Anton Grasso

40 sena ta’ waħx u aktar 

L-ewwel ktieb ta’ Anton Grasso kien “Iljieli bla qamar” li ħareġ fl-1974, ktieb li għandi x-xorti għandi kopja tiegħu bil-kopertina tal-ewwel edizzjoni.   Dan il-ktieb tista’ tgħid bexxaq il-purtiera tal-misteru f’pajjiżna  Tant huma mfittxija l-kotba ta’ Grasso li erġajna rajna edizzjonijiet ġodda ta’ Iljieli bla qamar u Mejt fost oħrajn.  Ta’ min ngħidu li Mejt ħareġ aktar minn 30 sena ilu.  

Diffili tagħżel xi stil iħaddan Anton Grasso speċjalment f’karriera letterarja ta’ aktar minn erbgħin sena. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li Grasso ma jiktibx biss kotba tal-biża’, u naturalment huwa wkoll kellu l-impjieg tiegħu fil-qasam tax-xandir.  F’xi xogħoljiet tiegħu joħorġu wkoll kif iħallat l-istili differenti; ngħidu aħna fin-novella In-Nota ninnutaw saħansitra l-komiku u l-parodiku li jżewwiġhom mal-makabru. 

Il-versitalita’ ta’ Grasso ma toħroġx biss mill-istili letterarji iżda anke ġeneri letterarji.  Fil-fatt f’dan il-ktieb insibu ġabra ta’ novelli p. 81-331 u ġabra ta’ poeżii p.345-398.  Imma Grasso matul il-karriera brillanti tiegħu offrielna dik ix-xi ħaġa iżjed: il-multimodalita’ u mezzi differenti kif iwasslilna l-esperjenza tal-waħx.   Fil-fatt fis-sebgħinijiet kien magħruf għas-serje televiżiva Stejjer tal-waħx għalkemm dawk li huma ta’ mpari aktar nifrakruh bis-sensiela televiżiva tad-disgħinijiet Enigma (ritratti p.409).  Il-kittieba u preżentatriċi tgħid: “…meta kont ninzerta lil Anton jaqra xi storja ‘tal-waħx’ u b’leħnu kważi melliesi jlissen dak l-orrur, kont nitkexkex u nitwaħħax” (p.63).  Grasso huwa ortatur tajjeb u leħnu jibqa’ jidwi f’moħħna.  Madankollu anke jekk hawn xi ħadd li qatt ma sema’ lil Anton Grasso, il-kitba tiegħu iħalli dan l-effett u fi kliem il-lekċerer u kartunista Dr Gorg Mallia, “Anton kien jaf joħloq pont mal-qarrej tiegħu, ideffsu fil-qalb tad-dlam u jgħoddsu f’emozzjonijiet bla kontroll.  

Interessanti wkoll kemm dan il-qasam tal-istramb, tal-makabru huwa mfittex u tant popolari u wieħed jistaqsi wkoll għaliex wieħed jibża’.  Għalhekk naħseb il-mistoqsija fundamentali ta’ min jipprova jbeżża’ hija x’inhuma dawk l-elementi li jsawru stejjer tal-waħx?  F’dan il-ħsieb qasir tiegħi ppruvajt nagħżel dawn l-elementi u nislet ftit eżempji anke minn dan il-ktieb li għandna quddiemna.  Huwa għalhekk ukoll li waqt li konxju tal-fatt li Anton Grasso ma kitibx biss stejjer tal-biża’, imma minħabba l-fatt li dan huwa l-aktar qasam marbut miegħu l-qafast tal-ħsieb tiegħi hawnhekk sawwartu ma’ dan il-fatt.   Ppruvajt kemm stajt ma ntellifx il-gost tal-qari billi nirrakonta l-istorja iżda ma stajtx irrażżan lili nnifsi milli nikkwota b’mod dirett minn dan il-ktieb għax ma nistax ninterpreta fi kliemi bl-istess mod, u l-istess effett li jħalli fuqna daqs kif iwassalha l-awtur innifsu.  

L-atmosfera biex wieħed jibża’ 

Grasso jinqeda bil-ħakma tajba li għandu tal-ilsien Malti u jagħtina diversi deskrizzjonijiet li minnhom infushom diġa jwaħħxuk.  U l-qofol tal-istorja jkun għadu ma ntlaħaqx.  Jinqeda eżempju bil-lejl.

“Imbagħad jidħol il-lejl.  Kien jitkaxkar fuqi bħal liżar bla ma jkenninni.  Fid-dlam il-kamra kienet tieħu dehra tal-biża” (p.252).  

Esperjenzi mhux tas-soltu jew intriċċi li wieħed ma jistax jispjega.   Hemm il-biżgħat normali u l-mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja.  Il-mewt ngħidu aħna.  “Il-mewt m’għandhiex tbiddel is-sistema tal-ħajja” (p.281) naturalment hawn qiegħda f’kuntest tat-tweġiba nisranija għall-mewt, għaliex “il-mewt kerha”.    Barra l-biża’ mill-mewt hemm il-biża’ mid-dnub (p.151), mid-dipressjoni (p.157, 246), biża’ mit-tbatija,  anke jekk dawn huma sekondar         ji. Joħloq atmosfera permezz tal-ksieħ, xita, u dlam (p.84).   

Ma jistax jonqos li f’xi novelli nsibu element ta’ makabru (eżempju p.246).  Minħabba ċerta deskrizzjonijiet grafiċi nippreferi li ma ninkludihomx f’din il-paġna.   Għandna wkoll id-dehra grafika u disturbanti ta’ Kristu wiċċu mimli demm nieżel l-għolja (p.149).  

Fin-novelli nsibu antiċipazzjoni għall-biża’.  Joħloq stennija, esklamazzjonijiet, espressjonijiet.  Xi kultant din l-antiċipazzjoni tkun aktar fit-tul sabiex jaħsdek fit-tmiem(eżempju Is-seba’ vittma).  F’dan il-każ l-istorja tieħu x-xorta ta’ thriller. 

Fi Grasso naraw il-katavru jinżel fil-qabar għax “post katavru mhux ħlief il-qabar” (p.281).  

Stramb u surreali 

Fost l-ingredjenti li ninnota hemm dak li hu stramb u surreali. .  Niltaqgħu ma’ tfajla eżempju li tara tfajla oħra tixbaħha qisha qed tara rifless tagħha (p.86).  Dawn id-deskrizzjonijiet żgħar anke jekk ma jkunux kruċjali ikomplu jdaħħluna fl-atmosfera li semmejt qabel.  

Fi Trinu l-iswed naraw l-istatwa li f’moħħ it-tifel qed ikellmu u r-realtà kiefra titħallat mas-surreali.  Iżda wara kollox din kienet statwa tal-ġibs li meta nħasad spiċċat frak mal-art.  

Naraw ukoll il-kuntrasti:  il-waħx u l-komiku,  realtà u fantasija, il-ħajja u d-dramm, ix-xewqat u l-beżgħat.  

 

Dak li ma tkunx qed tistenna 

Il-mod kif ipoġġi s-sentenza Anton Grasso u kif jibni u joħloq argument, idaħħlek f’sitwazzjoni li ma tkunx qed tistenna.  Id-dar sabiex nies imdejqa jmutu hienja hija d-dar fejn tieħu  gost tmut.   “Jekk tieqaf taħseb ftit, tinsa l-ikel, ix-xorb u d-divertiment li ssib hawn ġew tinduna li taħt din il-maskra ta’ hena artifiċjali hemm il-mewt” (p.77).  

Mill-banda l-oħra fl-aħħar storja li għandna, “Ir-Raġel ta’ Novembru” għandna żagħżugħ li 

ommu qatlet lil missieru.  Din ġabet rabja fih tant li jispiċċa joqtol it-tfajliet.  Anke l-affarijiet sempliċi ta’ kuljum iqanqlu fina ċerta biża’: “Il-lejl kien jidħol fuqi bħal barrani mhux magħruf bla mixtieq u mistenni” (p.252)  

Iżda mhux dejjem il-lejl ikun li jbeżża.  Xi kultant anke d-dawl u d-dehra ta’ xi ħadd bla mistenni. 

“F’daqqa waħda ħasset paniku li ma setgħetx trażżnu.  Qalbha qisha waqfet waqt li baqgħet tmexxi jdejha ‘l fuq u ‘l isfel.  B’rogħda ma ġisimha kollu, idejha waqfu madwar ħadida spunata ‘l barra  Is-salott iddawwal f’daqqa”  (p.238). 

Anton Grasso:  Il-profondita’ tal-bniedem

Waqt li ma jnaqqsu xejn mill-immaġinazzjoni u l-istħajjil forsi bla ma jrid fil-poeżiji naraw aktar l-umanita’ ta’ Grasso.  Fil-poeżiji joħroġ aktar il-fatt li wara l-makabru, wara l-iswed hemm is-sabiħ u l-pożittiv.  Naturalment meta wieħed janalizza b’ċerta reqqa n-novelli wieħed jista’ jislet l-imħabba li għandu l-awtur għall-umanita’.  Fil-poeżija iżda toħroġ il-ħlewwa wkoll anke fil-kelma.  U dan minkejja l-fatt li l-poeżija mhux nieqsa mill-elementi li jsawru lil Grasso u li huma attribwiti għalih, jiġifieri dak li hu oskur u l-misteru.  

Il-fidi tal-poeta fil-ħallieq narawha f’Talba (p.367) li fil-fehma tiegħi l-aktar li fiha juri sengħa poetika u għażla tajba tal-metafora:

“Mulej, 
hekk kif jitbexxaq l-għabex 
mal-ewwel titwiba tad-dellijiet
jilagħbu minn wara l-purtiera 
iħabbru l-wasla ta’ jum ġdid” 

Xogħol rappreżentattiv u konklużjonijiet

Bla dubju ta’ xejn dawk li għandhom numru ta’ kotba ta’ Grasso fil-librerija personali tagħhom ser iżidu dan il-ktieb sabiħ dwar dan l-awtur.  Dawk li m’għandhomx kotba ta’ Grasso għallinqas għandu jkollhom dan il-ktieb.  L-istejjer u l-poeżiji ta’ Anton Grasso huma magħżula minn Joe Cassar.

L-ewwel parti tal-ktieb tikkonsisti fi ħsibijiet dwar Anton Grasso minn Doris Azzopardi, Charles Briffa, Norbert Ellul-Vincenti, Charles Flores, Ġorg Mallia, Marica Mizzi, Ġorġ Peresso, Mariella Pisani Bencini, Patrick Sammut u Carmel Scicluna.  Wara għażla tajba ta’ novelli u poeżiji minn Joe Cassar, il-ktieb jispiċa b’għażla ta’ ritratti minn Annette Apap, it-tfajla  li qattgħet (jew ħliet) aktar min-nofs ħajjitha miegħu,  uħud minnhom ippubblikati għall-ewwel darba.   

Anton Grasso 40 sena ta’ waħx … u aktar huwa ktieb ta’ 425 paġna u b’qoxra iebsa.  Il-pubblikaturi ta’ dan il-ktieb evidentament għarfu l-importanza ta’ dan l-awtur li ppublika 52 ktieb.  Il-qarrej ser isib f’idejh ktieb li jixraq, ktieb li tieħu pjaċir iżżomm u naturalment titpaxxa bil-kitba ta’ Anton Grasso.  

