Daniel Rondeau
Maqlub għall-Malti minn Toni Aquilina
Pubblikazzjoni: Faraxa
Huwa normali li nieħdu gost meta l-barranin jgħixu kelma tajba dwar Malta. Wisq aktar meta din tiġi minn persuna ta’ ċerta pożizzjoni għolja li l-kelma tiegħu hija reklam u ċertifikat tajjeb għal pajjiżna. Mil-lat letterarju, il-pożizzjoni ta’ xi ħadd barrani tkun differenti ħafna minn dik tal-lokal u dan jagħti dan il-ktieb ċerta valur. Malta għalina tfisser kollox – l-omm li tatna isimha. Imma kif jidher dan il-pajjiż ċkejken mill-lenti ta’ persuna li mhux Malti anke jekk għandu relazzjonijiet fil-qrib ma’ din l-art? Dan ir-rakkont tajjeb dwar pajjiżna ġej minn persuna li kellu kariga mill-aktar għolja u persuna li jaf jittratta sew l-aspett soċjali ta’ pajjiż. Bħala diplomatiku huwa kruċjali li tifhem il-kultura ta’ pajjiż, jiġifieri il-mod kif jgħix dan il-poplu. Għaldaqstant hawn m’għandniex xi ħarsa ħafifa tal-istorja ta’ Malta jew dak li jidher fil-wiċċ fil-lat ekonomiku u politiku. Dawn iż-żewġ elementi huma fil-fehma tiegħi importanti ħafna f’dan il-ktieb: (a) il-perspettiva minn barra ‘l pajjiż (b) il-mod kif iħares lejn il-kultura ta’ dan il-poplu.
Daniel Rondeau (l-eċċellenza tiegħu) serva bħala ambaxxatur ta’ Franza għal Malta. Huwa awtur prolifiku u dan jinħas sew il-mod kif in-narrattiva għalkemm mhux fittizja tagħti gost lill-qarrej u dan jagħti valur letterarju lil dan il-ktieb. Fil-bidu naraw ix-xebh bejn pajjiżna u pajjiżi oħra tal-Mediterran fosthom il-Lebanon, imma wkoll l-influwenza Ewropeja fuq il-poplu Malti anke bi kliem Franċiż stess bħal “Bonġu” u “Bonswa” (p.135) li ma setax jonqos li l-awtur innota mal-ewwel. Malta, gżira Mediterranja u Ewropeja magħquda maż-żewġ kontinenti tal-Ewropa u tal-Afrika bil-baħar li tana din l-identita’. Il-baħar fil-fatt mal-ewwel jingħata għarien f’dan il-ktieb (p.14) imma jibqa’ jissemma’ matul dan il-ktieb (p.52). Il-baħar għas-sajjieda huwa l-għajxien ta’ kuljum, kif insibu fil-ktieb għat-tonn. Imma l-baħar sawwar ukoll l-istorja ta’ din il-gżira (p.25). Il-baħar ġab fostna wkoll lil Missierna San Pawl (p. 101) u l-awtur jagħti sfond sew ta’ din il-ġrajja hekk kbira għalina u wkoll tal-mod kif niċċelebrawha fil-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta propju fil-festa tagħha (p.104). Illum il-baħar qed iwassal ukoll għal numru ta’ immigranti li qed jippruvaw jaħarbu t-tbatija u b’xorti ħażina jwassal għal imwiet kbar (p.170). Forsi huwa l-waqt li anke hawn nerġgħu neżaminaw lilna nfusna – ulied ta’ “Malta ħanina”.
