Nitkellmu ma’ Terry Muscat
s-Sinjura Terry Muscat għandha 47 sena , miżżewġa lil-Pawlu u għandhom żewgt itfal Andreas u Elena. Minn Birkirkara u baqgħet tgħix Birkirkara. Barra li tieħu ħsieb il-familja u d-dar tgħin lir-raġel tagħha fix-xogħol artiġjanali li jagħmel. Darbtejn fil-ġimgħa tippreżenta żewg programmi fuq l-istazzjon tar-radju Bkr 94.5fm. L-ewwel programm ‘Ftit min Kollox’ kull nhar ta’ Tlieta fl-għaxra ta’ filgħodu b’mużika, informazzjoni u attwalita. U nhar ta’ Erbgħa ‘Romantic Mix’ min-nofs siegħa sas-sagħtejn b’mużika rilassanti. Tagħti wkoll servizz fil-Bażilka Santa Elena permezz tal-grupp tal-kitarri fil-quddies tas-Sibt fil-5:30pm. Membru fil-kor parokkjali u flimkien ma’ żewġha jieħdu ħsieb il-Fratellanzi Santa Elena. Tlett snin ilu waqqfet il-grupp letterarju ‘Muża Karkariża’.
O. Terry bilfors ikolli nibda bl-attivita’ riċenti tagħkom. Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara flimkien ma’ “Muża Karkariża” se jorganizza attività oħra bit-tema “Birkirkara maż-Żminijiet”, propju nhar is-Sibt 10 ta’ Ġunju mis-7.30pm ‘il quddiem. Din se tkun lejla mżewqa b’talent mużikali lokali u tibda fis-7.30 pm, faċċata tal-għassa. X’ser inkunu qed nistennew f’din l-attivita’?
T. Bħal kull attivita preċedenti awturi u poeti Karkariżi jew dawk li joqogħdu Birkirkara jsemmgħulna qari li jkunu kitbu huma stess għat-tema magħżula għall-okkażjoni. Flimkien magħhom jingħaqdu mużiċisti u kantanti Karkariżi biex iżewqu din l-attivita bit-talenti tagħhom. F’kull attivita nistiednu xi awturi biex jingħaqdu magħna.
O. Naf li fil-fatt din mhux l-ewwel serata ta’ “Muża Karkariża”. Imma kif twaqqaf dan il-grupp? U meta kien?
T. ‘Muża Karkariża’ twaqfet fl-2014 meta l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ddeċieda li jorganizza għall-ewwel darba ‘Birkirkara u l-Fuħħar’ fit-toroq prinċipali ta’ Birkirkara. Dakinhar waqt laqgħa li saret għall-għaqdiet kollha ta’ Birkirkara urejt il-ħsieb li nagħmlu xi ħaġa differenti. Kelli f’moħħi li ngħaqqad l-awturi li għandna f’Birkirkara. Il-ħsieb ewlieni tiegħi kien li l-letteratura toħroġ mill-kotba u tinstema fit-toroq għall kull min irid jisma. B’approvazzjoni u għajnuna tas-Sindku Joanne Debono Grech dan il-ħsieb sar realta.
O. Issa saru bosta serati b’temi bħal “Birkirkara fis-sekli Għoxrin”. Kemm saru serati s’issa?
T. Min dik l-okkazjoni tal-2014 saru tmien serati fejn l-interess żdied u l-attendenza kienet dejjem tikber.
O. Il-lejliet letterarji jsiru f’inħawi tassew sbieħ f’Birkirkara li minnhom infushom joħolqu sfond tajjeb bħal Knisja tal-Vitorja, l-Isqaq tas-sorijiet, is-santwarju tal-Ħerba. X’valur tagħti l-letteratura kemm għall-Birkirkara u għal ambjent soċjo-kulturali tagħna?