Jiena Malala

Kitba ta’ Malala Yousafzai bi traduzzjoni ta’ Godwin Ellul

Pubblikazzjoni:  Faraxa flimkien b’kollaborazzjoni ta’ L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u RSM MT.

Jekk hemm ktieb li xtaqt nitkelem dwaru fil-bidu ta’ sena ġdida; jekk hemm messaġġ li xtaqt inwasslilkom għal din is-sena li ġejja, huwa propju dak ta’ Malala.  Min hija Malala Yousafzai?  Is-sotto-titolu tal-ktieb jgħidilna mal-ewwel li hija “It-tifla li tkelmet favur l-edukazzjoni u sparawlha t-taliban”.  

Persważ li ftit huma dawk li ma semgħux b’din it-tifla li l-Prim Ministru tal-Pakistan Shahid Khaqan Abbasi sejħilha l-aktar persuna prominenti f’pajjiżha.  Fil-bidu tat-traduzzjoni bil-Malti naqraw numru ta’ tifħir dwar dan il-ktieb minn bosta ġurnali ewlenin fosthom Time, The Guardian, Financial Times u bosta oħrajn.  Naqraw ukoll li Malala hija:

“Rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi,

Imsemmija waħda mis-16-il persuna taħt l-għoxrin l-aktar influwenti tas-sena minn Time

Magħżula minn People bħala Hero of the Year

Rebbieħa tal-Ktieb Mhux Fittizju tas-Sena fil-British National Book Awards.”

Il-ktieb jibda f’Birmingham l-Ingilterra imma huwa ambjentat fi Swat fil-Pakistan.   Kif jagħtina x’nifhmu mal-ewwel is-sotto-titolu tal-ktieb hawnhekk ser insibu storja mqanqla.  

It-temi ser nislithom mit-taħdita li saret waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb dak in-nhar tal-Festival tal-Ktieb li fiha ddiskutu Dr Josianne Cutajar,  l-Prof Anthony Aquilina u l-Prof Carmel Borg. 

Sabiex ikun faċli għalina biex nifhmu xi termini f’dan il-ktieb li mhux familjari magħhom, fosthom dawk politiċi u reliġjużi, l-ktieb għandu Glossarju (p.303) u anke dwar ġrajjiet importanti fil-Pakistan (p.307).   Il-ktieb jinkludi wkoll numru ta’ ritratti sbieħ bil-kulur   

L-importanza tal-edukazzjoni 

L-ewwel ħsieb li jiġik meta taqra dan il-ktieb huwa kemm il-ħsieb ta’ tagħlim b’xejn għal kulħadd huwa ‘l bogħod mir-realta’;  kemm il-ħsieb li kull mara tista’ titgħallem huwa ‘l bogħod mir-realta’.  

Naqraw dwar il-Mufti li kien ipprova jagħlaq l-iskola tagħhom (p.86).  L-ewwel kien pprova jikkanċella l-kera tal-post imma meta ma rnexxilux insista li kien qed jirrapreżenta Musulmani tajbin li jaħsbu li l-iskola tal-bniet tiegħu kienet “haram u dagħwa” u għalhekk kellu jagħlaqha għax il-bniet mhux suppost imorru skola (p.90).   Minkejja li dan il-pjan ma rnexxiex, it-Talibani komplew jagħlqu mijiet ta’ skejjel. 

F’intervista li kient tat bl-Urdu tal-BBC, Malala bil-kuraġġ kollu staqsiet:   “X’wiċċ għandhom it-Taliban jiħduli d-dritt bażiku tiegħi għall-edukazzjoni?” (p.138).   

Fit-taħdita tat-tnedija ta’ dan il-ktieb il-Professur Carmel Borg xebbah il-kunċett ta’ liberazzjoni mal-pedagoġija tal-liberazzjoni ta’ Paolo Freire għaliex tabilħaqq hawn ukoll naraw l-edukazzjoni bħala ċavetta għal moħħ kritiku.  Mhux biżżejjed l-edukazzjoni, mhux l-edukazzjoni tat-taliban, imma l-edukazzjoni li twassal biex wieħed jara l-affarijiet b’mod aktar oġġettiv. 

Tifla ordinarja li għamlet affarijiet straordinarji 

Il-kobor ta’ Malala hija li hija tifla ordinarja li għamlet affarijiet straordinarji.  Il-ħolma tagħha hija propja din li kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa.  Jekk ħadd ma jitkellem kollox jibqa’ kif inhu.   Anke qabel it-taliban, meta twieldet in-nies tar-raħal ġiethom ħniena minn ommha u ħadd ma feraħ lil missierha għax twieldet tifla (p.11).   Minbarra dan l”iżvantaġġ” tal-ġeneru Malala ma twelditx fil-lussu jew minn xi familja speċjali.  Fit-tnedija ta’ dan il-ktieb ġie nnutat li d-differenza kbira li tagħmel il-familja hija l-istabbilità u li jkunu aħjar.  Tawha dak li hu bażiku 

Bħal missierha hija dejjem kienet toħlom f’soċjeta’ aktar ġusta u kienet timmaġina x’tagħmel waqt li tkun sejra lura d-dar.  Kieku tattakkah lura tkun qed tagħmel l-istesss bħat-terrorista.  Allura kienet tistħajjel titolbu b’ħerqa kbira:

“Kollox sew, sparali, imma l-ewwel ismagħni.  .. 

Kulma rrid huwa biss li kull  tifla tmur l-iskola” (p.4)  

Waqt li llum fis-soċjeta’ tagħna qed ingawdu minn dan id-dritt ta’ kull tifla, ta’ kull mara, ma jfissirx li m’għandniex inkomplu noħolmu.  F’dinja fejn il-kapitaliżmu bħal patrijarkiżmu saru eġemoniċi, ‘jinsterqilna’ d-dritt li noħolmu f’dinja aħjar f’dinja differenti u mhux esplojtattiva. 

Lil hinn mill-fruntieri u reliġjon 

Malala trawmet f’dinja Iżlamika u taf sew il-Quran, il-ktieb Qaddis tal-Islam u tirringrazja l’Allah bosta drabi fost oħrajn anke lejn l-aħħar ta’ dan il-ktieb.  Hija Musulmana konvinta u l-konvinzjoni ġejja anke mill-ħsieb ħieles tagħha li tistaqsi u mhux tassorbi biss dak li ppruvaw ibellgħulha.  

Meta l-kittieb Salman Rushdie ħareġ il-ktieb kontroversjali The Satanic Vereses li kien parodija tal-ħajja tal-Profeta Muhammed (is-sliem għalih), missierha kien saħaq li l-Islam mhuwiex daqshekk dgħajjef li ma kienx sejjer jittollera ktieb kontrih .  “Mhux l-Iżlam tiegħi!” (p.44)

Meta qatlu lill-Prim Ministru Benazir Bhutto, kient ixxukjata mhux ftit meta l-għalliema tal-Istudji Iżlamiċi qalilha “Tgħidx kemm għamlu sewwa li qatluha.  Meta kient ħajja ma kienet tiswa għal xejn.  Ma kinitx issegwi l-Iżlam kif suppost.”  Hawnhekk naraw kif missierha ssuġġerielha “Tgħallem biss dak li jgħid Alla.  Kliemu huwa messaġġ divin, li inti ħielsa u indipendenti fil-mod kif tinterprethom” (p.130).  

Dan irridu narawh fid-dawl tal-interpretazzjonijiet ħżiena mill-Mullahs u napprezzaw is-sens kritiku kemm ta’ Malala kif ukoll ta’ missierha.  Nifhmu wkoll li sitwazzjonijiet simili eżistew fil-Kattoliċiżmu u għalhekk wieħed ifaħħar fost oħrajn diversi iniżjattiva fejn it-tagħlim tal-Bibbja sar aktar aċċessibli u magħhom naturalment l-evoluzzjoni soċjo-politika li għaddew minnha bosta pajjiżi Ewropej.  

Konklużjoni u relevanza għal pajjiżna

Il-fatt li l-istorja titlaq minn Birmingham u tmur lura bħal vjaġġ fi Swat fil-Pakistan tfakkrek li l-valuri li għandna dan il-ktieb mhumiex marbuta ma’ pajiż jew post imma huma universali.   L-istorja ovvjament għandha kuntest u rridu nifhmu kollox f’dan id-dawl, pero l-prinċipji ta’ Malala mhumiex relevanti biss f’dak il-kuntest partikolari.    Kif sostna l-Professur Carmel Borg fit-taħdita tat-tnedija “hija storja wkoll lokali” u relevanti anke għalina.  Il-ġlieda ta Malala hija għalina wkoll.  Mhux xi messaġġ imbiegħed.  

Irridu qabel xejn ngħożżu dak li ksibna fosthom il-prinċipji demokratiċi taħgna.  Irridu nibqgħu noħolmu f’soċjeta’ aktar ġusta.  Irridu nitkellmu għal dawk li m’għandhomx vuċi.  Is-skiet itarrax quddiem anke l-karba tal-Immigranti.  

Nagħlaq bil-poeżja ta’ Martin Niemőller li kien għex fil-Ġermanja Nazista (meħuda mill-ktieb p.136): 

L-ewwel għall-komunisti, 

U ma tkellimx għax ma kontx Komunist.

Imbagħad ġew għas-Soċjalisti

U ma tkellimtx għax ma kontx Soċjalist.

Imbagħad ġew għat-Trejdjunjonisti,

U ma tkellimtx għax ma kontx Trejdjunjonist.

Imbagħad ġew għal-Lhud, 

u ma tkellimx għax ma kontx Lhudi. 

Imbagħad ġew għall-Kattoliċi, 

U ma tkellimtx għax ma kontx Kattoliku. 

Imbagħad ġew għalija, 

U ma kien fadal ħadd min jitkellem għalija. 

L-Awtobijografija ta’ Mintoff: Intervista esklussiva ma’ Dr Yana Mintoff Bland

Dwar il-Perit Duminku Mintoff nibtu bosta miti.  Min idemonizzah u min idolizzah u ċertament li hekk ser jibqa’ jsir.  Pero aktar ma jgħaddi żmien aktar jinbet ukoll l-interess ġenwinli jrid ifittex aktar fil-profond dwar dan l-istatista kbir.   M’hemm ebda mod aħjar kif nistgħu nifhmu aktar il-formazzjoni tas-soċjaliżmu f’Malta, il-bidu tal-ġustizzja soċjali, u l-ġlieda li kellha tagħmel Malta fil-ħsieb tal-Perit Mintoff, milli milli nisimgħu minn fommu.   Il-bastjun esperjenza l-faqar, fl-Ingilterra esperjenza l-pajjiż kolonjali.  Imma f’Malta kien għad hemm il-ħtieġa li nibnu l-istrutturi meħtieġa.  Imbagħad hemm ir-rwol tal-Knisja wkoll f’Malta, li n-nuqqas ta qbil tiegħu ma kienx dwar aspetti ta’ fidi anke jekk imsaħħaħ bħala domma mill-Knisja, għaliex dan ma kienx ser jagħmel ħsara lis-soċjeta’.  In-nuqqas ta’ qbil beda dwar “dommi sekondarji” li jżommu l-ħaddiema milli jimxu ‘l quddiem.  

