Preżenza

Preżenża Michael Cini Pubblikazzjoni: Horizons
Smajna bosta stejjer ta’ iħirsa li jkexkxu, li jagħmlu l-ħsara lill-bniedem jew biex jivvendikaw ruħhom minn xi tbatija li jkunu sofrew jew sabiex jintimidaw lill-bniedem. Madankollu hemm ukoll stejjer dwar iħirsa li lesti li jgħinnu lill-bniedem. Kif jgħid l-awtur stess fid-daħla ta’ dan il-ktieb, jagħmlu vera xogħolhom għax propja “jħarsu” lil xi ħadd li jkunu għażlu (p.14). Dawn l-istejjer ġew popolarizzati permezz tac-cinema permezz ta’ films bħal The Ghost li kien ħareġ fl-1990, li l-atturi prinċipali tiegħu kienu Patrick Swayze, Demi Moore, Tony Goldwyn, and Whoopi Goldberg. Bħala kotba klassiċi lkoll niftakru A Christmas Carol ta’ Charles Dickens li min jaf kemm –il darba qrajniha u għadna naraw varjazzjonijiet tagħha fuq il-palk jew mezzi tax-xandir. Imbagħad hemm diversi kotba dwar tfittxija għal iħirsa, forsi l-aktar li jiġuni f’moħħi huma tal-karattru fittizju Thomas Carnacki miġbura fil-ktieb Carnacki the Ghost-Finder. Illum din it-tfittxija għall-iħirsa qed tqanqal entużjażmu ġdid grazzi għat-teknoloġija u gadgets ġodda li jeżistu fosthom dawk li jaqraw l-electromagnetic fields u li jkejklu l-infrasound. Naturalment hemm diversi argumenti xettiċi li jagħtu spejagazzjonijiet xjentifiċi u oħrajn li minkejja li m’hemmx spjegazzjoni jiġu mfissra bħala koinċidenza. Imma dawn l-esperjenzi jibqgħu jekk xejn interessanti, u mfittxija għas-sens ta’ biża’ u anke kurżita’. Il-ktieb li għandna llum, naħseb fih dawn l-ingredjenti, bid-differenza li ma joffrix komplikazzjoni kif semmejt hawn fuq fl-introduzzjoni tiegħi imma storja mexxejja li tagħti gost lil dak li jkun jaqrah. Lanqas f’dan il-ktieb mhu se nsibu l-makabrita’ dmija jew qtil normalment assoċjati mal-waħx, imma storja mħawra bis-sorprża, kurżità u misteru. Interessanti wkoll li l-ġrajja hija ambjentata f’Malta u b’hekk il-qarrejja aktar faċli jassoċjaw mal-karattri u jħossuhom parti mil-istorja. Naraw fost orajn lin-nanna, li żżebbeġ il-kuruna tar-rużarju (p.19) u xxappap il-ħobż tal-Malti fiż-żalza tal-kappar (p.17). Naturalment dan wassal biex aktar nistħajjlu d-dar imsaħħra, u nistgħu bħal narawha quddiem għajnejna; dik id-dar mimlija misteri. Timmi, tifel ta’ 12 –il sena mar jgħix man-nanna tiegħu, f’dar qadima mimlija kmamar mudlama, taraġ dejjaq, għamara żżaqżaq, xelters tal-gwerra u ġiebja li jinfdu minn wieħed għall-ieħor. Ma damx wisq ma beda jesperjenza ħwejjeġ strambi u beda jintebah li fid-dar ma kienx waħdu. Għall-ewwel kien jisma’ xi ħsejjes strabi, u jiġru ħwejeġ inspjegabbli bħaċ-ċekċik taċ-ċwievet tal-karozza (p.64). Minkejja dan, kif għidna qabel iżda, donnu li din il-‘preżenza’ ma kellha beda intenzjoni li tagħmillu i ħsara, anzi, minn kull esperjenza li beda jgħaddi minnha beda jintebah li l-ħares beda tabilħaq “iħarsu”. Dan wara inċident li seta’ kellu konsegwenzi gravi imma qisu bħal xi ħadd refgħu minn xagħru (p.65). U tgħid in-nanna kienet taf xi ħaġa u żammitha mistura? Wara dn l-inċident kellu jwassalha r-redentur tal-Isla, darba kull ħmistax għal sitt xhur. Hu min-naħa tiegħu kien iħossu skomdu li jitkellem magħha dwar dak li kien qed jesperjenza. Din il-preżenza