T. Fl-okkazjoni tar-Randan fl-2016 saret fis-Santwarju tal-Ħerba u din is-sena saret fil-Kappellun tal-Agunija fil-Bażilka Santa Elena. Filwaqt li fl-2016 saret serata fi żmien il-festa ta’ Santa Elena. L-attivitajiet l-oħrajn saru f’diversi toroq fejn il-miġemgħa tkompli tidħol fl-atmosfera tas-siltiet moqrija bl-għajnuna tal-ambjent uniku li nsibu fit-toroq antiki li hawn fil-qalba tal-irħula tagħna. F’ħafna min dawn it-toroq hemm stejjer li qatt ma smajna jew li ma nafux bihom għalhekk permezz ta’ dawn l-awturi u l-kitbiet tagħhom nerġgħu lura fiż-żmien, niftakru u nitgħallmu kif kienet il-ħajja ta’ missierijietna. Fil-kitbiet nistgħu insibu kif kienu jgħixu niesna, minn fejn giet il-kelma, kif kienu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum, il-laqmijiet, id-drawwiet u tradizzjonijiet, fejn u kif kienu jgħixu, u kif ir-reliġjon kienet taffetwhom f’dak kollu li jagħmlu. Min dan kollu nirrealizaw anke il-faqar li kienu jgħixu fih, is-sempliċita f’dak kollu li kienu jagħmlu u anke xi tbatija li għaddew minna.(bla ma rridu nidħlu fil-fond nistaqsu lilna nfusna bil-moderniżmu kollu għamilna progress jew rigress) ??
O. Fil-fatt irridu ngħidu li dan il-valur letterarju għandu wkoll l-appoġġ tal-Kunsill Lokali. Grazzi għall-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara xi kitbiet inġabru fi ktieb bl-isem Muża Karkariża. X’ifisser għalik din?
T. Dawn l-iljieli letterarji aktar ma jmur aktar bdew jiġbdu interess mill-pubbliku preżenti għalhekk l-awturi urew ix-xewqa li dawn il-kitbiet tas-serati organizzati ma jintilfux, fuq inizjattiva u l-appoġġ tas-Sindku u Kunsill Lokali ta’ Birkirkara il-kitbiet tal-ewwel seba’ serati ġew miġbura fi ktieb bl-isem ‘Muża Karkariza’. Dan l-istess ktieb jista’ jinkiseb mill-Kunsill Lokali għal donazzjoni ta’ 5 euro li tmur għall ‘Community Chest fund’. Dan il-ktieb gie mqassam fl-iskejjel kollha li jinsabu f’Birkirkara u f’diversi okkazjonijiet jingħata bħala premju. Għalija u għal kittieba huwa ta’ sodisfazzjon kbir meta tara li l-Kunsill qed japprezza dan ix-xogħol volontarju. Għal dawk kollha li jixtiequ jsiru jafu aktar fuq dan il-grupp jistgħu jużaw il-paġna fuq is-sit ta FB ‘Muża Karkariża’ u hemm jiksbu informazzjoni fuq l-attivitajiet li diġa kellna u li se jsiru fil-futur. Wieħed jista’ aktar jifhem l-element soċjo-kulturali li hemm f’dawn l-attivitajiet speċjalment meta wieħed jaqra s-siltiet tal-awturi kollha fuq din il-paġna
O. Kemm hu importanti s-sehem tal-Kunsill Lokal f’dan ir-rigward? Anke għall-fatt li l-Kunsill, ikun ta’ liema raħal ikun, ma jibqax marbut biss ma’ xogħlijiet infrastrutturali li huma importanti imma anke ma’ kultura.
T. Wieħed mill-għanijiet li għandu jkollu Kunsill huwa li jimbotta `l quddiem il-Kultura , it-tagħlim u l-identita ta’ kull Belt jew Raħal. Il-kunsill għandu d-dmir li jxerred il-kultura u jesponi t-talenti u l-ħiliet differenti taċ-ċittadini ta’ dak il-lokal. Fil-fatt ‘Muża Karkariża’ kellha dejjem is-sostenn u l-appoġġ tal-Kunsill ta’ Birkirkara biex tkun tista ittella’ dawn is-serati.
O. Nixtieq nikkonferma li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara dejjem ħadmet fil-qrib ukoll mal-Għaqda Poeti Maltin li tagħha jien servejt bħala Viċi President u Aġent President, billi flimkien konna nirrapprezentaw lill-pajjiżna u ningħaqdu mad-dinja fl-attivita’ internazzjonali magħrufa bħala l-Mitt elf poeta għall-Paċi.