Ma nistax ngħid li m’għandix ix-xewqa li naqsam il-ħsibiiet tiegħi dwar dawk iż-żminijiet taż-żogħżija ta’ Mintoff li fihom nistgħu naraw ukoll dak li sawwar il-ħsieb fil-mixja tagħna bħala poplu aktar ‘il quddiem.   Iżda quddiem ktieb bħal dan anke jien ħsibt li aktar mill-analiżi tiegħi, jew ta’ xi ħadd ieħor immur mal-ewwel għall-fehma tal-persuna li ħadet ħsieb biex dan il-ktieb wasal għandna.  

F’isem it-Torċa tkellimt ma’ Dr Yana Mintoff Bland.  Huwa ta’ unur għalija u ħassejt li huwa d-dmir li t-Torċa li tkun min tal-ewwel li tiltaqa’ ma’ Dr Mintoff Bland u għalhekk qed naqsam magħkom din l-intervista ESKLUSSIVA.

Dr Mintoff Bland, it-tifla tal-Perit Dom Mintoff setgħt toffrili mhux biss l-esperjenza bħala editur.  Nieħu l-liberta’ li ngħid li l-valuri tal-Perit Mintoff jinħassu u stajt nistħajjel ftit li qed ingawdi ftit lil dan l-istatista kbir, u rrid ngħid li ngħożż il-mumenti li għamilt din l-intervista. 

Omar:   Dr Yana Mintoff Bland qabel xejn nirringrazzjak anke f’isem it-Torċa li aċċettajt li tagħmel din l-intervista.  F’idejna għandna ktieb mill-isbaħ, ġojjell biex ngħid hekk, anke kieku ma kienx tal-Perit Mintoff, il-papa’ tiegħek, xorta waħda jibqa’ ktieb ta’ stoffa.  Ktieb volumuż bl-esperjenza l-istorja ta’ Malta mill-perspettiva ta’ Duminku Mintoff.  Ktieb bħal dan ovvjament nifhmu li jrid ħafna xogħol:  X’kien jinvolvi l-proċess biex mil-karta wasal għal dan il-ktieb sabiħ li għandna llum?

Dr Mintoff Bland: Mela l-ewwel ħaġa li nixtieq niċċara hija li kull kelma hija ta’ missieri jiġifieri kif qiegħed miktub fil-kelmtejn ta’ qabel, kif jikteb Daniel Mainwaring, l-editur prinċipali, li aħna sibna l-kitba ta’ missieri.  Fil-fatt kien hemm elf paġna u bil-mod il-mod qrajna li l-istorja personali tiegħu nistgħu qisna niġbduhom l-istejjer li kien hemm u noħorġu l-awtobijografija personali tiegħu, dawn kienu tliet mija u tletin paġna jiġifieri minn dawk l-elf ġbidna dawn u kienet pjuttost ix-xogħol ta’ Daniel li sawwar, seta’ jara dan il-ktieb minn l-affarijiet li sibna.  Il-proċess beda għoxrin sena ilu,  għax sena wara li mietet ommi beda jikteb u jien kont naħdem barra u kien qed jibgħathomli kważi tmien paġni kull ġimgħa bil-fax u kienu diġà qishom bit-typewriter.  Imbagħad xtara miegħi l-kompjuter u wara li kiteb kollox b’idejh u għamel ħafna ħsieb u kultant riċerka ukoll kiteb b’idejh u imbagħad daħħal kollox fil-kompjuter jiġifieri aħna sibna dawk l-elf paġna fil-kompjuter.

Omar: Meta bdejt naqra dan il-ktieb mal-ewwel paġni innotajt li jsemmi l-bastjun.  Jiena minn Bormla u qisni mill-ewwel laqtitni però naraha ukoll li iktar milli bħala post qisha donnha toħroġ kważi bħala tema.  Kważi kważi metafora tal-kuraġġ illi Duminku Mintoff sab u għenu moralment u soċjalment biex jegħleb l-ostakli kollha li llum lanqas nimmaġinawhom naħseb jiġifieri li sab matul ħajtu.  Minn banda jiġifieri qisu jitkellem dwar it-trobbija tiegħu u anke dak li qisna smajna diġà jiġifieri r-rabta mal-faqar forsi li kien hawn f’Malta però fl-istess ħin anke naraw dan is-sens qisu nostalġiku kważi sentimentali lejn din it-tfulija tiegħu.  Ma nafx xtaqtx tikkummenta f’dan is-sens…?

Dr Mintoff Bland: Naqbel kompletament miegħek, missieri kien iħobb ħafna lil Bormla u speċjalment il-Bastjun fejn kif jikteb kellu l-isbaħ trobbija minkejja l-isfidi kollha li kellhom il-Bormliżi dawk iż-żminijiet kien hemm ħafna faqar imma kif qed tgħid, il-kuraġġ li kellhom imma naħseb ukoll żewġ affarijiet oħra.  Is-solidarjetà, is-solidarjetà kienet ħafna parti minn ħajjithom, naħseb missieri dejjem ħass is-solidarjetà ma’ nies li kellhom ħafna sfidi, seta’ jidħol fiż-żarbun ta’ xi ħadd ieħor mill-ewwel u jara kif jista’ forsi joħroġ minn xi problema.  Ħaġa oħra li joħroġ mil-ktieb li jien ma kontx naf ħafna dwarha qabel hija qisa anke mal-ħbieb li kellu, hu jikteb kemm-il darba dwarha, li kienu jaħsbu qabel biex joħolqu xi strateġija u naħseb żamm miegħu dak li biex tegħleb ċerti, jew biex tasal x’imkien kellek taħsibha qabel u tagħmel pjan mal-ħbieb u hemm diversi eżempju li nista ngħidlek.  Per eżempju kif tista’ tevitah dan il-kelb li kien vera aħrax u tal-biża’, x’għandek tagħmel jew kif tista’ forsi tieħu xi ftit pastizzi mingħand dak tal-pastizzi u l-istrateġija u s-solidarjetà huma mportanti ukoll mal-kuraġġ.  Kif kien dejjem jgħidli l-Bormliżi li għandhom hi l-onestà u naħseb dejjem kellu dak il-prinċipju li trid tkun onest fil-ħajja.

Omar: Naħseb mal-kuraġġ stampa oħra li għandhom in-nies tal-perit Mintoff biex ngħid hekk hija li kien oratur mill-aqwa, persuna li kien jikkomunika kelli x-xorti kont għadni żgħir jien u ġieli smajtu jitkellem ukoll, iħaddem idjoma tajba bil-Malti u l-messaġġ tiegħu kien jasal għand kulħadd jiġifieri l-messaġġ anke jekk ikun xi ħaġa biex ngħid hekk forsi lin-nies ftit li xejn kienu jifhmu fuqha kien iwassalha b’mod li kulħadd kien jifhem.  Hawn hekk għandna ktieb bl-Ingliż artikulat ħafna, mirqum, jien kelli x-xorti ukoll li qrajt l-artikli tiegħu f’The Knights forsi jistgħu biex ngħid hekk wieħed jista’ jieħu togħma anke tal-espressjoni anke miktuba u l-akbar kompetenza għallinqas f’dan il-ktieb hija fl-argument, il-konsistenza anke il-kontinwità, irnexxielu jgħaqqad ħaġa mal-oħra, jibni esperjenza personali forsi biex isaħħaħ l-argument tiegħu.  Ma nafx forsi x’tikkummenta dwar il-kitba fiha nnifisha anke f’dan il-ktieb jew anke b’mod ġenerali?

Dr Mintoff Bland: Missieri kellu żewġ affarijiet kif kien jaħseb, kif kien jitkellem qisu kellu dak il-leħen u xi ħaġa pjuttost minn Alla ngħidha għax kellhu ħaġa li kien jiġbed lin-nies u jżommhom jisimgħuh imma kif jikteb imbagħad jikteb mod ieħor imma qisu jibda mill-istess post u jasal fejn irid b’ħafna eżempju, storja, kultant qisek inti qiegħed fil-vjaġġ miegħu jiġifieri qisu jgħaqqad l-affarijiet li nies oħra forsi ma jafux jgħaqqadhom l-argument u naħseb dak ukoll joħroġ mil-ktieb.  Il-kitba iva, għandu pinna tal-għaġeb u naħseb dik hija sorpriża għal ħafna nies għax il-mod kif jiċċara jew jgħati eżempji, anke kif ipinġi nies li kienu ta’ madwaru u kif għandu ukoll, mhijiex biss qisha antropoloġija, hija pjuttost qed juri kif m’aħniex waħedna u xejn ma wasal imkien waħdu.  Naħseb dik hija xi ħaġa li tara sewwa fil-ktieb, kull fejn ikun jgħid ta’ madwaru l-ewwel umbagħad jgħid fejn wasal b’saħħithom.

Omar: Xi ħaġa oħra li qisni nnuttajt meta anke bdejt nara dan il-ktieb hija li waqt li hemm ħafna dettalji u jagħti ħafna dettalji anke dwar post li biex ngħid hekk kważi tista’ tpenġih il-post li jagħti anke kieku ma fihx ir-ritratti mid-deskrizzjonijiet wieħed biżżejjed biex jieħu stampa.  Però ma nsibux ftaħir fuq dak li għamel jiġifieri anke fuq dak li huwa t-tfulija tiegħu m’hemmx ftaħir f’dan is-sens, jiena jidhirli li wasal anke ż-żmien forsi nitkellmu, illum isemmuha ħafna, dwar l-umiltà tal-politiku jiġifieri forsi dak iż-żmien forsi ma nafx konniex tant nitkellmu daqs tant dwarha, forsi kien iktar kruċjali li kien jgħolli r-reputazzjoni ta’ Malta u ta’ pajjiżna biex saret kif saret u grati għalih però forsi wasal, anke biex nibqa’ fuq dan il-ktieb, toħroġ qisha ħafna l-umiltà tiegħu jiġifieri m’hemm l-ebda mod ċerta ftit, tinħass l-umiltà kważi kważi. 

Dr Mintoff Bland: Naqbel miegħek u naħseb li qed jgħid hawn li meta kien jgħaddi mit-trobbija u miż-żogħżija kien jgħaddi minn ħafna kriżi eżistenzjali u m’huwiex jistħi biex jgħidha ċara.  Per eżempju meta ġie l-kuġin mill-Alġerija u kellu l-ħila, kien jixtieq imur hemm u jaħdem l-Alġerija kellu dik il-kriżi li kellu l-ġibda joħroġ mil-gżira żgħira fejn sab ruħu u tkellem ma missieru u gwidah.  Imma ħafna paġni fil-ktieb qegħdin fuq dik il-kriżi eżistenzjali li naħseb, ħafna żgħażagħ u anke kbar, iħossuhom u nteressanti ukoll biex tara kif għadda minnhom.  Naħseb l-ikbar kienet meta kien jixtieq jerġa’ jiġi Malta fit-tieni gwerra u ma setax u kif sab kull mezz biex jerġa’ jiġi u kif kellu bżonn jistenna dawk it-tlett snin qabel ma ġie u naħseb kien kollox qisek tista’ tara l-lezzjonijiet li kif ħareġ minn dawk il-kriżi.  Naħseb tgħallem ħafna lezzjonijiet u li kienu mportanti għal ħajtu, fil-ħajja politika wara, li kellu bżonn jistenna dawk is-sittinijiet, kienu twal ħafna, li wara li għen li niksbu L-Indipendenza fl-erbgħa u sittin xorta kien barra bħala kap tal-Oppożizzjoni tista’ tgħid tnax-il sena jew iktar, tlettax-il sena, dawk kienu snin twal kien jixtieq ħafna li jgħin lil Malta timxi ‘l quddiem jiġifieri naħseb għandek raġun, qisa hemm ħafna onestà fil-ktieb li s-sorpriża għalih kienet li jiftaħ qalbu kompletament anke li jitkellem dwar l-imħabba, onestament hekk, ċar u tond xi ħaġa ħelwa ħafna li ma kontx naf dwaru.

