Awtriċi: Audrey Ferriggi
Pubblikazzjoni Horizons.
Il-ħila tal-awturi hija li joħolqu sitwazzjoni tixbah ħafna lill-ħajja reali. Permezz ta’ din is-sitwazzjoni waqt li jinqatgħu mill-ħtieġa li ssir riċerka bħal fil-każ ta’ awturi akkademiċi, joħolqulna ambjent ta’ diskussjoni, li nixtarru u li naħsbu. Aktar minn hekk iżda l-awturi jistgħu jidħlu fis-sitwazzjoni, u jifhmu lill-istess karattri fittizji li jkunu ħolqu huma stess. Dan huwa dak li tagħmel Audrey Friggieri f’dan il-ktieb “L-istorja li rrakuntat Nina”. Min hija din il-mara, kalma fuq l-ajruplan, li quddiem għajnejna narawha mara normali imma warajha hemm storja.
Irrid nagħmilha ċara li fil-fehma tiegħi dan il-ktieb huwa esklussivament għall-kbar. Nissuġġerixxi li dawn it-tip ta’ kotba għandu jkollhom indikat aktar ċar li huma għall-adulti. Jirrakonta dwar l-imħabba li sabet il-karattru prinċipali, Nina, barra miż-żwieġ. I-żwieġ huwa istituzzjoni soċjali li lil hinn mir-retorika ta’ żwieġ ibbażat fuq l-imħabba jipprovdi wkoll qafas soċjali kruċjali għas-soċjeta’ u wkoll jagħti ħarsien u identita’ lil membri. Nina daħlet għal dan iż-żwieġ ma’ Marin għax iċ-ċirkostanzi ġarrewha lejn dan il-pass li wara snin ma beda jfisser xejn għajr monotonija u apatija ħlief għall-ġlied bejniethom fosthom minħabba t-tfal. F’Martin rat sens ta’ ħarba mill-imgħoddi tagħha, tama ġdida, ġejjieni ġdid.
Quddiem din is-sitwazzjoni jidħol f’ħajjitha Alex kollega fuq ix-xogħol li tfittex okkażjonijiet biex tkun miegħu. Alex huwa miżżewweġ ukoll iżda kif jgħidilha, ż-żwieġ tiegħu kien għall-konvenjenza u biex ikun bħal ħaddieħor.
L-awtriċi ma tagħmilx ġudizzju fir-rakkont tagħha. Madankollu dan il-ktieb huwa kollu mill-perspettiva ta’ Nina – ir-rakkont huwa ta’ Nina u għaldaqstant mhuwiex newtrali. Jista’ jgħinna imma nifhmu dak li tħoss mara, għalkemm f’ċirkostanzi oħra jista’ jkun raġel. Jgħinna nifhmu il-għaliex persuna għamlet dan il-pass.
Is-sens ta’ ħarba mir-realta’ narawh f’diversi sitwazzjonijiet oħrajn matul ir-rumanz. Qabel xejn l-istorja kollha hija dak li beda għaddej minn moħħ Nina waqt li kienet fuq l-ajruplan. U allura għandna s-sens ta’ safar li għalkemm kien hemm għan għalih, sabiex tistudja, xorta hemm l-idea li qed tinqata’ minn dak li kienet qed tagħmel. Qed tinqata’ mir-rutina. L-avventura ċentrali hija r-relazzjoni ma’ Alex. Anke l-postijiet nsibu varjeta’ mill-ftuħ tal-Baħrija sa postijiet magħluqa li jistimulaw il-fantażija.
Dan huwa ktieb li jirrifletti s-soċjeta’ tal-lum li għalkemm toffri opportunitajiet toffri bosta sfidi. Il-komunikazzjoni permezz tal-facebook li permezz tiegħu għażlet li tafda persuna huwa wieħed minnhom; għalkemm fir-rumanz stess naraw li ma kinetx it-teknoloġija waħidha li wasslitha għal dan il-pass imma kien hemm raġunijiet oħrajn.
Dan huwa ktieb li taqrah u tidħol fl-istorja. Il-qarrej kważi jħoss l-istess emozzjonijiet għax id-deskrizzjonijiet ta’ din l-awtriċi huma vera tajbin. Friggieri diġa kisbet suċċess bil-ktieb “L-iskjav ta’ Isabel” u ngħid li dawk kollha li qraw dan il-ktieb, żgur li mhux ser jiddiżappunthom “l-istorja li rrakuntat Nina”.
Paġna Letterarja, 8 t’Ottubru 2017 — with Audrey Friggieri.