kellha tidher lil Caroline, tfajla nieqsa mis-smiegħ, li sar iħobb. Waqt li din niżlet bil-mod il-garigor tal-bejt “dak li rat quddiemha kessaha”. In-nanna, għalkemm qatt ma tkellmet dwar dawn l-esperjenzi strambi u forsi jkexkxu, donnha kienet qed tostor xi ħaġa u dan aktar kompla ħawdu u fixklu. Meta jikber, Timmy jiskopri li f’din il-familja, u proprju fid-dar tan-nanna, ħafna snin qabel kienet seħħet traġedja li ħalliet konsegwenzi koroh. Fil-ġrajja joħroġ dan l-element ta’ ruħ maqbuda, li skont it-twemmin popolari dawn l-erwieħ ma jkunux jistgħu jsibu l-mistrieħ. Imma bid-differenza għal dak li soltu naqraw jew nisimgħu din il-preżenza ma kinetx marbuta mad-dar, imma riedet b’xi mod tipproteġi lil Timmy. Għaliex għażet propja lilu? U min hija din il-preżenza? Dawn il-mistoqsijiet aktar komplew ħawduh. U hawn m’inix se nagħtikom risposta, sabiex ma ntellifx il-gost tal-qari. Li nistgħu ngħidu imma huwa li aktar ma beda jgħaddi minn esperjenzi aktar beda jikkonferma li l-ħares jeżisti. U fuq kollox jaqbillek tibda temmen fil-ħares! (p.208).
Michael Cini, li jokkupa l-kariga ta’ Senior Principal, studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Amministrazzjoni Pubblika kif ukoll bħala Qarrej tal-Provi bil-Malti. Bħalissa qed jistudja l-lingwa Għarbija biex jifhem aħjar l-għeruq Semitiċi ta’ lsien art twelidu. L-imħabba għal ilsien pajjiżna u l-istudju tiegħu fil-Malti u anke fl-Għarbi ġew imsarrfa fl-għaqal fit-tiftix ta’ l-aħjar kelma Maltija, u fit-tiswir tal-frażoloġija. Il-kitba tiegħu tixhed l-għaqal fit-tħaddim tal-kelma, u mizgħuda b’bosta idjomi u espressjonijiet Maltin. Għaldaqstant dan il-ktieb jagħti gost lil min qed jaqrah. Il-ktieb huwa wkoll immirat biex jolqot lil udjenzi differenza. Il-qligħ kollu tal-awtur ser imur għad-Dar tal-Providenza. (Paġna Letterara, It-Torċa, 8 ta’ Frar 2015) — with Michael Cini.

Trifolju ta’ Lwien

Tliet poeti tajbin fi ktieb wieħed. Din kienet l-ewwel ħaġa li ġietni f’moħħi meta rajt dan il-ktieb. It-tliet poeti għamlu kemm –il darba ġieh għalihom infushom u għal pajjiżna. Il-Professur Oliver Friġġieri, li kiteb id-daħla għal dan il-ktieb, qassam l-analiżi tiegħu fi tlieta: il-ħsibijiet li joħorġu minn kull poeta. Il-poeżiji tat-tliet awturi iddeskrivihom bħala (a) Kwadretti Riflessivi, b’referenza għall-poeżiji ta’ Mario Attard (b) il-poezija bħala djalogu għall-poeżiji ta’ Patrick Sammut u (c) ir-rabta bejn it-tradizzjoni u l-preżent b’referenza għall-poeżiji ta’ Frank Zammit. Sabiex nagħtu ħarsa aktar ħafifa se nħares hawnhekk lejn it-temi prinċipali li joħorġu mill-ktieb, u dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn kull poeta individwali, għaliex kull f’kull wieħed minn dawn it-tliet kapitli prinċipali toħroġ ċar l-individwalita’ tal-poeta differenti. B’hekk il-qarrej ser ikun preżentat ktieb bi tliet togħmiet differenti li kull poeta li għandna jippreżenta għalih. Mill-banda l-oħra f’dan il-ktieb hemm ħafna elementi li huma komuni, u dan huwa dak li jsawwar it-tliet poeti. It-tliet poeti huma ispirati mit-twemmin Nisrani li ħaddnu, it-tlieta g fil-kulleġġ De La Salle. Fuq kollox it-tlieta huma attivi f’diversi għaqdiet Letterarji.
