Kapitali

Awtur: Wayne Flask

Ikollna nammettu li l-Maltin jogħxew dwar kitba b’battuti politiċi.  Jekk nieħdu bħala referenza l-litteriżmu ġdid permezz tal-media soċjali huwa biżżejjed biex naraw numru ta’ kontenut permezz ta’ ritratti u vidjows, maħluq b’mod dilettant iżda qed jilħaq ħafna nies. 

Imma dan mhux każ iżolat biss għal din il-blata.  Nammetti li nħossni limitat dwar ir-riċerka u l-qari tiegħu ta’ kotba barranin simili.   F’dak li għandu x’jaqsam ma’ satira politika imma nara ftit xebh ma’ Al Fanken li tana numru ta’ kotba bħal Lies and the Lying Liars Who Tell Them, u The Truth (With Jokes) għalkemm dawn jieħdu bixra liberali u x’aktarx jikkritikaw lir-Republikani.  Insegwi ħafna l-komiċi u mużiċisti taljani li kkritikaw bil-bosta s-sistema politika taljana kif ukoll il-kriminalita’ organizzata, u nqdew bl-arti bħala ġurnaliżmu kritku bit-tama għal dinja aħjar.  Ngħidu aħna mużiċista li nammira ħafna u nqabblu ħafna ma’ Wayne Flask huwa Giorgio Gaber.  Gaber bħal Flask, ma jiddejjaq xejn li jniggeż iż-żewġ naħat.  Nista’ ninkludi wkoll lil kbir Adriano Celentano li niftakruh ukoll fis-sensiela televiżiva Rockpolitik.   L-awtur isemmi wkoll l-influwenzi ta’ Frankie Boyle.  

Ma nistax ma nsemmix ukoll attentati f’Malta fosthom dawk t’Alex Vella Gera u Mark Vella.   

Ir-rumanz jinbena fuq in-narrazzjoni taż-żewġ karattri ewlenin,  Daniel Borg u Robert Rutter Miceli, wieħed laburist u l-ieħor nazzjonalist.  Hawnhekk l-awtur ħoloq żewġ sterjotipi, nimmaġina li eseġera dan il-punt apposta biex mid-differenza ideoloġika mbagħad iwassal għal konverġenza f’dak li għandu x’jaqsa mat-tnawwir tal-politika vera, li tikkomprometti saħansitra l-istess valuri u ideoloġija tal-valuri.  Fi kliem ieħor żewġ naħat tal-istess munita.  Daniel Borg huwa min-naħa t-isfel ta’ Malta u mill-klassi tal-ħaddiema.  Robert huwa minn Tas-Sliema u jitkellem bl-Ingliż kif inhi wkoll in-narrazzjoni tiegħu.   

Dawn iż-żewġ karattri jagħtu lok lill-awtur li jżomm distanza mill-kuntest u jibqa’ politikament “imparzjali” waqt li fl-istess ħin xorta jirrakonta fl-ewwel persuna biex il-qarrej jirrelata anke huwa mal-esperjenza.  Meta qed ngħid imparzjali fis-sena ta’ aħmar jew blu għaliex għal bosta drabi l-awtur jesprimi ruħu politikament.  Ma jiddejjaq xejn jitfa’ xi battura kontra l-qerda ambjentali il-politika ta’ George W. Bush u l-korruzzjoni.  Fil-fatt meta kien żagħżugħ li joħlom u jidealizza fuq il-kampus tal-universita’, aktar kienet din il-gwerra li kienet l-ispunt biex jissieħeb fil-graffiti.  Waqt li l-awtur għandu aġenda wkoll, bħalma semmejt dik ambjentali, kontra l-korruzzjoni, kontra r-razziżmu eċċ, ma jiddejjaq xejn lanqas jikkritika l-korrettezza poltika żejda. 