… Irrid ngħid li meta ġejt, għalkemm jien mhux minn Birkirkara ħadt gost ħafna, għaliex Birkirkara wara kollox hija parti minn pajjiżi Malta. Id-drawwiet li semmew l-awturi huma drawwiet Maltin. F’serata minnhom stajt niggosta ngħidu aħna d-djalett Karkariż, u dan huwa importanti għaliex il-varjant tal-lingwa huwa essenzjali fl-apprezzament ta’ lsien pajjiżna. Bħala Karkariża kemm huma importanti li permezz tal-kitbiet u l-esperjenza ħajja nqanqlu dawn l-element li jagħmlu lill-Karkariżi uniċi u jagħtuhom identita’?
T. Fil-kitbiet joħorġu fil-beraħ drawwiet, il-lingwa mitkellma bid-djalett Karkariż u r-rabta tal-ħajja tal-Karkariżi speċjalment mal-Kolleġgjata u l-knisja ta’ Santa Liena. Fejn għal mijiet ta’ snin kienet il-qofol tal-ħajja ta’ dan ir-raħal antik bi storja kbira li forsi ftit hija magħrufa mal-Maltin. Fil-fatt dawn l-esperjenzi miktuba huma qawmien ġdid u nostalġija fl-istess ħin għal kull min jkun qed jisma speċjalment għal dawk li għandhom għal qalbhom il-belt tagħna Birkirkara. F’ħafna mill-kitbiet insibu ġrajjiet uniċi li sawru l-istorja tar-raħal tagħna. Bħal pereżempju l-imblokk tal-Franċiżi, il-wasla tal-ilma fil-Belt, it-twaqqif tal-ewwel Kolleġġjata f’Malta, il-wasla tal-qanpiena kbira, s-sehem ta’ Birkirkara fit-tieni gwerra dinjija u ħafna aktar. Dawn il-kitbiet lili u ħafna bħali jġedduli l-identita’ li ħafna drabi nitilfuha maż-żminijiet.
O. Għaż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa har it-Tlieta 11 ta’ April ikkoordinajt lejla ta’ qari lejla letterarja “l-Ikbar Imħabba”, dwar ir-Randan u l-Passjoni, fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena. Minn serata soċjo-kulturali ispirata mill-ambjent Karkariż għal dik soċjo-reliġuża ispirata mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. X’ħeġġiġkom torganizzaw din is-serata?
T. L-ewwel serata għal żmien ir-Randan saret fis-Santwarju tal-Ħerba. Din is-sena ħsibna biex din l-attivita soċjo-reliġjuża nagħmluha fil-Kolleġgjata fl-ambjent tal-Kappellun tal-Kurċifiss. Din saret f’waħda mill-ġranet tal-Gimgħa Mqaddża li llkoll nafu li din il-ġimgħa hija waħda importanti fil-kalendarju spiritwali/kulturali għalina l-Maltin. Għall din il-ġrajja l-awturi u l-mużiċisti daħluna fi ħsibijiet li jirreflettu t-tbatija ta’ individwi mqabbla ma dik tal-passjoni ta’ Kristu. Fil-ħajja tagħna ngħaddu min tbatijiet u inġustizzji fosthom mard, gwerer u abort. F’dawn iż-żminijiet nirreflettu aktar dwar dan u nqablu dan kollu mat-tbatija u l-passjoni ta’ Ġesu Kristu.
O. L-awturi huma ovvjament dawk li jagħmlu dawn il-lejliet letterarji. Birkirkara kburin li għandkom numru sabiħ ta’ awturi kbar. Insemmi fost oħrajn lil Ġorġ Peresso, Tarcisio Zarb, Charles Briffa, Philip Borg, Charles Mifsud, Charles Spiteri, Anton Grasso, Ninu Borg, Therese Pace, Wayne Farrugia, P. Angelo Mamo, Philip Borg u oħrajn. X’tikkummenta dwar dan?