Il-punt tat-tluq u t-twemmin

Mario Attard iħares b’nostalġija lejn tfulitu u t-trobbija tiegħu. Ix-xbiehat reliġjużi partikularment dawk Kattoliċi li kienu tant għal qalb ommu u trawwem fihom baqa’ jgħożżhom ma’ qalbu u huma ta’ ispirazzjoni kbira għalih f’dawn il-poeżiji (p.29). Attard jixxennaq għall-ambjent fejn trabba u għex. “Fil-pjazza tar-raħal spiċċaw in-Nardijiet u l-Gorijiet” jgħidilna fil-poeżija Fi Pjazza Santa Margerita (p.15) u li “Kullbank fil-pjazza tar-raħal illum huwa battal. Għal Frank Zammit dak kollu li hu tipikament Malti joħroġ b’ħafna aktar qawwi, forsi anke għall-fatt li l-poeta ilu emigrat għal numru ta’ snin, għalkemm iżur bosta drabi pajjiżna. L-elementi Malti nsibuhom fil-Gardjola (p.67), Fil-Ġonna ta’Sant Anton (p.67), Lix-Xale’ mġarraf (p. 78), L-aħħar salut (p.75), F’ta’ Xbiex (p.90), fost oħrajn. Dawn il-postijiet Maltin jipprovdu l-kuntest għall-bosta poeżiji ta’ Zammit u minnhom joħroġ il-messaġġ tiegħu, waqtiet tagħlima morali u oħrajn bħala metafora.
Il-ħajja hija kif jgħid il-Professur Friġġieri bħal vjaġġ u dan il-vjaġġ qed iwassal lejn it-tmiem. Forsi tinstema’ ftit pessimista imma hija viżjoni realista ħafna dik li kull sekonda hija sekonda lejn il-mewt. Iżda għall-Patrick Sammut il-ħajja iżda hija mgħaġġla wkoll għaliex mimlija u qasira wisq sabiex inwettqu fiha dak li nkunu nixtiequ. Kull ftit ħin il-poeta jara “kif se jimla kull waqt ħieles Bil-qari u l-poeżija” (F’siegħa bikrija, p.40).
L-għejja hija l-għadu tiegħu f’dan kollu u fuq kollox tmiem il-jum li jkun seraqlu l-ħin sabiex jikteb il-poeżija. Dan l-element tal-għaġla tal-ħin, jinħass ukoll fil-poeżija Jien u l-ħin (p.42). Waqt li l-ħajja hija mgħaġġla, ikun hemm mumenti fejn tieqaf u taħseb. U dawn il-mumenti x’aktarx ikunu Għad-dell ta’ sġajra mġennba (p.39) fejn donnu kollox jieqaf. Il-poeta iżda joħroġ minn dan kollu wkoll tifsira eżistenzjali: “Għad-dell ta’ sġarja mġennba Nara l-ħajja tinfirex quddiemi U niftakar li xi darba anke dil-wirja Għax tiżżarma u tagħlaq.”
Mario Attard isostni li: għad irridu nagħrfu li “iktar ma joktor fina t-tiġrib Dakinhar ibdew nagħrfu Xi pjan Alla welled magħna” (Driegħ id-Destin, p.16)
Il-fidi hija f’Marija Adollorata f’Alla fuq is-Salib li “ma jarax min aħna għaliex il-bnedmin kollha xorta”(Quddiem Marija Addolorata, p.17). Poeżija oħra hija “Taħt il-Kurċifiss ta’ Kamarti” (p.28). Mill-banda l-oħra quddiem is-salib iħossu mtaqqal meta jara dik it-tbatija kollha għad-dnubiet tagħna. Quddiem is-salib jistqarr li qalbu “sogħbiena tinsab Għatxana għall-indiema” (Illejla ġejt imtaqqal, p.21)
Interessanti ħafna ir-rabta li għandhom it-tliet poeti mal-Kulleġġ De La Salle. Jekk li tkun għalliem hija vokazzjoni, li tkun għalliem Iasalljan hija sejħa. Mhijiex kumbinazzjoni. Kif jgħid Mario Attard, hija sejħa li tikber bħal “ħmira” metafora Bibblika ispirata mit-twemmin nisrani li jħaddan il-poeta (Lil Ġwann Battista De La Salle , p.13).