Omar: Xi ħaġa issa dwar nimmaġina x-xogħol ta’ min ħa ħsieb l-editjar ta’ dan il-ktieb li huwa wieħed ukoll eċċellenti.  Fil-ktieb insibu numru sabiħ ta’ ritratti li xtaqt nikkummenta aktar dwarhom fil-fatt għax huma parti integrali mill-ktieb.   Ritratti storiċi, fosthom tal-fortifikazzjonijiet, Malta fl-imgħoddi.   Xtaqtek tgħidilna dwar dawn.  

Dr Mintoff Bland: Kien hemm it-tim, aħna ddeċidejna li ħa nippublikawh aħna jiġifieri kienet xogħol ta’ dedikazzjoni, l-imħabba u r-rispett lejh u kien hemm ħafna iktar xogħol u kien hemm affarijiet li vera ma konniex nafu fil-bidu kif ħa nagħmluhom imma ibni huwa storiku u kellu ħafna determinazzjoni u hu għamel internship, kien intern mal-arkivji nazzjonali ta’ Malta u għamel ħbieb ma’ Nardu Callus u Nardu Callus għena ħafna bid-dokumenti storiċi u ritratti u ċerti fatti.  Jiġifieri hu daħal fit-tim umbagħad l-aħħar sentejn u bdejna inżejnu l-ktieb, mhux eżatt inżejnu, nagħtu iktar dettalji bil-mezz ta’ dokumenti u ta’ ritratti jiġifieri nista ngħid li dawk it-tnejn mirakli għamlu Nardu Callus u Daniel Mainwaring u hekk wasalna fl-aħħar.

Omar: U għandna prodott kif jixraq ukoll jiġifieri kif jixraq għalih.

Dr Mintoff Bland: Nista ngħid ukoll biss li ddeċidejna li jkun aħjar għal ħafna Maltin li jkun miktub ukoll bil-Malti u Joe J. Borg għamel ħiltu, għamel xogħol tajjeb ħafna.  Prof Oliver Friġġieri wkoll kiteb id-daħla vera sabiħa ukoll bi sfond tiegħu imma jiena nemmen li huwa mportanti li ħriġna bit-tnejn f’daqqa, il-Malti u l-Ingliż biex kulħadd jista’ jaqrah.

Omar: Kulħadd għandu aċċess għalih.

Dr Mintoff Bland: Eżatt.

Omar: L-aħħar mistoqsija forsi ftit iebsa però ma tantx nista noħroġ minnha biex ngħid hekk, il-ktieb kont qed nifhem li beda jinkiteb tlett snin wara li tilfet il-battalja kontra l-kanċer Moira, il-mama tiegħek però qed tgħidilna aktar qabel li sena wara fil-fatt.  Persuna maħbuba, qalbha tad-deheb, siekta però fl-istess ħin preżenti ħafna fil-ħajja tal-perit Mintoff jiġifieri u anke f’dan il-ktieb stess tidher evidenti ħafna jiġifieri tinħass ħafna kif għedt anke inti tajjeb, hemm ċerti sentimentaliżmu anke fuq ir-romantiċiżmu ukoll.  Xtaqt tgħidilna xi ħaġa ftit dwar il-mama tiegħek anke fl-isfond ta’ dan il-ktieb jew forsi hemm aktar dettalji, kif tixtieq.

Dr Mintoff Bland: Ommi naħseb kienet l-isbaħ omm li stajna jkollna jien u oħti minkejja l-isfidi li kellhom ommi u missieri t-tnejn kienu jaħdmu ħafna flimkien għal politika.  Ommi kienet attiva, kienet temmen ukoll fis-soċjaliżmu u kienet tħobbu immens lil missieri, naħseb ħass il-vojt tagħha ħafna u għalekk ħass li kellu bżonn jgħati l-ħin tiegħu għal kitba wara li tilifha.  Jiena kważi kuljum niltaqa’ ma nies li jgħidu xi ħaġa sabiħa dwar ommi, jgħidu “Eh jiena rajtha taħsel il-platti fid-dar tal-anzjani” u hekk kienet tagħmel ħafna affarijiet bil-kwiet u kif qed ngħid kienet attiva ħafna, naħseb missieri ukoll kien jemmen f’attiviżmu iktar mil-kitba u t-teorija.  Kien dejjem jgħidli l-azzjoni hija l-iktar importanti minn kollox imma naħseb umbagħad sab ruħu waħdu u kien irid jiftaħ qalbu għan-nies, għal kulħadd li seta forsi jieħu xi ħaġa mil-kitba tiegħu u aħna nixtiequ ħafna kulħadd ikollu aċċess għal ktieb.

Omar: Grazzi għalhekk issa għandna f’idejna dan il-ktieb, nirringrazzjak li qsamt magħna dan il-ħin prezzjuż tiegħek.


Edizzjoni ġdida ta’ Fjuri li ma jinxfux

Awtur: Oliver Friggieri

Għadha kemm ħarġet edizzjoni ġdida tal-ktieb awtobijografiku Fjuri li ma jinxfux tal-Professur Oliver Friġġieri.  Il-kobor ta’ dan il-ktieb mhuwiex biss għax huwa ktieb ta’ tifkiriet mill-pinna tal-awtur innifsu.  Dik waħidha hija importanti meta tqis il-profil għoli li għandu l-Professur Friggieri, id-diversi impenji tiegħu u l-kontribut enormi li ta lill-ilsien pajjiżna.  Imma l-akbar valur li nara f’dan il-ktieb huwa li jitratta l-istorja soċjali u soċjo-politika ta’ pajjiżna, u qed naraw din l-istorja minn angolu ta’ persuna li għexha.  F’dan il-ktieb napprezzaw ħajjet il-Maltin li għexu fi żminijiet differenti, ċ-ċirkostanzi tagħhom u kif inbidlu mal-milja ta’s-snin.  

Bil-permess tal-awtur qed indewqukom togħma żgħira minn dan il-ktieb ta’ tifkiriet Fjuri Li Ma Jinxfux

Fid-dell tal-ġlieda bejn l-Arċisqof Gonzi u l-Perit Mintoff

Bejn ix-Xagħra tal-Furjana u s-Seminarju     

     Is-Seminarju Minuri li naf jien huwa dak li ħadt fih l-edukazzjoni sekondarja tiegħi bejn l-aħħar snin tal-ħamsinijiet u l-ewwel erba’ snin tas-sittinijiet.  Is-Seminarju tal-Furjana, fejn kien fis-snin ħamsin-sittin u wara, maż-żmien beda jintuża bħala l-Kurja ta’ l-Arċisqof. Huwa bini kbir, dinjituż, quddiem in-niżla ta’ Sammiżun (Sa Maison), fix-xifer tal-Furjana. Huwa bini mimli antikita’ u storja, b’ħitan għoljin, b’pitturi qodma matul il-kurituri, b’kolonni għoljin li jduru madwar il-klassijiet tagħna ta’ studenti fi skola sekondarja. Hemm għaddejna l-kors tat-tagħlim sekondarju. Kienu kollha snin mill-isbaħ, u l-ħajja kienet trankwilla, il-pass kien bil-mod, u l-entużjażmu tagħna l-istudenti kien kbir.

     Fix-xifer ta’ Balzunetta, fejn trabbejt, kien hemm tliet istituzzjonijiet importanti: l-Isptar ċentrali, id-Dar ċentrali tal-Pulizija, u s-Seminarju (Minuri u Maġġuri). Fil-modestja tagħha, mimlija familji mill-aħjar u ta’ qalb kbira, Balzunetta kellha fil-fatt ħafna prominenza. Fix-Xagħra tal-Furjana, wara kollox, kienu jsiru l-parati tas-suldati. Il-parati kienu wirja ta’ uniformijiet sbieħ, ta’ riġmenti preċiżi, ta’ ċerimonji mimlijin kulur. Malli tispiċċa l-parata, aħna t-tfal konna mmorru niġru fix-Xagħra biex niġbru l-iskrataċ taċ-ċomb wara li s-suldati jkunu sparaw fl-ajru bħala parti miċ-ċerimonja u ħallew l-iskrataċ imxerrdin ma’ l-art. Fix-Xagħra wkoll lgħabna l-futbol għal sigħat sħaħ, avolja konna nweġġgħu jekk konna naqgħu fuq l-art mimlija ġebel. Il-logħob kollu kien isir fuq art mingħajr it-terf, li daħal ħafna snin wara. U fix-Xagħra wkoll tajjarna t-tajra tal-karti, u ħarisna ‘l fuq ‘il fuq, nixtiequ, nittamaw, u noħolmu. U fuq kollox, konna qegħdin nistennew. Is-snin ta’ l-għaġeb – ħamsin u sittin – kienu tagħna kollha kemm huma. Ma konniex sinjuri, u konna kuntenti. Bi ftit soldi,  l-aktar l-aktar bi ftit muniti ta’ tliet soldi (il-munita konna nsejħulha ‘skorfina’), aħna t-tfal stajna niftaħru li konna sinjuri. Bil-logħob tagħna fit-toroq, konna konvinti li l-pajjiż kollu kien tagħna. 

L-għaxra: ħin il-kolazzjon u l-logħob  

  Qiegħed inħallat apposta t-tifkiriet tiegħi ta’ Furjaniż  mat-tifkiriet tiegħi ta’ student fis-Seminarju Minuri tal-Furjana, f’Balzunetta. Fil-fatt, naħseb li l-istudenti sħabi li kienu jiġu l-iskola, mill-bliet u mill-irħula kollha ta’ Malta,  kienu jsiru huma wkoll b’xi mod Furjaniżi. Għallinqas għas-sigħat ta’ filgħodu, mit-Tnejn sal-{imgħa. }afna studenti ma kinux iġibu kolazzjon magħhom mid-dar. Kienu jixtru ħobża żgħira mħawra tajjeb biż-żejt u bit-tadam, jew ftit pastizzi, jew ħobża bil-butir u bil-ġobon mill-ħwienet ta’ l-inħawi, fil-waqfa tal-mistrieħ ta’ kwarta għall-ħabta ta’ l-għaxra ta’ filgħodu. Il-lezzjonijiet kienu jispiċċaw madwar is-siegħa ta’ wara nofs in-nhar. Matul il-waqfa tal-mistrieħ – il-brejk! – konna mmorru x-Xagħra. Kienet iddoqq qanpiena kbira li tidwi ma’ l-iskola kollha, u lkoll konna noħorġu niġru lejn ix-Xagħra biex insibu r-roqgħa tagħna fejn kellna d-dritt nilagħbu logħba futbol qasira. L-istudju jiġi l-ewwel, u warajh kien jiġi l-ballun. Ballun tal-lastiku, pulit u normali,  jew ballun taċ-ċarruta, li konna nixtruh b’sold u li ma kienx idum ma jitqatta’ bid-daqqiet tas-saqajn. Il-ballun kien jistenniena dejjem.  Saqajna kienu jikluna biex nixxuttjaw, u meta ma konniex insibu ballun, konna ninfexxu f’ġebla jew f’bott tal-ħalib, jew f’karta mibruma tond fl-art. Kulħadd jixxuttja kullimkien, kull ħaġa li jara fl-art! 