Għalkemm personalement ħassejt li mhux dejjem faċli kien li ssegwi l-istorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kontwinita’, dawn iż-żewġ karattri u oħrajn li jidħlu magħhom jgħinnuk tibni ftit ftit dak li ġarrbu dawn iż-żewġ karattri b’mod kronoloġiku.  Ninnutaw il-bidla f’dawn iż-żewġ persuni, kif evolvew u dak ukoll li ma ċedewx mit-twemmin tagħhom.  Ta’ min wieħed jgħid li l-ktieb jibda fiż-żmien tal-llum biex jibni karikatura tal-parlament b’referenzi diretti u allużjonijiet oħra lejn xi membri parlamentari.  Imbagħad imur lura għal meta Daniel u Robert kienu tfal.  

Għalkemm Daniel u Robert huma ż-żewġ karattri prinċipali, Dr Davior Fiteni huwa l-protagonist minn wara l-kwinti li donnha madwaru tibni l-istorja.  

Iżda mbagħad ġara xi ħaġa li tagħti spunt differenti lill-istorja.  L-elezzjoni tal-2013 li tat rebħa kbira li mhux imdorrijin naraw bħalha lill-Partit Laburista (u ġiet repetuta fl-2017).   Din ir-rebħa (għalkemm fil-fehma tiegħi naħseb li kienet mistennija minn attivisit tal-PN), fil-ktieb qiegħda mifhuma bħala sorpriża għal familja ta’ Robert u oħrajn.  Jidhirli li anke hawn l-awtur ried joħroġ aktar l-element li l-PN qishom iddominaw ix-xena politika u ntrabtu wisq mas-siġġu tal-poter.  Għal familja ta’ Robert qisna wasalna fl-aħħar tad-dinja.  Raġuni oħra għaliex naħseb li l-awtur jenfasizza din ir-rebħa huwa sabiex joħroġ aktar l-element ta’ stennija u tama li kien hemm fost l-elettorat, li kien qed jistenna bidla li kienet kbira daqs kemm kienet dik tal-figuri f’termini elettorali. L-awtur jonfoħ dan l-aspett biex wara joħroġ aktar bil-qawwa li d-differenza bejn iż-żewġ partiti hija waħda kożmetika, iżda l-libsa sabiħa mtebba’ b’allegati korruzzjoni. 

L-aqwa ta’ Flask jidher aktar fi-satira milli fin-novella nfisha.  Aktar minn 300 paġna ta’ satira politika li ġġiblek tbissima daqs kemm ma ġġgħalekx ukoll tagħrbel dak li temmen fih u tirrifletti.  Fuq kollox għandna forma ta’ protesta kontra l-istess sistema politika.  Il-ħila ta’ dan l-awtur hija li jaf ikun realistiku u ċiniku fl-istess ħin.   Nemmen li ġenwinament dawn l-awtur jixtieq Malta aħjar, Malta nadifa minn kull korruzzjoni u politika fl-interess tal-poplu.  

L-aktar aspett pożittiv minn ktieb bħal dan ta’ Flask huwa li jitbiegħed mill-konformiżmu, u ma jibżax jikkritika l-opportuniżmu.  Sinċerament nittama li dan l-ispirtu jibqa’ b’saħħtu anke fost l-għaqdiet u gruppi letterarji u jkun għajb kieku fil-letteratura jitwieldu ċrieki fejn awturi jħokku dahar xulxin jew idoqqu l-istess trombi .   

Meta qrajt biċċa sewwa minn dan il-ktieb intbaht li wara kollox anke jien għandi lenti u f’xi drabi ħassejtni nitwaħħad mat-trobbija diffiċli ma’ Daniel, ħassejt l-istess entużjażmu ta’ rebħa elettorali u fl-istess ħin ċerta kritika qisha skomodatni.  Hawnhekk iżda naħseb li l-awtur ikun laħaq l-għan tiegħu.  Wara li togħġobna jew ma togħġobniex l-istorja fil-forma ta’ thriller mingħajr ma trid taħseb b’mod aktar oġġettiv u forsi tħares lejn il-ħajja mhux mil-lenti blu jew ħamra.  

U anke jekk il-kulur tal-lenti tal-qoxra ma tkunx togħġbok, għax tkun tixtieqha ħamra u tinzerta blu, ma jkun ġara xejn!  

Leave a Comment