Aspett soċjali
Kif ngħidu bosta drabi l-progress mhux dejjem iwassal għal żvilupp. L-iżvilupp tal-armamenti jwassal għal qerda, imma mhux biss, għax minkejja passi ta’ ġgant li qed nagħmlu f’oqsma bħat-teknoloġija naraw bosta tifrik fil-familji, fost ħbieb. Il-Ħajt ta’ Berlin (p.19) twaqqa’ fl-1989, u naturalment miegħu inkixfu bosta stejjer ta’ terrur li kienu moħbija u ngħaqdu bosta familji li għal numru ta’ snin kienu mifrudin. Iżda għal Mario Attard, illum
“hawn ħitan li ma jidhrux, misturin fil-qalb tal-bnedmin, ħadran f’qalbu”

Il-poeta huwa bniedem sensittiv għal dak li qed jiġri madwaru u jesprimi fi kliem il-ħsus li jkunu ilhom ikidduh għal numru ta’ snin. Iweġġa’ meta jara l-umanita’ li kważi ma tiswa xejn. Donnu meta Josef Stalin kien qal li l-mewt ta’ persuna waħda hija traġedja waqt li l-mewt ta’ miljuni hija statistika kien tabilħaqq immarka dan is-seklu kiefer fejn mhux biss miljuni baqgħu jinqatlu imma bilkemm ninnutawhom. Minkejja li l-media soċjali tista’ forsi tgħin biex tinħoloq konoxxenza, din l-amplifikazzjoni ma tilħaqx il-bnadi kollha tad-dinja. In-natura, is-suldati u l-bnedmin infushom huma mmarkati fil-poeżija Bla identita’ ta’ Mario Attard fejn il-poeta saħansitra jħoss li huwa stess m’għandux identita’; “Wiċċi biss kien jonqos inqasqas Imma għalkemm fittixtu ma sibtu mkien.”
Is-sensittivita’ t’Attard għal dak li qed jiġri madwaru toħroġ ukoll għal numru ta’ persuni li b’xorti ħażina jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu futur aħjar. Għal dawn in-nies il-kalvarju huwa kbir. “Mhux biżżejjed tqatta’ vjaġġ qalb sema u ilma”. “Dan kollu mhux biżżejjed! Għad baqagħlek! Trid tgħaddi mill-għeriebel tas-sogru li lura jafu jibagħtuk U jekk iżommuk f’għajnejn in-nies int tibqa’ maqful, detenut.” (Jien mhux klandestin, p. 31)
Zammit, mill-banda l-oħra, jitkellem dwar is-Sirjani fil-poeżija Jien iben is-Sirja (p.92), u dwar It-tallaba (p.84)
Malta u l-Maltin.
Il-patrijottiżmu jinħass sew fit-tliet poeti, għalkemm dan mhux neċessarjament kif nifhmu bih fil-poeti tradizzjonali bħal Dun Karm. Joħroġ aktarx fil-kuntest tal-poeżija, fil-mod kif iħarsu lejn l-imgħoddi tagħhom b’nostalġija. Il-poeta jagħtu tislima wkoll lil diversi poeti kbar li żejnu lil-Letteratura Maltija b’xogħlijiet mill-isbaħ. F’Apoloġija li Rużar Briffa, Attard jinqeda bil-patrijottiżmu ta’ Briffa, partikularment fil-poeżija Jum ir-Rebħ fejn Briffa b’referenza għal meta l-Maltin qamu u kantaw l-Innu Malti; U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, – miskin min jidħak bija!” Attard huwa mweġġa’ li llum jisħaq li llum hawn min għadu “ma ntebaħx li għadu mitluf ġo sodda mhux aktar barranija.”
Mario Attard issellem lil poeta Bormliż Ġuże’ Chetcuti (p.24) f’għeluq is-sebgħin sena mill-poeżija tiegħu Bormla u lil Rużar Briffa (p.32)
Laqtitni ferm il-poeżija ta’ Patrick Sammut dedikata lil Mario F Bezzina, poeta kbir ieħor. Din l-poeżija ġġib l-isem ta’ Min-naħa l-oħra tal-linja (p.52).