     Ix-Xagħra tal-Furjana, madwar l-għaxra ta’ filgħodu, kienet f’daqqa waħda timtela bl-istudenti jiġru, jgħajtu u jirraġġaw u jilagħbu l-ballun. Il-ġlekkijiet blu skur matul ix-xitwa – kienet għadha teżisti x-xitwa fis-snin ħamsin-sittin – kienu jagħtu dehra differenti lix-Xagħra. Id-dehra kienet tkun kollha bajda meta mbagħad kien jibda dieħel is-sajf u konna nibdew immorru l-iskola bil-qmis u bl-ingravata – mingħajr ġlekk. L-uniformi kienet ħaġa sagra, u konna kburin biha għaliex konna nafu li s-Seminarju kien skola mill-aħjar. Il-ġlekk kellu l-arma tas-Seminarju fuq il-but ta’ quddiem.  L-uniformi kienet tfisser dixxiplina.

Mill-istorbju għas-silenzju

     Il-ġiri u l-istorbju tagħna lkoll fix-Xagħra kienu jieqfu hesrem malli kien jasal ir-Rettur, Dun Victor Grech, serju, bi tbissima, b’suttana dritta, b’kappell, u kien isaffar suffara għal ftit sekondi. Ftit, tassew ftit! L-istorbju tax-Xagħra kien jibda jbatti malajr, l-istudenti kienu jieqfu mil-logħob u jersqu pass pass lejn in-naħa tax-Xagħra li tagħti għat-triq li tieħu lura lejn is-Seminarju. Kull klassi kellha ‘prefett’, wieħed minn sħabna stess, li kien responsabbli mill-grupp tagħna. Konna ninġabru lkoll f’ringiela ta’ tnejn, skond il-klassi, bla kliem xejn, u konna nistennew tisfira oħra bis-suffara mingħand Dun Victor  biex nimxu lura lejn il-klassi. 

     Dun Victor kien ħabib kbir tagħna lkoll u l-ġid li huwa għamel lis-Seminarju u lill-Knisja huwa kbir. Konna nħobbuh u bqajna nħobbuh ħafna. B’dixxiplina mimlija ġentilezza u serjeta’, b’kelma meqjusa, mirquma u ċara, kien kapaċi jikkonvinċi lil kulħadd kemm kienet kbira l-fidi tiegħu. Mis-snin sittin stess huwa kien diġa’ beda jkun imfittex u kkonsultat għall-pariri minn Malta kollha. ‘Il quddiem iltqajt miegħu wkoll fis-Seminarju Maġġuri. Dun Anton Galea, il-Viċi-Rettur, kien huwa wkoll raġel twajjeb, dehni, iddedikat għas-servizz ta’ skola kbira, konvint mis-sejħa tiegħu, u dejjem bi tbissima. Aħna l-istudenti konna xxurtjati.

    Il-ħajja tagħna ta’ studenti fis-Seminarju Minuri kienet tassew kalma, u lkoll konna ferħanin bl-għalliema u bl-istudju. Kienu lkoll ta’ livell għoli; hekk bqajt naħseb, anki llum, wara ħafna snin.  Fost l-eqdem ħbieb-studenti kien hemm Louis Galea u Albert Marshall, u t-tlieta bqajna ħbieb kbar sa llum. Moħħna għamel vjaġġ twil, imma qalbna qisha waqfet hemm, xi mkien fil-klassijiet tas-Seminarju Minuri tal-ħamsinijiet-sittinijiet. Kien dan l-istess fatt li mbagħad, żmien twil wara, wassalni biex nikteb ir-rumanz “Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ” (1998), ambjentat proprju f’Balzunetta ta’ dak iż-żmien. 

    F'”Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ” xtaqt inpinġi d-dinja ċkejkna u ħelwa ta’ familja żgħira, f’dawn l-istess inħawi,  li fiha tifel jiskopri lid-dinja qiegħda tinfetaħ quddiemu bil-mod il-mod, waqt li ommu u missieru jħarsu lejh matul is-snin – u jixtiquh jibqa’ tifel, għal dejjem, bħal ġiżimin li jibqa’ ma jiftaħx, u jfuħ biss… Valuri essenzjali huma mlaqqgħin flimkien f’dinja żgħira li hi wkoll sħiħa, ideali, bla prentensjoni, u meraviljuża. Mhux dak hu li nixtiequ llum ukoll, wara kollox? Mela x’qegħdin infittxu? Fir-rumanz ta’ dan l-ambjent ippruvajt niddeskrivi s-sempliċita’ ta’ dak iż-żmien, u sadanittant indunajt li din hi dik il-ħaġa diffiċli, kumplessa, li għadna qegħdin infittxu llum. Dan hu l-ambjent li qiegħed nipprova niddeskrivi, u li xejn aħjar minn rumanz ma jista’ jerġa’ jibnih bi mħabba u  b’intensita’. Anki “Stejjer għal Qabel jidlam” huwa ktieb immnebbah  mill-istess ambjent. 

Castillo

Awtriċi: Clare Azzopardi

Qrajtu Castillo ta’ Clare Azzopardi? Hekk staqsewni ħafna qarrejja.  Il-ktieb ħabbarna meta kien ħareġ u jidher li miexi mhux ħażin.  Jekk “kulħadd ħalla isem warajh” Azzopardi żgur naqxet isimha permezz ta’ dan il-ktieb ta’ novelli tagħha u anke numru kbir ta’ kotba tat-tfal.  Issa kien imiss rumanz Castillo.  Ir-rumanz huwa wieħed li jżommok.  L-istil tiegħu ifakkrek f’xi film, jgħin lill-qarrej isewgwi ftit ftit l-istorja u jmur lura permezz ta’ flashbacks.  Element b’saħħtu ta’ dan ir-rumanz huwa d-djalogu li mhuwiex differenti mit-taħdit ta’ kuljum.  Xi kultant naraw infilsata kelma ingliża fid-djalogu, kif jitkellmu l-Maltin, imma fl-istess ħin naraw ħakma tajba tal-lingwa f’partijiet oħra tar-rumanz.  Imma b’differenza minn dramm għandna xi deskrizzjonijiet importanti mmens u oħrajn li jgħinnuna nesperjenzaw aħna wkoll l-istorja li man-narratriċi Amanda tfittex il-għala seħħew ċerta affarijiet.   Il-qarrej kważi wkoll huwa parteċipi fit-tiftix f’dan ir-rumanz investigattiv.   Grafika li turi l-kaligrafija tal-katalogu ta’ Barbara huwa eżempju wieħed kemm dan il-ktieb huwa wieħed movimentat u juża modalitajiet differenti għalkemm stampati li jdaħħlu aktar lill-qarrej fl-istorja.  

Il-punt tat-tluq huwa li Amanda tfittex lil ommha (Emma Barbara) li abbandunata aktar minn 25 sena ilu.   Xokk kbir għal Amanda li ssir taf li ommha qatlet, u aktar minn darba!   Imma hemm raġuni għal dan.  Riedet tagħmel vendetta minn min qatel lil oħta tewmija l-awtriċi Cathy Penza nqatlet.   L-istejjjer tagha ħarġu fis-sengħinijietu fit-tmeninijiet sakemm Penza nqatlet f’Diċembru tal-1986 b’karozza bomba li huwa misteru jekk wara kollox kinetx intenzjonata għaliha.   

Emma Barbara qatlet lil ċerta Tommy, ġar tagħha f’Ħal-Għargħur.  Dan Tommy ma tantx kellu reputazzjoni tajba u Barbara kienet taf li kellu garaxx mimli bombi, xi ħaġa li wasslitha biex taħseb li huwa kien il-qattiel t’oħtha.  Terġa’ u tgħid huwa ma tantx kien jaħmel lil Penza.  Barbara stess issir taf aktar dwar oħtha minn kitbietha fosthom l-aħħar rumanz tagħha li baqa’ qatt ma ġie pubblikat.  Fot ir-rumanzi li jissemmew insibu, Strada Marina, Il-Ħotbi, il-Ħofra u oħrajn.  Ir-rumanzi ta’ Penza fil-fatt, li tagħhom Castillo huwa l-protagonist, isawru dan il-ktieb u jitfgħu dawl kbir fuq is-sebgħinijiet u tmenijiet.  Għall-kuntrarju ta’ kotba oħra Maltin li qrajt dan l-aħħar, u anke forsi minkejja li taf li l-Maltin iħobbu dik il-laqta politika, Azzopardi żammet fuq quddiem l-arti tagħha u għamlet dak li kien meħtieġ u semmiet dawn l-eposodji b’mod sottili ħafna u li ma jtellfu xejn lill-istorja.   Fl-istess ħin għal darb’oħra joffru lill-qarrejja ċ-ċans biex flimkien ma’ Amanda jiskopru x’wassal biex Emma Barbara toqtol u dak kollu illi ġara.  Insiru naf per eżempju Annie li kienet il-maħbuba ta’ Penza kienet taħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u saħansitra dehret f’ritratti miegħu meta l-Kurunell Gaddafi kien żar Malta. Is-siltiet mir-rumanzi joffru storja (jew aħjar stejjer) ġo storja.  Fost oħrajn naraw dwar il-mewt ta’ Castillo, il-protagonist ta’ dan ir-rumanz. 

Dan huwa ktieb interessanti mmens fejn għandna storja ġo storja li hija kruċjali f’dan ir-rumanz u mhux sempliċiment qed tipprovdi kuntest.  Fil-fatt il-karattru tagħha huwa l-protagonist tal-ktieb t’Azzopardi. Siltiet mir-rumanzi ta’ Penza jiffurmaw dan ir-rumanz.  Interessanti wkoll għax il-qarrej isir parteċipi u flimkien ma’ Amanda jippruvaw iħollu din l-għoqda u jsibu tarf ta’ dak li ġara.  Mill-misteru ta’ mara fl-istramberiji tagħha niskopru misteri ikbar.  Daqs kemm il-messaġġ mhuwiex fil-wiċċ, daqstant ieħor l-esperjenzi tal-persuna. Spiss niġġudikaw fil-ħajja ta’ kuljum: Għaliex dik l-omm abbandunat lit-tarbija tagħha?  U spiss nippunraw subgħajna.  Azzopardi tħares lejn il-persuna (anke l-karattru fittizju) li warajha hemm storja.  Aspett li ma rridx inħalli barra minn dan il-ktieb huwa għalhekk dak tar-relazzjonijiet:  Ir-relazzjoni ta’ Amanda m’ommha, ommha m’oħtha Cathy Penza, t’oħtha ma’ Annie, tal-karattri fittizji fir-rumanzi ta’ Penza, ir-relazzjonijiet ma’ politiċi u kif jaffetwaw il-ħajja ta’ kuljum, u fuq kollox ta’ Amanda ma’ bintha.  Hawnhekk naraw umanita’ kbira anke lejn l-aħħar tal-ktieb.  

