Poeżiji satiriċi u oħrajn skont il-burdata
Emmanuel Attard Cassar
U min jgħid li l-poeżija bilfors trid tkun tqila jew diffiċli? Emmanuel Attard Cassar qed joffri soluzzjoni għal ħafna u ħafna li jixtiequ fil-fatt jibdew jaqraw xi poeżija u ma jafux minn fejn ser jibdew. Qabel inkompli iżda, rrid nagħmilha ċara li huwa l-ispazju limitat li żammni milli ma tantx nikteb dwar dawn il-poeżiji, għaliex minkejja ċ-ċokon intenzjonat ta’ dan il-ktieb wieħed jista’ joħloq diskussjonijiet sħaħ dwar il-bosta temi li jippreżenta Attard Cassar. Għaliex dawn il-poeżiji minkejja r-rima ħelwa u metrika tradizzjonali ma jingħalqux f’tema partikolari bħal ngħidu aħna l-patrijottiżmu jew it-tifħir reliġjuż. Waqt li ngħid għalija ma jidhirlix li t-temi ppreżentati jiskomodaw il-qarrej, żgur li joffru sfidi. Kif jgħid l-awtur stess fl-introduzzjoni tiegħu, dawn il-poeżiji jħarsu lejn aspetti mhux daqstant ħelwin li qed iseħħu fuq “din l-art ħelwa”. Il-ktieb huwa wieħed tematiku, u jikkonsisti f’7 poeżiji imma mbagħad 2 taqsimiet, bl-isem Qabel it-Tluq u Wara t-tluq li jikkonsistu fil-biċċa l-kbira fi kwartini.
L-awtur iħossu dmir li jwassal bosta messaġġi. Fost it-temi li jispikkaw hemm l-imħabba lejn il-proxxmu, eżempju
“Għamel l-isbaħ riverenza
Biex lil Alla jadurah;
Imbagħad bidel it-triq tiegħu
Biex lil sieħbu jiskartah” (Fil-Knisja, p.16)
Din għandha toħroġ ukoll fir-rispett lejn dawk li ġew ifittxu kenn f’pajjiżna. Fil-poeżija “Ejja ‘l Hawn” (p.18) jgħidilna:
“Qaltlu: Come here
ħi, ħanini,
Don’t stay near
the klandestini”
Daqstant ieħor huwa ħażin li niġġudikaw
“Mill-ewwel ngħidu tagħna.
Fil-pront niġġudikaw.
Imbagħad jekk jgħidu fuqna
ninħasdu w ninkwetaw” (p.21).
Jikkritika l-abbuż fuq il-post tax-xogħol fosthom permezz tas-“Sick leave” (p.19)
“Kellu bżonn ibajjad kamra
U malajr għat-tabib bagħat.
Qallu: “Dott dahri x’juġagħni!
Għandi bżonn ċertifikat”
Meta wieħed jifli dawn il-vrus jara karattru Mediterranju – karattru Malti. Isemmi ngħidu aħna n-nuqqas ta’ dixxiplina (p.30) Inħarsu lejna nfusna npoġġu jdejna fuq qalbna u ngħidu li f’xi aspetti nonqsu. Ippreżentajt il-poeżiji sħaħ apposta, mhux biss biex wieħed jieħu togħma ta’ x’se jsib f’dan il-ktieb imma anke biex naraw kif dawn il-kritika lejna nfusna tista’ ssir anke billi nibqgħu bit-tbissima.
Il-polariżmu partiġjan huwa ċar:
“Tisma’ x’tgħid l-oppożizzjoni
tgħid li hawn qagħad u staġnar.
Skont il-gvern il-pajjiż tagħna
qatt u qatt ma kien aħjar”(p.29).
Imma lanqas iż-żewġ partiti l-kbar ma jeħilsuha mill-poeta tagħna. Jgħidilna:
“Qabel l-elezzjoni
waslu ċ-ċekkijiet.
Wara l-elezzjoni
waslu l-kontijiet” (p.26)
Bl-istess mod naraw kif minn gvern “mimli tbagħbis” (p.45) fl-oppożizzjoni “isir qaddis”. Mhux ta’ b’xejn Iż-żgħażugħ bil-headphones f’widnejh u ma jisma’ xejn (p.1).
Kull poeżija, anke jekk kwartina, toffri diskussjoni sħiħa. Wieħed jinnota wkoll il-Malti mħallat ma’ kliem Ingliż, b’mod intenzjonat biex l-awtur bħal joħroġ fil-beraħ il-mod kif anke qed inkissru dan l-ilsien.
F’dawn il-poeżiji joħroġ kemm il-karattru umli ta’ Attard Cassar kif ukoll il-prinċipji tiegħu li l-interpretazzjoni tiegħi hija li huma konservattivi f’dawk li huma valuri speċjalment dawk ispirati minn dawk Insara, imma progressiv ħafna fl-aspett soċjali, speċjalment fil-kuxjenza soċjali għall-batut. Twemmin ngħid jien li jqarreb ukoll ma’ dak ta’ Papa Franġisku.
Dan huwa ktieb li kif għidt il-bidu nissuġġerixxi ħafna, speċjalment għal min jixtieq jibda jiggosta l-poeżija. Imma fis-sempliċita’ tal-kliem, hemm ukoll riflessjoni u xi waqtiet…anke twiddiba.