T. Ikolli ngħid li huwa ta’ unur għalija li naħdem flimkien ma’ dawn l-awturi u nħossni fortunata li permezz ta’ dawn l-attivitajiet qiegħda nitgħallem ħafna mill-esperjenzi u l-kitbiet tagħhom. Kien ikun ħasra li ma’ nużawx talent u esperjenza kbira bħall ma’ għandhom dawn l-awturi u poeti Karkarizi, fejn uħud minnhom rebħu konkorsi u magħrufin sew fil-qasam tal-letteratura Maltija, midħla sew tax-xandir, ġurnalisti u għalliema li għadhom jagħtu kontribut siewi sal-ġurnata tal-lumm. Xi ħaga li tolqotni ħafna huwa il-mod kif dawn l-awturi joħorġu d-diversita’ ta’ kull wieħed u waħda minnhom fejn ħafna mill-kitbiet toħroġ il-ħajja fejn terqu u għexu fil-qalba ta’ dan ir-raħal. Kull wieħed jesprimi ruħu bl-istil differenti u l-kitba unika tagħhom. Nieħu gost nisma l-lingwa Maltija li huma tant jirrispettaw u jħobbu. Dawn l-attivitajiet iservu ukoll biex nsemmgħu din il-lingwa li forsi biż-żmien sfortunatament għad tintilef jew tiddakar bħall ma diġa qed isir. Jiddispjaċini ħafna meta wieħed juri disprezz u jistħi jitkellem b’din il-lingwa li ssawret minn żminijiet ilu.
O. Inti wkoll attiva fir-radju lokali BKR Radio li jinstema’ fuq DAB u anke 94.5FM. Fost oħrajn magħrufa għal-programm “Ftit minn kollox”. X’tinvolvi l-ħidma tiegħek f’dan ir-radju?
T. Kif għidt fil-bidu għall dawn l-aħħar seba’ snin nagħti s-sehem tiegħi fuq dan ir-radju Bkr 94.5 li jxandar fuq frekwenza fm, sistema diġitali u permezz tal-internet. Ix-xandir huwa għall qalbi ħafna u nkun qed nistenna bil-ħerqa il-ġurnata tal-programmi u niprova li dejjem inkun preparata. Kif tafu dan huwa xogħol volontarju u għalhekk wieħed jista jaħseb li ma hemmx għalfejn jittieħed bis-serjeta, imma mhux il-kaz. Is-sabiħ tal-programmi hu il-kuntatt mas-semmiegħa li b’ġentilezza japrezzaw ix-xogħol u l-ħin li tkun qed tagħti. U propju dak huwa wieħed mis-sodisfazzjon tal-volontarjat li tagħmlu mingħajr ħlas izda tagħmlu b’imħabba u tirċievi ħafna aktar lura. Hija ħasra u ta’ dispjaċir li stazzjonijiet tal-komunita li joffru programmi edukattivi u ta’ kultura li ma sibhomx fuq stazzjonijiet akbar, ma jkollhomx għajnuna finanzjarja biex immexxu dawn l-istazzjonijiet.
O. L-aħħar kelma mingħandek xtaqtek tgħid kelma lill-qarrejja tat-Torċa, speċjalment liż-żgħażagħ biex inħeġġuhom jagħtu aktar sehem lill-irħula tagħhom bħal ma wara kollox qed tagħmel int.
T. Jien nixtieq ninkorraġixxi żgħażagħ biex almenu jagħtu siegħa jew sagħtejn fil-ġimgħa għall ħidma volontarja. Kullħadd għandu ħiliet differenti u żgur li kulħadd għandu x’jofri. M’hemmx bżonn immorru l-bogħod, nibdew mill-irħula jew belt fejn wieħed jġħix li żgur li nixtiequ li jkun aħjar għalina u għall familji tagħna. Dan nistgħu nagħmluh billi nagħtu kontribut lil xi għaqda, Kunsill Lokali jew fil-paroċċa tagħna. Importanti wkoll li fiż-żminijiet tal-lumm fejn ngħixu f’ħajja mgħaġġla, nibdew billi wieħed jagħti eżempju lit-tfal tagħna biex jagħtu s-sehem tagħhom fis-soċjeta. Naħseb li b’hekk għall quddiem ikollna aktar ċittadini maturi li jagħrfu li bis-sehem tagħhom jistgħu jagħmlu differenza fl-ambjent u l-ħajja fejn jgħixu.
(Pagna Letterarja 4 ta’ Gunju 2017)