L-imħabba bħalma hija dik tagħha ma’ bintha hija fundamentali anke jekk mimlija xkiel.  

Castillo jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew onlinedirettament minn merlinpublishers.com

Nitkellmu mal-Perit Lawrence Gatt

Lawrence Gatt twieled fl-1941 fir-Rabat.  Huwa perit u serva bħala membru parlamentari mill-1971 u baqa’ jiġi elett fl-1976, 1981, u 1987.  Kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-biedja u s-sajd bejn l-1976 u l-1987 sakemm fl-1987 inħatar bħala Ministru għall-iippjanar tal–Iżvilupp u aktar tard Ministru għall-Ikel Agrikoltura u Sajd.  Wara l-ħidma politika tiegħu iddedika ħin għall-kitba li tant iħobb u ddiskutejna f’din it-taħdita.  
  • Lawrence, kieku jkolli nagħżel tema komuni fit-tliet rumanzi tiegħek, “Il-Ġurament tal-Ħatra”, “id-Dnub li ma jorqodx” u anke “Rabtiet” naħseb li tkun il-bidla bla mistennija fil-ħajja tagħna.  Filli bħal donnu kollox ikun miexi ħarir imbagħad f’daqqa waħda bħal jitqawwa l-mewġ f’baħar li jkun żejt.  Kemm hu minnu dan? 

T.         Il-ħajja hija sabiħa. Imma kulħadd matul ħajtu, u mhux darba jew tnejn, jiltaqa’ ma’ xi  għawġ, u forsi anke meta l-anqas li kien jistennieh. Għawġ jew mart  jista’ jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq. Hemm għawġ li jiġi u jitlaq malajr, hemm ieħor li jdum miegħek għal żmien twil u imbagħad hemm dak li jibqa’ miegħek għal dejjem. Billi kull bniedem jifforma parti minn familja l-għawġ li jiġi fuq il-bniedem jolqot lill-familja kollha. Kull familja għandha l-istorja tagħha u l-uġiegħ tagħha. Kull rumanz, novella jew storja li ktibt s’issa kienu kollha dwar familja. Stajt semmejt ir-rumanzi tiegħi, “Storja ta’ familja.” Għalhekk inqis il-kitba tiegħi bħala kitba soċjali.

            Kull storja, niddeskrivi il-persuni li jifformaw il-familja, dawk kollha li xi darba jew oħra iltaqgħu mal-membri ta’dik il-familja, u dak kollu li jaffettwa ħajjet il-membri tagħha, it-tajjeb u l-ħażin is-sabiħ u l-ikrah. Kif tiżvoġi l-istorja tara kif il-familja s-solvi l-problemi li jinqalgħulha jekk ikun hemm soluzzjoni għalihom. Imma dejjem jintemmu fuq nota tajba.

            Ħafna mill-episodji tal-kitba tiegħu huma meħudin mill-verita`, jew li għaddejt minnhom jien jew li għaddew minnhom nies li nafhom. Naturalment biddilt l-ismijiet biex ħadd ma jinduna min kien li għadda minn dak l-episodju.

  • Bil-Malti ngħidu, l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi.  Pero fil-każ tiegħek jista’ jkun hemm xi intriċċi jew xi ċirkostanzi anke tal-passat li jibdlu l-pjanijiet tagħna.  X’taħseb dwar dan? 

T.         Każ tipiku ta’ ċirkostanzi tal-passat li biddlu l-pjanijiet tiegħi kien meta ġejt biex nidħol l-Universita`. Jien kelli l-ħsieb li nistudja għal perit. Missieri kien qalli li billi fejn konna noqogħdu, Burmarrad, u l-irħula ta’ madwarna ma kienx hawn nutar, ħajjarni biex nistudja għal nutar. Jien ħadt il-parir tiegħu u billi ma kellix Latin qaluli li f’sajf nistudja il-Latin biss kont ngħaddi mill-eżami. Għamilt appuntament mal-poeta Dun Frans Camilleri, li llum m’għadux magħna, biex jagħtini  l-privat tal-Latin. Ma nafx għaliex l-ewwel darba ma ltqajniex. Għamilna appuntament ieħor u erġajna ma ltqajniex. Allura ddeċidejt li nkompli għal perit

  • Ir-rumanzi tiegħek, jekk forsi nieħdu bħala eżempju “Rabtiet” huwa dwar sitwazzjoni li qed ngħixu ta’ kuljum.  Il-qarrej jista’ jirrelata ħafna magħhom.  Niltaqgħu ma’ ġuvni gustuż, tifel gay u tifla.  Jonathan plejer tal-futbol tajjeb ħafna. It-tfajliet imsaħħra warajh. Paula tibda l-kors tal-mediċina.  Kemm tarha importanti li titkellem fuq sitwazzjonijiet normali u li l-karattri li toħloq ikunu qrib ħafna tal-qarrej?  

T.         Jiena ma nħobbx nikteb stejjer Gotiċi jew tal-fantaxjenza. Hawn minn jikteb f’dan l-istil u hawn ħafna li dan l-istil jogħġobhom. Jien nipprova  nikteb stejjer li jolqtu ħajja ta’ familja llum. Hekk li min jaqrha jista’ jgħid li dak il-karattru seta’ kien missieru, jew parti mill-famija tiegħu jew ta’ nies li jaf. Għalkemm l-istejjer huma kollha mistħajla, faċilment tista’ timmaġinahom li huma vera, għax żgur li tkun taf karattri li jixbħu sew lil tal-istorja, jew episodji li jkun għadda minnhom hu stess jew li jkun jaf lil min għadda minnhom.

  • Kif iġib l-istess isem tar-rumanz, insibu bosta rabiet.  Il-missier Wilfred iħalli lit-tfal waħidhomu jmur Brussels f’kuntratt t’a 5 snin.  Naraw kif l-omm timrad u tinbet rabta bejn Donald u ommu.  Fl-istess ħin aktar tard naraw rabta bejn il-missier mas-segretarja.  

T.         Dan ir-rumanz jirrakkonta l-ħajja ta’ familja li tikkonsisti fil-ġenituri, Wilfred u Sarah u t-tliet uliedhom, Jonathan, Paola u Donald. Wilfred jibda ħames snin xogħol fil-kwartieri ġenerali tal-Ewropa Magħquda. It-tfal jibqgħu m’ommhom.

            Insegwu r-rabtiet li jeżistu bejn il-ġenitur u wliedhom. Kif tispiċċa r-rabta bejn l-omm u Donald meta tkun taf li huwa gay. Kif tinbidel f’ċirkostanzi oħra. Ir-rabtiet bejn Jonathan u Patricia, supporter ta’ tim Ingliż li jiġi jilgħab mat-tim ta’ Jonathan. Ir-rabta bejn Johnathan u Rebecca,l-ħabiba ta’ oħtha.   Lil min jiżżewweġ Jonathan?        Rabtiet bejn Paula u Dr. Debono, il-lekċerer tagħha fl-Universita`.  Rabtiet bejn Wilfred u s-Segretarja tieghu fi Brussell.  Kif jinħallu r-rabtiet bejn Wilfred u uliedu meta jirċievu l-ittra tiegħu?  X’seħħ fil-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta?

  • “Il-Ġurament tal-Ħatra” jagħtina tema oħra simili għalkemm differenti fejn, għallinqas kif narha jien, wieħed jidħol f’sitwazzjoni li forsi ma tkunx tixtieq tidħol fiha.  Hawn niltaqgħu ma’ Ġiovanni miżżewweġ b’żewġt itfal, u issa l-karriera tiegħu ta’ avukat wasslitu biex inħatar maġistrat.  Iżda hawn beda l-inkwiet hekk kif ħabib ta’ bintu Francesca tinqabad bid-droga u Giovanni jkollu pressjoni biex iżomm kollox mistur.  Tarah każ li kultant ikollna sitwazzjonijiet li jkollna nagħmlu dak li ma nixtiequx?  Xi wħud eżempju jgħidulek kif ix-xogħol ibiddel il-bniedem u anke d-deċiżjonijiet li nieħdu …. 

T.         F’dan ir-rumanz naraw il-konflitt li jkollha maġistrat bejn il-Ġurament tal-Ħatra u l-familja tiegħu meta  Michele, l-maħbub ta’ bintu Franċesca, jinqabad bi droga fil-but tal ġlekk f’disco. Il- każ jiġi assenjat lil missierha. Francesca thedded lil missierha biex ma jgħidx min kien u jilliberah. Jekk jikkundannah, taħrab mid-dar.

            Ġovann jirċievi ittra mill-passat li biddlitlu ħajtu u iktar u iktar meta jiltaqa’ mat-tfajla ta’ ibnu Matthew.

            Fost intriċċi bejn Malta, Ruma u l-Polonja l-inkwiet li kien qed itaqqal lill-Maġistrat isibu dimensjoni ġdida.  Xi jkun il-futur tal-Maġistrat?

  • Id-dnub ma jorqodx ilaqqgħana man-negozjant Louis Micallef u l-familja tiegħu.  Micallef jispiċċa l-ITU f’koma wara inċident tat-traffiku. U l-familja tiegħu — martu u l-erba’ wliedhom — issib ruħha f’xibka ta’ diffikultajiet.  F’dan ir-rumanz naraw kif l-imgħoddi ma jħalliniex ukoll.  X’rabta tara, (u forsi din inżiduha mar-rabtiet) bejn l-imgħoddi u dak li jkun mingħalina ser niddeċiedu fil-preżent? 

T          Il-ħsieb wara dan ir-rumanz kien dan. X’jiġri jekk il-kap ta’ familja jkun jaf x’inhu għaddej minn martu u minn uliedu?  Bdejt billi l-Kap, Louis Micallef jkollu inċident tat-traffiku u jispiċċa f’koma l-isptar. Martu u wliedu jżuruh l-isptar bniedem ħaj biss bil-makni.

Matthew, il-kbir jieħu ħsieb in-negozju ta’ missieru. Kif imexxih?    Luke jinnamraw ma’ tfajla ta’ kulur iswed, kontra x-xewqa ta’   missieru.  Martu tiltaqa’ mal-ewwel maħbub li kellha- tinxtel il-fjamma tal-imħabba.  Il-ġrajjiet tal-istorja li jibdew minn Malta, jeħduna Għawdex, l-Italja, Dubrovnik u Medjgorje, Cape Town u l-Awstralja. Ilkoll marru jaraw lil Louis, Martu bil-maħbub tagħha, Luke bl-għarusa s-Sewda u Matthew jitkellem fuq in-negozju ta’ missieru għax għalihom missierhom kien diġà` mejjet.  Louis jiġi f’sensih? Ikun jaf x’għadda mill-familja tiegħu. Kif tispiċċa l-famija Micallef?