Bezzina, ““bħal kesba feġġa Li taqsam l-ispazji għammieqa Ħuġġieġa ħafifa bla lġiem… Bħal leħen li jmelles bi kliemu għaqlija … Bħal tila li thenni bi lwienha … Bħal xarxira bi dmugħha mbierka Taħji l-ibgħad irkejjen tar-ruħ.” u jkompli “biex issa għad-destin baxxejt rasek u tiegħek ix-xija ħallejt tiftel u tnin u leħnek setgħan siket ħesren”.
Il-ħajja iżda kiefra wisq. Forsi dawn huma żminijiet fejn “bla ma rridu taħkem in-nixfa anke jekk fina jnixxu u jgelglu l-ilmijiet u dan ikiddna mhux ftit.” (Hemm żminijiet, p.59)
Frank Zammit isellem lil poeta Anton Buttiġieġ (F’dawl in-niċċa ta’ ħsiebi, p.68) u b’referenza diretta għall-poeżija “Il-Kebbes tal-fanali”, jkun jixtieq li dan id-dawl “jibqa’ jwenens” lil qalbu. Forsi tislima oħra lil Malta xieraq noħduha mill-pinna stess ta’ Zammit, fil-poeżija L-aħħar salut, p. 75, fejn jiddeskrivi lil pajjiżna bħala “Malta Fjur tad-dinja!”
Konklużjonijiet
Kull poeżija hija tajba għaliex toħroġ mill-qalb. Imma Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit jafu jagħġnu tajjeb l-aktar ħsibijiet ġewwiena mal-metafora. M’hemmx dubju li dan il-ktieb huwa eżempju ta’ poeżija tajba. Fl-istess ħin, il-poeżija tat-tliet awturi tagħna hija waħda li tista’ tifhimha faċli, tiggustha, u xi waqtiet ukoll iġġagħlek tirrifletti. Il-poeżiji huma wkoll bħal kwadri b’pitturi differenti fuq aspetti differenti ħafna minnhom marbutin ma’ pajjiżna. Għal min qed ifittex li jaqra ġabra ta’ poeżija, huwa ktieb li nħossni komdu ħafna li nissuġġerixxi.(Paġna Letterara, It-Torċa, 18 ta’ Jannar 2015) — with Patrick J Sammut.

Stampakelma

L-iżvilupp tal-lingwa ma jibdiex mill-iskola. U ma jispiċċax mal-iskola obligatorja. Xi wħud illum jgħidu li saħansitra l-fetu jibda’ jagħraf il-ħsejjes ta’ leħen l-omm. It-tfal jibdew jitkellmu meta jridu jikkomunikaw. Wara kollox aħna l-kbar ukoll nitgħallmu kliem li jkollna bżonn. Il-ktieb StampaKelma huwa msawwar fuq dak li għandhom bżonn isiru jafu t-tfal. Jitlaq minn dak li għandu x’jaqsam ma’ “Ġisimna”, “il-familja”, “ħwejjeġ”, imbagħad jgħaddi għall-kmamar. Bi ħsieb jibda mill-kamra tas-sodda, is-salott, il-kċina u l-kamra tal-ħasil. Imbagħad taqsima oħra hija dwar kliem għal tfal ikbar. Kull taqsima għandha kulur li jidentifikha: Oranġjo għall-ewwel livell u Blu għal livell ieħor. Din tal-aħħar fiha aktar dettalji u kliem. Ngħidu aħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ partijiet tal-ġisem insibu “minkeb” u “għarqub”. Insibu numru ta’ fjuri bħal “ġiżi”, “papoċċi” u fjuri tal-kampanja bħal “ħubbejża” u “narċis” u “ġarġir”. Waqtiet, mal-kliem li nsibu l-awtur joffrilna wkoll xi tagħrif bħal ngħidu aħna li widnet il-baħar hija l-pjanta nazzjonali, li l-merill huwa l-għasfur nazzjonali fil-kategorija tal-għasafar, liema huma s-sensi eċċ. Qed nitkellem fuq livelli u mhux etajiet għaliex naturalment jiddependi skont il-ħila tat-tifel jew tifla. Għaldaqstant Stampa Kelma huwa ktieb li jibqa’ jitgawda u jintuża għal numru ta’ snin.
