element ta’ misteru. Ma nkunux nafu x’wassal eżatt biex sar li nistgħu naraw illum. Waħda mill-għajdut li nsibu fl-ewropa ddur madwar iċ-ċintorin tal-kastita’ li nsibu fil-Musée de Cluny f’Pariġi fost oħrajn. Iżda forsi ftit jafu li dan nistgħu narawh f’pajjiżna propju f’Palazzo Falson l-Imdina (p.15) u bħal fil-każ ta’ pajjiżi barranin ma nafux jekk qatt intuża jew jekk id-drawwiet tagħna ppermettewx dik il-krudelta’. Mill-banda l-oħra kif jiġri f’xi pajjiżi barranin fejn iċ-ċensura u l-moralita’ jiddominaw u jikkontrollaw il-ħajja tan-nies, ifaqqsu niċeċ underground li jagħtu nifs minn dak li s-soċjeta’ tkun qed toħnoq. Huwa sigriet magħruf il-films li kienu jintwerew fiċ-ċinema City Lights (p.97).
L-akbar telfa huma dawk il-postijiet li tlifna u hawnhekk dan il-ktieb qed iġedded il-memorja ta’ bosta waqt li oħrajn iħallihom ħalqhom miftuħ. Illum biex wieħed jara kappella tal-għadam forsi jrid iżur xi pajjiż barrani bħal Portugal. Iżda llum ngħid ħasra kbira li f’pajjiżna kellna kappella tal-għadam (tan-nibbia) li keinet tinsab biswit dik li llum hija Dar Mediterran. Aktar tagħrif u ritratti dwar din il-kappella f’dan il-ktieb (p.91). Aktar riċenti iżda żgur li ħafna jiftakru is-Super Constellation Bar and Snack Bark (p.105) li prattikament kien ajruplan li nqabad Malta fl-1968 wara li kien qed iġorr merkanzija illegali.
Inisbu wkoll fatti storiċi li qajla smajna dwarhom. Insibu fost oħrajn dwar il-każ ta’ 100 tifel u tifla li spċċaw mgħaffġa fil-karnival wara attivita’ li ironokament kellha tħarishom (p.71).
Dawk li għandhom għal qalbhom in-natura jaffaxxinaw ruħhom bl-għerien fi gżiritna u nistqarr li jien personali qatt ma smajt bl-għar ta’ Ħarq Ħammiem (p.53) li jinsab f’żona hekk turistika. Wisq aktar ma kontx naf bil-periklu li jista’ jkun hemm jekk din iż-żona tinbena bħala parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni ta’ Paceville.
Il-valur ta’ dan il-ktieb għalhekk mhux sempliċiment li jagħmel ġabra ta’ postijiet imma li jagħmilna konxji mill-importanza tagħhom u mill-bżonn li nibqgħu inħarsuhom sabiex jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Nemmen li dan il-ktieb għandu jmur tajjeb mat-turisti imma nazzarda ngħid li għandu jsib postu f’kull xkaffa ta’ kull Malti li għandu għal qalbu pajjiżna u jixtieq ikun jaf aktar dwarha. Huwa ktieb mimli kurżitajiet, tagħrif u fuq kollox postijiet strambi. Dan kollu huwa mwassal bi preżentazzjoni mill-aqwa u jikkumplimentaw it-tagħrif insibu ritratti mill-isbaħ bil-kulur.
Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin u mis-sit elettroniku https://bdlbooks.com/
Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 ta’ Lulju 2018