  • F’dawn ir-rumanz jissemmew diversi pajjiżi.  Fil-“Ġurament tal-Ħatra” nsibu bosta intriċċi bejn Malta, Ruma u l-Polonja.  “Fid-Dnub ma joroqdx” joħodna sa Dubrovnik u Medjugorje, Dubaj, Cape Town fl-Afrika t’Isfel u l-Awstralja.  L-interpretazzjoni tiegħi hija li b’dawn il-pajjiżi tipprova toħloq universalita’ u tifsira li l-intriċċi u l-ħażen mhux riservati f’xi pajjiż jew ieħor anzi jiġu transportati.  

T          L-interpretazzjoni tiegħek hija korretta. Il-ħsieb tiegħu barra dan huwa wkoll biex l-istejjer tagħtihom dimensjoni internazzjonali. L-ewwel nett dawn il-pajjiżi li nsemmi jkunu kważi kollha li żort jien. It-tieni naf li kważi l-Maltin kollha jħobbu s-safar u kull meta ssemmi pajjiż min ikun qed jaqra jew iġġeddidlu l-memorja ta’ dak li jkun ġa żar jew tħajru jżuru jekk ma jkunx diġà` żaru. Huma rari l-każi fejn il-qarrej ikollu togħma ħażina ta’ pajjiż barrani. 

            Fil-passat ir-rumanzi Maltin kienu ġeneralment jirrakkontaw storja li tibda u tintemm f’Malta. Mhix xi ħaġa ħażina imma llum id-dinja saret żgħira u l-iżgħar ħaġa li ġrajja tibda Malta u ddur dawra ma’ pajjiżi Ewropej u anke iżjed ’il bogħod.

  • “Stejjer mill-għorfa” (1996),  bħal “Il-Qlugħ Aħmar u 31 Novella oħra” idewquk togħma differenti imma b’xi mod kollha tgħid li huma tal-istess kok.   Il-ktieb huwa mimli emozzjonijiet u waqtiet xi tbissima.  L-istejjer kollha għandhom karattru tipikament Malti.  

“Stejjer mill-Għorfa” u “Il-Qlugħ Aħmar u 31 Novella oħra”, huma stejjer li bdejt niktibhom meta kien għadni nibda l-Universita`. Ili nikteb minn dak iż-żmien imma qatt ma ħlomt li għad nippubblika xi ħaġa. Kont nikteb storja, jew novella anke xi poeżija u nwaddabha f’kexxun. Kont nikteb biss għal gost. Darba niftakar li Il-Professur Ġuże` Aquilin kien jipproduċi programm letterarju fuq ir-Rediffusion. Kont bgħattlu in-novella “Il-Qlugh Aħmar” u aċċċetaha, Kont qrajtha jien stess fuq ir-Rediffusion. Ftit wara nirċievi lira mill-kumpanija tar-Rediffusion. Kienet l-ewwel lira li qlajt f’ħajti.

            L-istejjer isiru kollha Malta u fuq karattri Maltin. Dak iż-żmien is-safar ma kienx għal-popolin. Jien kont noqgħod Burmarrad u lanqas noħolmu biss ma kont dwar safar.

            Il-karattri kienu purament Maltin u l-maġġoranza kienu fuq irħulha u nies tar-raħal. L-istejjer kienu stejjer li seta’  laqtu lil kulħadd, Kont inħobb nikteb stejjer unoristiċi. Fil-fatt, “stejjer mill-Għorfa” huma kollha stejjer umoristiċi li jirrakkontaw x’kien jiġri bejn Fra u Sagristan.

  •  L-imħabba hija l-qofol ta’ ħafna minn dawn l-istejjer.  Fl-istorja “Id-dota ta’ Marjetta” (p.24) naraw li minkejja li Marjeta kienet tgħin lil nannitha u kien maħsub li ser tieħu dota sew, hi fl-aħħar mill-aħħar għażlet li tħalli dawn il-flus lil missierha.  U dan minkejja suspett li l-maħbub kien riedha minħabba dawn il-flus.   Kemm tapprezzha dak li hu ġenwin?  Kemm taqbel li r-regħba hija l-kawża ta’ ħafna inkwiet ieħor? 

    L-imħabba hija l-qofol ta’ kważi l-kitba kollha tiegħi. Għax billi jien nikteb stejjer soċjali, stejjer ta’ familji, ma jistax ikun li ma tidħolx l-imħabba. Hemm l-imħabba vera u sinċiera u hemm ukoll l-imħabba traduta. L-istorja li semmejt hija mħabba sinċiera minn naħa waħda biss għax minn naħa tal-għarus l-imħabba kienet iżjed għal flus milli mħabba vera. Fejn m’hemmx il-ġenwinita` hemm il-gideb, hemm il-wiċċ b’ieħor u qatt ma jista’ jkun hemm kuntentizza dejjiema.

                Ir-regħba hija waħda mill-akbar difetti li jista’ jkollu l-bniedem. Huwa fatt li r-regħba hija kawża ta’ ħafna nkwiet ieħor. Fost dawn hemm dik r-rgħib qatt ma jkun kuntent b’li jkollu, dejjem irid iżjed, jitlef il-ħbieb, jekk ikollu. Jista’ jasal biex jieħu dak li m’għandux dritt għalih, eċċ.

    • Ġaladarba qed insemmu l-imħabba, rridu ngħidu li hija tema ċentrali ħafna fir-rumanzi tiegħek imma personalment narha toħroġ ħafna qawwija f’ Marlene – Meta l-qalb tħobb” li ħriġt fis-sena 2000.  Kemm hija importanti t-tema tal-imħabba fir-rumanzi tiegħek? 

    Ir-Rumanz “Marlene- meta l-qalb tħobb” inqisu bħala awtobiografija tiegħi, fis-sens li hi storja ta’ żewġ żgħażagħ li għexu fis-snin li għext jien, jiġifieri wara t-Tieni Gwerra Dinjija sakemm bdejt il-ħajja tax-xogħol. L-iskop li ktibtu kien li nuri liż-żgħżagħ tal-lum kif għexna bil-ħafna nuqqasijiet li kellna, speċjalment dawk li għexu fil-kampanja. Iż-żgħożigħa hija żmien ta’ mħabba, ansjeta`, u kurżita`, speċjalment fejn tidħol l-imħabba u s-sess. Barra l-mod ta’ ħajja li għexna l-istorja tal-imħabb bejn il-karattri prinċipali, Pawlu u Marlene, hija bejn wieħed u ieħor l-istess jew simili tagħhom. Meta kelli ntervista fuq l-R.T.K. dwar dan ir-rumanz l-ewwel domanda li staqsieni l-ġurnalist kienet “Pawlu tista’ kont int?” Weġibtu li iva. Ġie li erġajt qrajtu biex inġedded il-memorji ta’ tfuliti u żgħożiti.

    • Perit, semmejna ħafna dwar ir-rumanzi tiegħek imma ma nistgħux ma nsemmux il-poeżiji tiegħek.  Tajjeb li ngħidu li inti wkoll ħriġt ġabra ta’ poeżiji “Fejn tħabbat il-qalb” fl-1998, u membru tal-Għaqda Poeti Maltin fost oħrajn.   Xi tfisser għalik il-poeżija? 

    Il-poeżija hija l-espressjoni tal-emozzjonijiet tal-poeta. Fiha jesprimi l-ferħ, niket u serħan tal-moħħ. Poeżija ma tiktibiex jekk ma tħossiex. Ħafna poeżiji jinkitbu fl-ewwel persuna.

    Darba mpressjonajt ruħi meta koppja li ilna noħoġu magħhom iżjed minn ħamsa u għoxrin sena,meta tajthom il-ktieb tal-poeżi li ħriġt, il-mara, wara li qratu qaltli “Issa naf min hu Lawrence Gatt.” 

                Naħseb li l-poeta s-Sur Guże` Chetcuti, li llum m’għadux magħna, laqat il-musmar fuq rasu meta kiteb “Il-poeżija tinsab fis-saltna tal-ħolm b’dehriet ta’ ġmiel, ħajr u mħabba u b’ansjeta` u wġiegħ il-qalb”.

    • Semmejna ħafna intriċċi, tensjoni u inkwiet imma mhux l-ewwel darba li inti ġġib ukoll tbissima fil-qarreja speċjalment f’xi wħud min-novelli fejn tirrakonta sitwazzjoni normalissima mill-ħajja ta’ kuljum imma tista’ tkun jew imbarazanti jew sempliċiment sitwazzjoni ħelwa.  Importanti li nibqgħu nitbissmu. 

    Għalkemm ir-rumanzi tiegħi huma drammatiċi, episodji joħolqu tbissima. Pero` bħal ma semmejt int, ktibt novelli umoristiċi li joħolqu tbissima. Barra dawn ippubblikajt ktieb ta’ stejjer umoristiċi. Dan huwa “Stejjer mill-Għorfa”. Dan jikkonsisti f’numru ta’ stejjer dwar is-sitwazzjonijiet bejn Fra u Sagristan. Il-Fra jipprova jagħmel minn kollox biex jgħaddi lis-Sagristan biż-żmien imma ġie li daru fuqu. Dan kien l-ewwel ktieb li ppublikajt fl-1996. Kien intogħġob ħafna. Din is-sena ser nippubblika it-tieni ktieb b’dawn iż-żewġ karattri. Allaħares ma nitbissmux kultant.

    • Lawrence Gatt, wasalna fl-aħħar ta’ din l-intervista.  Imma ma nistax ma nsaqsikx xi proġetti għandek għall-futur. 

    L-ambizzjoni tiegħi hija li noħroġ ktieb fis-sena. F’dawn l-aħħar ħames snin, sal-2017 ippubblikajt  erbgħa kotba. Din is-sena ser nippubblika “Stejjer mill-Għorfa 2”. U għas-sena d-dieħla qed nikteb rumanz ieħor. S’issa wasalt f’nofsu. Nispera li nlaħħaq nippublikah is-sena d-dieħla.

Il-Kalċi qiegħed ifur

Ta’ Carmel Scicluna

Fit-tradizzjoni Kattolika l-kalċi għandu rabta mal-Imħabba, imma imħabba li toħroġ mit-tbatija.  Jidhirli li din hija t-tema prinċipali li toħroġ minn dawn il-poeżiji, kemm f’dawk li huma poeżiji ta’ mħabba:  Imħabba għat-tfajla li jħobb, imħabba għall-Knisja u fuq kollox imħabba għall-arti.  Hawnhekk iżda qed inkun simplistiku u noħroġ it-tema tal-imħabba minn dawn il-poeżiji għax il-qarrej ser isib bosta sorprizi.  Jekk inwessa’ ftit ukoll it-tixbiha tal-kalċi hija wkoll marbuta mal-passjoni, mal-enerġija li twassalna biex ngħixu u anke mmutu għal dak li nemmnu fih.  