Il-bżonn li jkollna dizzjunarju bħal dan bl-istampi u bi stampi sbieħ m’huwiex biss sabiex ikollna dizzjunarju b’ilsien pajjiżna. Imma huwa wkoll importanti li jkun ukoll lokalizzat għall-ambjent, kultura, u drawwiet tagħna l-Maltin. Ma tagħmilx sens, ngħidu aħna li fi ktieb Malti t-tfal jaraw stampa ta’ djar qalb il-muntanji, bil-Karozza tal-linja ta’ Londra, l-pont ta’ Londra. F’dan il-ktieb għall-kuntrarju t-tfal faċli jidentifikaw ma’ dak li qed jaqraw: Il-pont huwa dak tal-port il-kbir, razzett Malti, villa kif insibu f’Malta, sqaq tipikament Malti eċċ. Mhux biss, imma Trevor Zahra ħa ħsieb li t-tfal jitgħallmu, waqt li qed jaraw l-istampi dak kollu li jsawwar il-kultura Maltija. Għaldaqstant naraw kliem marbutin mal-festa Maltija, fosthom il-marċ, il-bandalora, tal-qubbajt, il-kaxxa infernali. Insibu kliem marbutin mal-Milied, u mal-Ġimgħa l-Kbira.
Dan il-ktieb huwa maħsub għat-tfal, imma jista’ jkun t’għajnuna kbira kemm għall-għalliema u kemm għall-ġenituri. Għal dan l-awtur ħaseb ukoll, u fl-aħħar tal-ktieb insibu wkoll ftit tagħrif dwar xi kliem li jistgħu jkunu ta’ diffikulta’ għall-adulti, ngħidu aħna, għonella, ħorġa u ċuqlana. Dan sabiex aħna, l-kbar, inkunu nistgħu nispjegaw sew lit-tfal, u nistgħu nagħmlu hekk billi aħna stess inkunu infurmati sew. Hekk ukoll insibu tagħrif dwar festi nazzjonali u xi drawwiet oħra. Fl-aħħar tad-dizzjunarju nsibu indiċi Malti-Ingliż. Dan mhux biss jista’ jservi ta’ referenza b’mod alfabetiku imma wkoll għandna t-tifsira bil-lingwa Ingliża.
Stampakelma huwa ġabra ta’ ’l fuq minn 1,000 stampa u 1,000 kelma, kollox miġbur skont is-suġġett. Wieħed jifhem li sabiex sar dan kien jeħtieġ numru kbir ta’ snin sabiex jinġabru l-kliem l-aktar li jistgħu jintużaw mit-tfal. Dan ix-xogħol waħdu iżda kien jisfaxxa fix-xejn kieku ma jkunx għall-pubblikaturi, f’dan il-każ Merlin Publishers li jagħtuna f’idejna ktieb bi preżentazzjoni hekk sabiħa, karta ta’ kwalita’ għolja u stampi mill-isbaħ. It-tfal, kif ġieli għidna drabi oħra f’din il-paġna, llum imdorrijin bi kwalita’ għolja, kemm f’dak li huwa divertiment
Ktieb bħal dan, jiena nqisu bħala investiment: investiment f’uliedna. Bħala edukatur nieħu gost b’kotba bħal dawn u jalla ktieb bħal dan isib ruħu fil-librerija tat-tfal. Naturalment, għalkemm dan huwa ktieb ta’ referenza, ma nixtieqx li jispiċċa fuq xi xkaffa imma nippreferi narah f’idejh it-tfal. U dan jista’ jsir għaliex permezz tal-istampa, it-tfal jistgħu jaqraw, jitgħallmu jaqraw, jitħarrġu kif jiktbu tajjeb u jwessgħu il-vokabolarju tagħhom.
Waqt it-tnedija tal-ktieb, li saret f’Palazzo De La Salle, il-Belt Valletta, tkellmu dwar dan id-dizzjunarju u l-użi kollha tiegħu fil-klassi u fid-dar, il-kittieba Leanne Ellul u l-President tal-Akkademja tal-Malti Dr Olvin Vella.
Stampakelma jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament online minn www.merlinpublishers.com (Paġna Letterarja, It-Torċa, 4 ta’ Jannar 2015) — with Trevor Zahra and Chris Gruppetta.