Weraq tal-Fidda

Stejjer u Versi għat-tfal
Awtriċi: Rita Saliba

Huwa naturali li kotba tat-tfal iż-żgħar ma jkollhomx paġni daqs kotba ta’ tfal ikbar jew dawk tal-adulti. Nistqarr tiġini t-tentazzjoni li meta jkolli ftit spazju fil-Paġna niddedikah għal xi ktieb tat-tfal. Iżda ġaldarbqa nibda nikteb lanqas inkun nista’ nieqaf u r-raġunijiet, propju minħabba n-nuqqas ta’ spazju ser ikolli nħallihom għal dan il-ktieb biss.
F’kull ktieb tat-tfal insib aspetti uniċi, u ċertament li f’dan il-ktieb ta’ Rita Saliba tispikka l-pinna għanja tagħha. Naraw għażla wiesa’ ta’ vokabolarju, u firxa ta’ Malti idjomatiku li tajjeb li t-tfal idakkru. Jidhirli, għalkemm m’għandi ebda riċerka dwar dan, li uliedna mhux dejjem qed ikun possibbli li jduqu l-benna ta’ lsien pajjiżna mingħandna bħala ġenituri. Jekk il-ħin mat-tfal qed jonqos minħabba x-xogħol, u forsi uliedna aktar qed ikollhom aċċess għal lingwi differenti, jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas ktieb bħal dan.
Il-ktieb fih 5 stejjer ħelwin u bejn kull storja nsibu poeżija. Imma t-tfal iħobbuhom il-poeżiji? Tiċċajta, speċjalment jekk tkun xi waħda bir-rima u b’messaġġ għat-tfal bħal donnha miktuba mit-tfal, kif insibu f’dan il-ktieb! Fl-istejjer Saliba timrah fl-immaġinazzjoni tat-tfal, u tistħajjel titla’ tistrieħ fuq il-qamar, il-ħabib tat-tifla tal-istorja. Fit-tieni storja naraw l-avventura tat-tfal fl-iskola – id-dinja tat-tfal. U x’jiġri meta Ramon jibqa’ sejjer l-iskola bil-papoċċ tal-kangaru’? It-tfal iħobbu bil-bosta l-annimali u hawn insibu annimali li jitkellmu u jirraġunaw bħalna.
Il-ktieb għandu stampi mill-isbaħ ta’ Rebecca Barry. Sal-iċken dettal, fosthom it-tipa hija adattata li ma tfixkilx lit-tfal.
Dan huwa ktieb li nirrakomanda lill-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jaqraw Malti tajjeb u mirqum. L-awtriċi Rita Saliba għandha l-ħila li taħseb bħal tifla żgħira imma tikteb b’sengħa kbira li tirrifletti l-maturita’ u l-esperjenza tagħha.

Paġna Letterarja 23 t’April 2017

Leave a Comment