Nibda billi ngħid għalhekk li l-poeżija ta’ Scicluna hija pjaċevoli fl-istil, b’saħħitha fil-metafora imma l-qarrej mhux ser isib il-messaġġ ċar li forsi kien ilu jistenna.  U dan huwa wkoll dak li sibt interessanti f’dawn il-poeżiji, li mhux bilfors iridu jwasslu ħsieb li jkun jirrifletti dak li tkun qed tgħix is-soċjeta’, ngħidu aħna ħsieb reliġjuż jew kif inhu aktar popolari dan l-aħħar xi ħsieb favur l-ambjent, kontra r-razziżmu jew favur l-ugwaljanzi.  Il-poeżija ta’ Scicluna ser twassal poeżija ta’mħabba li titlaq mill-istess weġgħat tagħha.  Ser tapprezza l-imħabba billi tifhem l-uġigħ tal-istess imħabba.  Temmen fil-Knisja Kattolika daqs kemm tweġġa’ b’xi nuqqasijiet tagħha, għallinqas kif insibu f’dawn il-poeżiji.  U dawn in-“nuqqasijiet” ċertament mhumiex dawk li tipponta lejhom is-soċjeta’ liberali.  Minkejja l-kumplessita’ fil-ħsieb ta’ Scilcuna, xorta waħda wieħed jista’ jidentifika kurrent ta’ ħsieb wieħed, li jistkerrah dak li huwa artifiċjali imma japprezza dak li hu naturali, li japprezza l-moralita’ u jiddiżgusta ruħu bin-nuqqas tagħha.  

Il-punt tat-tluq għaldaqstant jidher li jkun l-imħabba li tibda mill-familja.  Hawnhekk naraw deskrizzjonijiet kemmxejn qawwija, karatterizzati mill-kefrija tal-missier li jissimbolizzaw bl-aktar mod qawwi t-tkissir tal-familja li tilfet il-valuri.  Hawnhekk lit-tfajla jgħidilha “Ninħasdu bid-dell iswed ta’ missierek” (Dgħajsa tal-karti, p.51).  Iżda spiss naraw tixbihat li jitbiegħdu mill-metafora tradizzjonali u juża tixbihat misluta mill-istess ritratt li jieħu tal-familja mkissra, bħal ngħidu aħna “tfaċċa missierek, imbotta lil ommok fl-art u beżqilha” (p.56).  Fl-istess ħin, sabiex ifisser l-aktar ħsus ġewwiena, l-weġgħat li mhux faċli tfisser ti kliem, jinqeda b’metafori bħax-“xewk”, “dmugħ” (p.98), “ħolm li xxotta” (p.99), eżempju

“Id-dmugħ jispontali minn wardet ruħi.

Ix-xewk jinħbieli f’korollot imħabbti” (p.98). 

Waqtiet oħra jispira ruħu mill-ħrejjef, forsi anke biex ikompli joffri dan l-ambjent ta’ seħer f’dawn il-poeżiji, bħal ngħidu aħna mill-ħrafa ta’ Rapunzel fejn lil Jasmine jiddeskriviha bħala “muża ċkejkna” (p32) jagħraf xi ħaġa ħażina li ġrat u fi kliemu jiftakar 

“meta sammart widinti kiesħa

Mal-ħajt għoli u qadim li jifridna” (Tiftakar?, p.34). 

Il-poeta jikkritika mhux bis it-tkissir fil-familja imma l-ħajja ultra liberali moderna ippersonifikata (dejjem skont dan l-awtur)  permezz ta’ Lady Gaga (p.139) u jitwaħħax mill-ħażen tad-dinja (Fidelio, p.141).   

Saħansitra fil-Knisja Kattolika li tant iħobb il-poeta jara tnawwir b’referenza ċara għad-direzzjoni li bdiet tieħu l-Knisja wara Papa Benedittur XVI (p.220), l-aħħar Kap tal-Knisja li l-awtur jidher li jqis bħala l-Vigarju ta’ Kristu.   Fl-istess ħin, Scicluna jitpaxxa bil-wirt naturali (forsi l-aktar element li miegħu inħossni nassoċja), u naturalment il-wirt kulturali li jiċċelebra f’dan il-ktieb b’bosta poeżiji ispirati minn hekk.  

Il-poeżija ta’ Scilcuna hija bħal warda ġdida fil-poeżija kontemporanja u tinfatam minn temi progressivi u liberali li ddominaw dan l-aħħar snin u għaldaqstant tiftaħ beraħ kurrent ieħor ta’ ħsieb.  Jidhirli li l-ħsieb tal-poeta jimxi mal-liġi naturali u jixxennaq għall-qafas soċjali li jikkonserva l-valuri tradizzjonali.  Madankollu f’dawn il-poeżiji wieħed ser jistenna wkoll il-protesta u protesta ħarxa kontra kull min jitbiegħed minn dawn il-valuri u juża l-liċenzja artistika tiegħu li jfisser dan l-għadab tiegħu (u frustrazzjoni fl-istess ħin) bl-aktar mod qawwi.  

Il-ħsieb ta’ Scicluna tiġbru permezz ta’ dawn il-vrus: 

“Meta l-abjad iswed, 
l-iswed abjad, 
ulied il-poplu jimxu rashom ‘l isfel…
u meta jitbiegħdu xebgħana
mis-siġra tan-nofs,
jaqgħu fil-ħofra fit-tarf tat-triq,
wieħed wara l-ieħor waħda wara l-oħra” (Meta l-abjad iswed, p.211). 

Tilqima bi tbissima

F’kull post tax-xogħol ikun hemm numru ta’ stejjer ispirati mill-ħidma partikolari li donnhom jaqtgħu mir-rutina u jagħmlu tajjeb għal dawk il-mumenti ta’ għejja u tensjoni.    Huwa ħasra li ħafna drabi jibqgħu magħluqin fiċ-ċrieki tal-post tax-xogħol partikolari u ma joħorġux ‘il barra.  Mhux faċli biex dawn l-esperjenzi taqsamhom ma’ persuni oħrajn.  Mhux biss ikun jeħtieġ li tiġbor numru kbir ta’ esperjenzi imma jkun hemm tagħrif li jkun mifhum sew mill-ħaddiema partikolari imma mhux daqstant min-nies oħrajn.  Il-ħila ta’ William Grech hija li jirnexxielu jiġbor numru mdaqqas ta’ esperjenzi u jwassalhom lilna li ma naħdmux fil-qasam tas-saħħa, b’mod li nifhmu  u nidħqu.   Fil-fatt waqt li kont qed naqra dan il-ktieb fakkruni f’esperjenzi oħrajn mill-qasam tax-xogħol tiegħi u ċert li hekk ser jiġri lill-qarrejja waqt li qed jiggustaw dan l-aneddoti ħelwin li jġibulna tbissima.  

Punt ieħor pożittiv ta’ dan il-ktieb huwa propju t-tbissima.  Dan huwa ktieb ambjent fil-qasam tas-saħħa.  M’inix tabib u lanqas infermier imma kif jgħidu t-tbissima hija l-aqwa fejqan.   U sabiħ li Grech li jaħdem fil-qasam tas-saħħa, mhux qed ikun hemm biss meta l-aktar sfortunatament neħtiġuh, meta nimirdu, imma qed joffrielna wkoll it-tbissima – it-tbissima għall-ħajja aħjar.  Bit-tbissima ma nfiqux meta nkunu morda (għallinqas hekk naħseb jien) imma huwa dejjem tajjeb u sabiħ li fis-saħħa u fil-mard nibqgħu pożittivi.  

William Grech jikteb b’mod sempliċi ħafna bla ma jonqos mill-ispjegazzjonijiet u termini tekniċi.   Dan huwa importanti għaliex aħna nidħqu b’esperjenzi li mhux mistennija.  Vantaġġ għal Grech f’dan is-sens huwa li fil-qasam mediku wieħed jistenna l-biża’, t-tensjoni;  u hawn nirringrazja lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tas-saħħa, qasam hekk delikat, talli jkunu għalina f’dawk l-aktar mumenti kruċjali u meta l-aktar li neħtiġuhom.   Anke f’dawn l-istejjer, minkejja l-umoriżmu meħtieġ u importanti f’post tax-xogħol, nammiraw id-dedikazzjoni kbira ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam u napprezzaw ftit dak li jinvolvi dan ix-xogħol.  

Kif għidt, taħdem fejn taħdem faċilment tirrelata ma’ dawn l-aneddoti.  Min jaf fil-lukanda kemm -il darba bgħattna lil xi ħadd li jkun għadu ġdid jistaqsi għall-famuż ikel partikolari li ma jeżistix.  Mid-dehra l-istess ċajta tingħad fil-qasam tan-nersing, imma din id-darba għall-fallopian tubes.   Sakemm fl-aħħar xi ħadd tħassru u qallu biex jibgħathom jixxejru għax dawk il-fallopian tubes ma jeżistux (p.16).  Esperjenza differenti imma li wkoll titratta oġġett huwa li jingħata fowm tal-leħja flok fowm biex inaddaf il-forn (p.29).  U wieħed jista’ jimmaġina l-konsegwenzi wara!

U xi ngħidu għal meta persuna ntalab iġorr il-floppy disks u mar bl-istretcher għax ma fehemx x’kienu l-floppy disks!  (p.17).   It-teknoloġija mhux l-ewwel darba li kienet ta’ diffikulta’ f’xi ċirkostani partikolari bħal meta jieqaf il-monitor u jaħsbu li qalb il-pazjent tkun waqfet (p.162).   Kif wieħed jistanna mhux l-infirmiera biss ma jkunux jafu xi affarijiet imma anke l-pazjenti.  U min jaf daqs dawn nies li jiltaqgħu magħhom!   Biżżejjed insemmu dak il-pazjent li t-tabib tah żewġ suppożitorji u skont hu għamel eżatt kif qallu t-tabib u poġġihom fil-qalziet ta’ taħt … imma mingħajr ma deffishom ‘il ġewwa (p.192).  

Għandna mbagħad esperjenzi ta’ meta ma tkunx taf xi persuna bħal meta ners li jkun għadu jibda c-CCU u l-ordni kienet li ma jdaħħalx nies wara l-4.30.  Kien dak il-ħin iżda li ċċempel il-bieb ta’ barra u l-persuna tintroduċi lilha nfisha biss bħala “Moran”, iżda n-ners il-ġdid ikun pront jgħidlu li l-ħin tal-parlatorju kien spiċċa.  Naturalment ma jkunx intebah li kien il-Ministru Ċensu Moran.  

Ix-xogħol tal-infermiera sfortunatemtn imiss mat-tmiem il-vjaġġ tagħna f’din il-ħajja.  Napprezzaw li dan huwa wkoll xogħol li dawn in-nies professjonali jagħmlu biex aħjna jkollna tmiem dinjituż.  Naturalment hawn għandna xi numru ta’ ħasdiet u qtajja’ li jġibulna tbissima bħal meta l-infermier mar jiddritta l-pazjent mejjet  għal xi raġuni qisu rah jistira u jiċċaqlaq.  Ma jafx hux bil-fann jew l-għadam straħ iżda ħarab “gas down ‘il barra” (p.159). 

Dan huwa ktieb li ser ifakkarna fi praspar oħrajn minn tagħna fil-qasam tax-xogħol tagħna.  Miktub mexxej ħafna bla ma jonqos mill-aspetti tekniċi li jwasslu storja realistika sabiex mis-serjeta’ aktar toħroġ it-tbissima. Fuq kollox it-tbissima hija l-aqwa mediċina!  

Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 ta’ Lulju 2018