Awtur: Karmenu Mallia
Pubblikazzjoni: Horizons
Hemm bosta modi kif fil-letteratura wieħed idaħħal elementi tal-istorja ta’ pajjiż fi storja fittizja. Xi wħud jagħżlu li jużaw elementi mill-istorja ta’ Malta, jew saħansitra jsemmu postijiet li wieħed jista’ jirrelata magħhom. Awturi oħra iżda jkunu jixtiequ jwasslu bosta messaġġi b’mod sottili jew le u għalhekk jinqdew b’xi post fittizju. Dan l-aħħar kont qed insegwi is-serje televiżiva “Tyrant” li għalkemm huwa dwar post fittizju Abuddin immexxi mid-dittatur fittizju Al-Fayeed wieħed jista’ jassoċja ħafna din id-drama ma’ dak li qed jiġri fis-Sirja fost oħrajn. Hawn Malta kellna diversi awturi li ħaddnu dan l-istil u tawna xogħlijiet kbar. Wieħed ma jistax ma jsemmix “Fil-Parlament ma jikbrux fjuri” ta’ Oliver Friggieri, “Il-purgatorju 360o” ta’ J.W. Psaila li hija verżjoni Danteska tal-politika Maltija, “Il-Kummidjanti tal-Parlament” ta’ Carmel Scicluna u anke numru ta’ drammi ta’ Alfred Sant. Dan l-istil iħalli spazju għal kritika, xi botta u forsi anke twiddiba. Jidhirli li l-awtur fl-osservazzjoni tiegħu lejn dak li qed jiġri madwaru, jagħġen ukoll l-esperjenzi personali tiegħu.
L-istil ta’ dan il-ktieb huwa wieħed partikolari għaliex minflok kapitli għandna numru ta’ ittri illi Omar ttraskura u qatt ma ta każ. L-istorja titlaq li Omar, mill-gżira Mediterranja ta’ Merħabik, issa jgħix ġo Pariġi u ma jarax. In-neputi tiegħu Horace jaqralu l-ittri
Ħdejn is-saksafon sabu wkoll tliet bajtriet imqadda. F’dawn it-tliet bajtriet tax-xewk(xewk fuq barra u benna fuq ġewwa) Omar kien jara l-ġlieda bejn it-Tajjeb u l-Ħażin li jgħixu flimkien. Lola u Ramon kienu żewġ studenti jiffrekwentaw l-università Merħbabikina. Wieħed mill-professuri tagħhom kien Profs. Peppinu Anastasi.
Profs. Peppinu kellu namrata, Nina, li kienet studenta tiegħu wkoll imma ma kinitx taħmel lil Ramon u lil Lola. Darba Nina pperswadiet lill-maħbub tagħha jwaħħal ’il Ramon fl-aħħar eżami ta’ qabel il-lawrja u l-Profs. waqa’ għaliha. Nina laħqet Spettur u ħarrket lil Lola fuq ipparkjar tal-karozza bla ma kien hemm raġuni għat-taħrika. Mibegħda. It-tnejn ġew irrappurtati u tkeċċew minn posthom u għebu.
L-Onor. Katald tal-Partit tal-Qawsalla kien iħobb lil Dott. Matilde tal-Partit fl-Oppożizzjoni, il-Partit tal-Ħodor. Kien hemm mibegħda ħarxa bejn dawn iż-żewġ partiti. Sa darba xi nies tal-Partit tal-Qawsalla daħlu l-università bil-ktajjen għall-professuri u l-istudenti.
Kemm l-Isqof kif ukoll Dott.Matilde u ħuwa Dun Salv ftiehmu biex jaraw x’jistgħu jagħmlu biex ineħħu dil-firda politika li kien hemm f’Meħbabik. Fl-aħħar naraw kif meta Profs Ramon xjaħ, kien fid-Djar tax-Xjuħ tiegħu jgħaddi siegħa żmien ma’ xjuħ oħra meta f’ħin minnhom hu u jaqra ittra miktuba minn Lola li Dr Matilde, it-tieni mara tiegħu, kienet sabet f’kexxun u ġabithielu, ħassu ħażin u miet.
Dr Matilde ma setgħet tagħmel xejn ħlief li qalbha mnikkta u mbikkija stidnitu jibda jterraq “nel gran notte che non ha mattino”(jitlaq fil-lejl twil li m’għandux għodwa), kliem li jinstab fl-Opra Turandot ta’ Puccini. F’did-dar tax-Xjuħ ukoll kien hawn tliet bajtriet tax-xewk ibbuzzati ’l barra fl-irħam int u dieħel u li jingħaqdu mal-bajtar ta’ dik id-dar tas-saksafon ta’ Pariġi. Dal-bajtar jissimboleġġja l-ġlieda bejn it-Tajjeb u l-Ħażin.Dar ix-Xjuħ tibbilanċjahom it-tnejn. Fil-ktieb wieħed jista jara bosta xeni simili ma’ din gżiritna fosthom ix-xenati fil-parlament u kwistjonijiet tal-Knisja.
Karmenu Mallia huwa awtur li jaffaxxinani mmens. Iħaddem tajjeb l-Ingliż, it-Taljan il-Franċiż u jibqa’ magħruf sew għall-Esperanto – lingwa li għadu sal-lum jaħdem ħafna għaliha. Iżda kif naraw f’dan il-ktieb, għandu pinna tajba ferm b’ilsien pajjiżna. Iżda Mallia mhux biss huwa midħla sew tal-metafora Maltija u jesprimi lilu nnifsu b’Malti tajjeb imma anke għandu għarfien sew tal-karattru Malti li joħroġ tajjeb f’dan il-ktieb. It-temperament Mediterranju tagħna jispikka sew fil-karattri ta’ din il-gżira Mediterranja ta’ Merħbabik. U naraw ukoll kif mal-klima ftit sħuna politika hemm ukoll dik reliġjuża bil-firdiet bejn il-Qaddisin.
Kiteb li ser jinżel tajjeb kemm ma’ dawk li bħali jħobbu jinterpretaw x’seta’ qal l-awtur u jippruvaw jifhmu l-messaġġ li mhux daqstant fil-wiċċ, kif ukoll ma’ dawk li qed ifittxu qari għall-gost.
(Paġna Letterarja 23 t’April 2017)