Trojan 

Alex Vella Gera
Pubblikazzjoni:   Klabb Kotba Maltin

Kif bosta semgħu, il-ktieb Trojan ta’ Alex Vella Gera kien ir-rebbieħ ta’ din is-sena fil-kategorija tar-Rumanzi.  

Ikolli nammetti li wara li qrajt il-ktieb “Is-Sriep Reġgħu saru Velenuzi (2012) biddilt ħafna fehmti dwar l-awtur Alex Vella Gera, kemm fl-istil u kemm fil-kontenut minn meta qrajt dak li huwa magħruf għalih ma’ xi wħud, forsi għax kontroversjali, imma lili ma tantx impressjonani, l-artiklu “Li tkisser sewwi”.  Anke dan ix-xogħol mhux nieqes minn immaġni sesswali dettaljata, kliem li għal xi wħud jidher goff, u kontroversji oħra.  Imma għoġobni ferm kemm fil-mod kif dan il-ktieb jesplora fil-profond il-persuna minbarra ovvjament l-isfont dwar komplott biex jiġi maqtul il-Perit Dom Mintoff. 

Fil-fehma tiegħi, Trojan mhux biss aktar kompla jikkonferma li l-awtur irid jinqata’ minn dak li kienet tidher xi aġenda ultra-liberali jew anarkista li toħodha kontra mhux biss l-istituzzjonijiet imma anke l-valuri u n-normi soċjali.  Ċertament hawn m’għandiex kitba populista.  Anzi, b’dak kollu li timplika, l-awtur ried idaħħal ċerta valuri fi storja li mhux dejjem daqstant faċli ssegwi l-kronoloġija tal-istorja.  Dan għaliex bħal kittieb tal-films Quentin Jerome Tarantino, u l-awturi Jonathan Safran Foer u Jennifer Egan fost oħrajn, l-istorja ta’ Vella Gera tlaqqagħna ma’ numru ta’ kwotazzjonijiet kemm dawk li ġew bit-tradizzjoni popolari bħal qwiel (eżempju Għin ruħek biex Alla jgħinek, p.18); kwotazzjonijiet fil-bidu ta’ kull kapitu mil-editorjal ta’ “Il-Bandiera tal-Matin”, ħarġa tal-15 ta’ Awwissu 1914;

Kotba (eżempju Leli ta’ Ħaż-Żgħr, p.123) u  numru t’awturi bħal  Oliver Friggieri (11), Guże’ Orlando (p.11),  Kilin (p.43), Frans Sammut (p.49).  

L-istorja hija dwar persuna ordinarja Ġanni, l-awtur tal-Għanja tas-Sirena (p.29) u kif iċ-ċirkostanzi anke bidlu l-valuri tiegħu. Kienet mawra sa Praga ma’ sieħbu Philip Caruana li beża’ se “twasslu sa bwieb l-infern” (p. 38).   Fil-fatt skont dan l-istess Caruana (p.55), Ġanni mhux minn dejjem kien hekk konservattiv.  Kellu ideat xellugin u lil Mintoff kien jadurah.  Mit-tieni nofs tal-ktieb, dehrli li l-istorja mbagħad hi aktar mexxejja.  

 L-esperjenzi ta’ persuni komuni 

Il-ħarsa ta’ Vella Gera titlaq minn min qiegħed fuq it-tron u tmur fit-toroq.  Tifhem ir-realta’ tal-poplu.  Tfittex dawk l-“Ilħna minisja bejn l-Indipendenza u l-Ħelsien” (p.36,37), żewġ festi karatterizzati maż-żewġ partiti l-kbar ta’ dan il-pajjiż li joħolqu żewġ monopolji kbar.  Il-poplu huwa mehdi bil-patrijottiżmu li mhux neċessarjament jikxef ir-realta’ tal-poplu.  L-istorja ta’ dan il-poplu kif nafuha u tgħallimniha aħna, x’aktarx ppreżentata bħala “fantastika u storika” (p.40) mhux dejjem tixhed ir-realta’ tan-nies komuni.  Din l-art Maltija wkoll bosta drabi identifikata mal-omm – l-omm li tatna isimha – u jekk tikkritika dan tkun kważi qisek qed tikkritika lil-pajjiżna (p.40) – ommna.  

Jitfa’ botta fina wkoll lid-drawwa li għandna fil-letteratura Maltija li kull ktieb li noħorġu nsibu lil xi awtur popolari, (eżempju l-Professur Oliver Friggieri, p.11),  biex jagħmel analiżi dwar il-ktieb, bl-aġenda moħbija mhux biss li din tagħti valur miżjud lill-ktieb imma wkoll appoġġjat minn  xi ħadd popolari.  

