Ġabra ta’ Poeżiji ta’ John P. Portelli
Il-bagalja hija assoċjata mal-vjaġġ imma hija sinonima wkoll ma’ dak li nitfgħu fiha waqt il-vjaġġ tagħna. John P. Portelli (Professur) jgħaqqad dawn iż-żewġ elementi għax waqt li jimraħ fi spazji differenti qed ikompli iżid mal-esperjenzi li jibnuh u valuri li jsawruh.
Il-bidu ta’ dan il-ktieb huwa l-punt tat-tluq li jħalli warajh passi li ma jitħassrux malajr, ħbiberija u tradizzjonijiet. Fuq kollox il-biża’ li ma jiltaqax mal-għeżież tiegħu (p.14). Minn hawn l-awtur jivjaġġa fi spazji li jmorru lil hinn minn xtutna, propju fil-Kanada. Fil-Kanada għex bħala emigrant; bħala Malti bit-tradizzjonijet tiegħu f’art li wara kollox kienet it-tieni pajjiż tiegħu. L-impressjoni li din it-transizzjoni hija mingħajr ħotob hija waħda żbaljata għaliex il-Maltin iħabbtu wiċċhom ma’ bosta sfidi sakemm isibu saqajhom u jadattaw f’ambjenti differenti minn dawk li jkunu trabbew fih. Portelli joffrielna xenarju bħala eżempju ta’ diffikultà meta jiġi mistoqsi jekk hux mill-Armenja jew mill-Lebanon jew Spanjol jew Taljan, għax kif jgħid hu d-dehra tiegħu ma kinetx ta’ Kanadiz. Imma wara kollox huwa Kanadiz (I was asked, p.34). Dawn l-isfidi xprunawh biex jixxennaq għal dinja bla fruntieri (p.38, p.60). L-agħar forom ta’ dawn il-fruntieri jwassal fiċ-ċimiterju fil-baħar bl-imwiet ta’ numru kbir ta’ persuni li jippruvaw jaqsmu sabiex isibu tama aħjar f’artijiet oħra (p.22). Il-bagalja għaldaqstant narha tirrapreżenta wkoll il-valuri li huwa jħaddan, bena u jibqa’ jġorr miegħu. Irid iwassal vuċi permezz tal-poeżija, ma jistax jibqa’ silenzjuż għaliex b’rieda jista’ jilħaq l-ideal tiegħu – dak tal-imħabba (p.32).
Portelli għaldaqstant huwa vjaġġatur. Qabel xejn hawn joħodna f’numru ta’ postijiet mill-Imdina (p.64), Lisbona (p.78), u fuq kollox il-Kanada. Jitpaxxa bil-ġmiel tan-natura madwaru
natura u jixxennaq għal-liberta’ u saħansitra jisfida l-kurrent. Anke f’dik li hi għażla tal-kelma, dan l-awtur jinfatam minn metafori komuni bħal gawwi fil-maltemp u jislet il-metafora minn dak li josserva waqt il-vjaġġ tiegħu. Il-liberta’, flimkien mal-ġustizzja u d-drittijiet, hija ideal li huwa jixtieq jilaq (p.66) Għalhekk ngħidu aħna naraw Filfla li hija waħidha f’nofs ta’ baħar (p.70), u nesperjenzaw is-skiet tal-imdina (p.64).
Iżda l-poeta jagħmel ukoll vjaġġ intelletwali fejn jgħaqqad il-ħsieb mal-qalb u r-ruħ biex ifiser it-tqanqil ta’ ġo fih u l-emozzjonijiet qawwija (p.80,82). Hija imħabba li tibqa’ u ma tistax titħassar (p.24)
Fuq kollox iħares lejn il-ħajja fiha nfisha bħala vjaġġ li twassal biex nerġgħu immorru minn fejn tlaqna (p.16). Dan jagħmlu fil-poeżija dedikata lil missieru fejn iħoss it-telfa tiegħu, iżda l-Fidi tal-poeta li ġiet mogħtija lilu minn missieru stess tagħtih din it-tama ġdida.
F’dak li għandu x’jasam ma’ stil u metrika Portelli jimraħ fis-sbuħija tal-kelma li permezz tagħha joħloq stampa u jwassal il-ħsejjes u vuċijiet li jibqgħu jidwu f’moħħ il-qarrej. Għal kull poeżija bl-ingliż li għandna, biswit tagħha nsibu traduzzjoni bil-Franċiż minn Elizabeth Grech. Id-disinn tal-qoxra huwa ta’ Terence Portelli.
John P. Portelli huwa Professur u minbarra numru sabiħ ta’ xogħlijiet akkademiċi ħareġ kotba ta’ poeżiji ispirati mill-qasam li huwa jispeċjalizza fih fosthom il-ġustizzja soċjali, l-ekoloġija u l-esperjenza soċjali u eżistenzjali umana.
(Pagna Letterarja 11 ta’ Gunju 2017) — with John Portelli.