Ħin l-istejjer

Awtriċi: Lina Brockdorff

Pubblikazzjoni: Horizons

Il-qarrejja ta’ din il-paġna spiss jistaqsu għal kotba bi stil li hu mexxej, u mingħajr ħafna komplikazzjonijiet żejda, imma fl-istess ħin kotba ta’ kwalita’. Lina Brockdorf jirnexxielha tagħmel dan b’sengħa kbira. Iżżomm bilanċ tajjeb bejn kitba ta’ kwalita’ u dak li hu artistiku, u ħadma tajba tal-Malti u sempliċi biex ngħid hekk fl-istess ħin.
Dwar dan f’intervista esklussiva għal din il-Paġna nhar il-Ħadd 27 ta’ Marz 2017 Lina Brockdorff wieġbet li waqt li huwa vera li l-kitba hija l-aktar passatemp għal qalbha, imma aktar minn hekk tħares lejha bħala arti.
“Kull darba li nħoss fija l-ġibda jew xewqa li nibda xi kitba bejn nifraħ u bejn nibqa’ ftit lura għax naf li għalija ġejja sfida. Inħoss min jimbuttani biex infittex inniżżel ħsibijieti u min-naħa l-oħra naf li mhux lesta biex naċċetta kull ma jiġi f’moħħi mill-ewwel. Kull qasam tal-arti kemm jekk hi l-mużika, il-pittura jew semmi li trid, dawn kollha għandhom ir-regoli tagħhom biex tassew jissejħu artistiċi. L-istess il-kitba. Mhux kull ma jiġi f’rasi jew kull sentenza li nlissen fil-ħajja ta’ kuljum ma’ dawk ta’ madwari nista’ nsejjaħlu kitba tajjeb jew letterarju. Jeħtieġ li norqom kull ma jkun biħsiebni nikteb b’lenti qawwija biex minnu noħroġ dak li skont jien – għax dan dejjem jiddependi fuq lenti personali – jkun tassew miktub tajjeb u ġenwin, mhux repetizzjoni, li jinstema’ sabiħ għal widna tant li jħajrek tkompli taqra, jagħmel sens u jirrispetta l-kultura Maltija li fiha ngħixu. Aktar minn hekk nippjana li dak li ser nikteb ikun jappella b’xi mod lill-qarrej.”
Dan il-ktieb qed nippreżentah ukoll minħabba x-xewqa ta’ ħafna qarrejja li jaqraw stejjer qosra aktar milli fit-tul, fejn jaslu aktar malajr għall-qofol tal-istorja. Anke f’dan is-sens dan huwa ktieb ideali. Huwa bħal bukkett imżewwaq bi fjuri differenti, imma kull waħda tpaxxi lill-għajn. F’dan il-każ għandna ġabra ħelwa bi stejjer li waqtiet iħassbuk, waqtiet iġgħaluk tirrifletti, u oħrajn anke jġibulna tbissima ħelwa.
Uħud mill-istejjer joħduna fi żminijiet aktar imgħoddija, u Brockdorff għandha bosta esperjenzi għax żagħżugħa fil-ħsieb imma daqet saħansitra l-esperjenzi tal-gwerra. Imma aktar minn hekk, din l-awtriċi minn dejjem irnexxielha tiddokumenta anke jekk bi stejjer fittizji u oħrajn le esperjenzi ta’ Malta fl-imgħoddi u tatna narrattiva anke f’dan il-ktieb ta’ drawwiet u użanzi tal-imgħoddi. Xi stejjer oħra huma b’kuntest soċjali aktar riċenti. Għandna wkoll xi stejjer ispirati mill-Iskrittura, l-aktar it-Testment il-Ġdid fejn Brockdorff tibni storja li l-punt tat-tluq tagħha huwa dak Bibliku b’personaġġi Bibliċi.
Għandna stejjer fejn iġggħaluna nqisu kliemna u nwieżnu dak li ngħidu. Din il-lezzjoni li żgur tgħallem Mikiel bħala ġenitur (p.1-5) u kif kelma li qalet martu affetwat sew lil Ġina. Naraw ukoll kif meta ngħinu lil xi ħadd, bħal ma għamel is-Sur Peppin (p.7-11). Għandna stejjer b’kuntest Bibliku (p.19, p.33, p.41)

Ġabuli tbissima stejjer tassew ħelwin bħal dik tal-armla Grezzja (p.27). U ma kienx ikel li kinet tipprova tiġbor għall-qtates! U l-famużi praspar tal-istudenti, li lkoll għamlna jew smajna meta konna aktar imqarqċin. Bħal ma għamlet Simona (p.45) lill-għalliema li għal xi raġuni donnha ma kinetx taħmilha! Mhux kull storja imma tispiċċa ħażin f’dan il-ktieb. Għandna uħud li kif ngħidu għandhom tmiem feliċi anke fis-sens tradizzjonali ta’ bosta stejjer li ma jkunux iridu mnikkta. Hekk hija l-istorja ta ‘ Renata u Turu (p51) li kienu ġejjin minn familji li ma jarawx għajn b’għajn minħabba l-politika. L-istess għal Liliana (p.77) li baqgħet tittama u l-ħolma tagħha (li fil-fatt anke ħolmot bil-lejl) saret realtà. Għandna stejjer kif diġa semmejna ambjentati fi żmien il-gwerra (p.115) fejn naraw kif id-djar Maltin kienu miżgħudin bit-tfal u kif ħafna tfal kienu jmutu.
Is-sorpriżi ma jonqsux. Hekk kellu jkun għal Duminku, li kien ikun dejjem qalbu sewda wara li għaddiet għal ħajja aħjar il-mara tiegħu. Dan fi storja li għalija personali hija l-aktar waħda għal qalbi u rrid nammetti li kif qrajtha ġismi qamli xewk xewk. L-istess meta wieħed jaħseb minn dak li kellha tgħaddi minnu Ġorġa (p.71), mara fqira u riedet tibża’ għal unurha u tgħajjex il-familja u kellha żżomm kollox mistur.
Hawnhekk għandna ġabra ta’ stejjer qosra li tista’ taqrhom fil-ħin ħieles mingħajr ma tkun marbut li ssegwi storja mal-oħra. M’hemm ebda ħtieġa wkoll li taqrhom wara xulxin. Biss jien ċert li dawn l-istejjer ħelwin jagħmluha diffiċli lil kull min jaqbad dan il-ktieb biex jitilqu minn idejh.

(Paġna Letterarja, 6 t’Awwissu 2017)

Leave a Comment