Il-ktieb jitlaq minn Triq il-Knisja ġewwa Ħaż-Żebbuġ, propju mir-residenza tal-Ambaxxata Franċiża. Ir-residenza fiha nfisha hija tipikament Maltija u tixhed ukoll l-istorja twila ta’ dan il-poplu. Ħaż-Żebbuġ huwa kruċjali fl-istorja ta’ Malta, b’nies bħal Mikiel Anton Vassalli u Dun Mikiel Xerri li fil-fehma tiegħi huma sinonimi mal-progressiviżmu u l-konservatiżmu fix-xena politika Maltija. Dan biex ma nsemmux Żebbuġi ieħor, il-Poeta Nazzjonali Dun Karm li beda jikteb bil-Malti fi żmien meta dan la kien l-Ilsien Nazzjonali u lanqas jonora r-regoli tal-kitba kif nafuhom illum. Ma setax jonqos li Rondeau jkollu xi jgħid dwar Mikiel Anton Vassalli, persuna li għamlilna unur kbir tant li Bonaparti jgħid li “huwa wieħed mill-aktar irġiel eċċezzjonali fil-pajjiż” (p.138). Iżda ma kienx żmien il-Franċiżi biss li ta lil din l-art dik il-laqta Franċiża. Ma rridux ninsew in-numru ta’ kavallieri Franċiżi li kienu f’pajjiżna.
L-istil li bih huwa miktub dan il-ktieb huwa wieħed distintiv. L-awtur huwa osservatur u bħal riċerkatur iħares, jgħarrex u mbagħad jagħti sfond storiku u soċjali. Mill-mixjiet fuq l-irdum (p.50) fejn jibda propju minn Widnet il-Baħar il-pjanta Nazzjonali sal-logħob tan-nar (p.65), f’dan il-ktieb insibu tagħrif mill-esperjenza personali u għaldaqstant dan huwa wkoll ta’ valur kbir għaliex huwa uniku. L-esperjenza ta’ Rondeau mhux biss mhux l-istess tfisser għalina imma hija propju tiegħu. Li jagħmel huwa li jistieden lilna nimxu dawn il-mixjiet miegħu. Kif għidt aktar qabel, l-awtur iżda ma jħarisx biss lejn il-bini, u lanqas lejn il-wirt naturali biss għalkemm dawn fihom jara storja u identita’. Iżda fuq din l-art hemm in-nies – hemm il-Maltin, u għalhekk iħares ukoll lejn il-festi tagħna (p.106) fosthom Ħadd il-Għid f’Bormla (p.34) fejn anke ltaqa’ mal-Eċċellenza tiegħu Ugo Mifsud Bonnici. In-narrazzjoni hija fil-preżent u b’hekk l-awtur jgħaqqad l-imgħoddi ma’ dak li qed ngħixu llum.
Jekk l-awtur jistħoqqlu kull ġih ma rridux ninsew li dan seta’ jasal għandna bi lsien pajjiżna grazzi għat-traduzzjoni impekkabbli tal-Professur Toni Aquilina. Aquilina huwa espert kemm tal-lingwa Franċiża kif ukoll tat-Traduzzjoni. Il-ħila tat-traduttur tidher fil-fatt li meta taqra dan il-ktieb tinsa li oriġinarjament ma nkitibx b’din il-lingwa, għaliex l-użu tal-kelma u l-metafora f’dan il-ktieb huwa wieħed eċċezzjonali. Din hija s-sengħa tat-traduzzjoni li filwaqt li żżomm l-istess elementi billi r-rakkont oriġinali trid iġġorrha minn post għal ieħor kemm jista’ jkun kif inhi. Fl-istess ħin iżda ser tiftiehem bl-esperessjoni lokali. Trevor Zahra fil-paġna Letterarja tas-6 ta’ Settembr 2015 qalilna li fit-traduzzjoni “Ħa tirbaħ per eżempju metafori ġodda, ħa tirbaħ frażijiet ġodda u x-xogħol se jieħu dimensjonijiet usa.”
Dan huwa ktieb li jinżel tajjeb għal min irid jaqra dwar pajjiżna bi stil mexxej u li jagħtik gost waqt li qed taqrah. Nemmen li ktieb bħal dan jolqot firxa kbira ta’ nies, minn dawk li huma interessati dwar il-kultura Franċiża u ovvjament dik Maltija, sa dawk li sempliċiment qed ifittxu qari għal gost.
Paġna Letterarja, It-Torċa, 23 t’April 2017