Ġanni u Ineż huma koppja ordinarja, bħal ħafna, flimkien ma’ binhom Miguel.  “Biex jeqred il-faqar Mintoff ġibidna lejn il-Lvant, u biex nakkwistaw il-ġid Eddie ġibidna lejn il-Punent.  U aħna niżfnu fin-nofs, f’din l-art ħelwa” (p.39).  

Jitmejjel bil-konservattiviżmu

Fl-ewwel paġni speċjalment il-qarrej mal-ewwel ser jintebah li l-awtur qed jitmejjel bl-ideat konservattivi li wisq jibżgħu li abbandunajna lil Alla u spiċċa kollox (p.6).  Tfakkarni fil-vers mil-kanzunetta The tide is turningta’ Roger waters, “I used to think the world was flat”.  F’din l-istorja nsibu:  “Imb’illi tikteb x’jiswa? Tiddibatti, għalfejn?  Fl-aħħr mill-aħħar id-dibattitu huwa xogħol ix-xitan, għax permezz tiegħu jinħolqu d-dubji, is-suspetti, il-kompromessi”  (p.19).

Ġanni kien konvint fit-twemmin reliġjuż tiegħu u kien jagħtih ċertezza.  “Ma setax jifhem kif ibnu kien poġġut ma’ mara separata  mingħajr ma’ juri lanqas l-iċken ħjiel ta’ sens li qed jagħmel ħażin” (p.87).  

Laqatni ħafna l-karattru ta’ Ineż, il-mara ta’ Ġanni, ċertament qed tirrapreżenta l-mara f’familja tradizzjonali patrijarkali.  Anke fir-ritratt li pinġa binha Miguel (p.28) “tingħaraf mal-ewwel bħala l-omm, il-mara tad-dar, il-fardal ma’ qaddha”.   Tinħass ukoll is-sens ta’ awtorita’ tar-raġel jew aħjar ir-rwol defenit tagħha li bilkemm tidħol fl-uffiċju ta’ żewġha.  

Waqt li jitmejjel bil-konservattiviżmu, wkoll jiddeskrivih b’mod ikrah.  L-aktar fl-estremi tiegħu, meta jidher wisq intolleranti, u “totalment” kontra d-divorzju u d-drittijiet ċivili (p.60).  Saħansitra b’referenza għal Ġanni (simbolu ta’ konservattiv), “X’ċuċ huma ta’ Kristu Iva Divorzju Le”  u terġa’ u tgħid “X’ċuċ huma tal-ISIS” (p.59).   Anke fil-mod kif kien jimxi ma’ ibnu Miguel, “dejjem tgħaddi tiegħu, hu biss jaf x’inhu tajjeb għalih, qatt ma kien flessibbli, qatt ma fehem il-qalb u l-ispirtu ta’ ġuvni, ta’ teenager”  (p.80).  

Il-ħsieb progressiv ta’ Vella Gera żgur li jidher fil-qasam ambjentali kif jidher fil-bidu nett tar-rumanz fost oħrajn. 

Tlifna s-sens ta’ direzzjoni?  

Vella Gera ma jiddejjaq xejn jikkritika x-xejra ultra-liberali u l-idea li kif ninterpretha jien donnu tħallat il-progressiviżmu mal-liberaliżmu sfrenat.  “Lippu ngħidu aħna, kburi bih innifsu, bl-identita’ ġdida tiegħu, liberali, moħħu miftuħ, tilef għaqlu fl-hekk imsejħa tieni żogħżija, issepara minn mal-mara, Alla jaħfrilha, meta l-iżjed kellha bżonnu, ikkomprometta ruħu għal reliġjon falza:  il-pluraliżmu, il-political correctness, id-demokrazija, it-tolleranza, id-drittijiet” (p.18).  

Jidhirli li dan l-aspett joħroġ ukoll f’dan il-ktieb.  Il-ħsieb personali li nagħmel huwa dwar x’direzzjoni finalment irridu nagħtu lil dan il-pajjiż u lill-Ewropa.  Jekk il-konservattiviżmu żejjed wassana biex sirna aktar liberali u anke ħloqna liġijiet li jħarsu dawn i-valuri liberali fosthom drittijiet ċivili ġodda, jista’ jkun li jekk inħallu l-karru tal-valuri jaħarbilna minn taħt idejna, jwassal biex jerġa’ jinħataf minn forsi konservattivi?   Jista’ jkun li l-korrettezza politika żejda tassal biex anke naraw partiti populisti fl-Ewropa li qed jinterpretaw u jippruvaw jakkomodaw l-aspirazzjonijiet tal-poplu?

Bħalma rajna “l-armata liberali ħierġa għatxana minn żaqq dak iż-żiemel ta’ Trojja” (p.8), hekk ukoll jista’ joħroġ il-konservattiviżmu.  

Ktieb interessanti u jipprovoka l-ħsieb.  

Leave a Comment