Ilkoll Aħwa fi Kristu: Ġużeppi Mercieca – Memorji

Konna ilna nistennew l-esperjenza tal-Arċisqof Emeritus Mons Ġużeppi Mercieca. Qabel xejn wara li rajna diversi bijografiji u awtobijografiji ma setax jonqos li magħhom ikun hemm inkluż tar-ragħaj spiritwali tal-kattoliċi li għal ħafna snin, ta’ transizzjoni kemm għall-knisja u kemm għall-pajjiż, mexxa lil Knisja fi żmijijiet mhux daqstant faċli. Ma kienx hemm dubju li l-Arċisqof Emerits kellu bosta esperjenzi xi jwasslilna, imma nafu wkoll kemm kellu fommu sieket, u forsi nazzarda ngħid qatt ma kien juri minn barra speċjalment il-weġgħat li kien iżomm ġo fih, għall-ġid tal-Knisja u għall-ġid tan-nazzjon. Dan is-skiet, huwa wkoll il-kurżita’ tagħna, imma mhux biss. L-aktar raġuni li konna b’tant ħerqa qed nistennew dan il-ktieb huwa għaliex jimla parti fl-istorja li kienet nieqsa. L-istorja, kemm jekk sabiħa u kemm jekk kerha, smajniha rrakontata minn diversi bnadi. Hija opportunita’ sabiħa għalhekk, li kwistjonijiet fejn kienet tidħol il-Knisja direttament, jaslu għalina mill-protagonist ewlieni, ħadd ħlief l-Arċisqof Emeritus

Jekk dan il-mument konna ilna nistennewh, żgur iżda li wasalt f’waqtu għaliex propju din is-sena qed niċċelebraw l-40 anniversarju mill-Episkopat ta’ Mons Gużeppi Mercieca. U propju qed jagħtina l-possibilta’ li naqraw din l-esperjenza, persuna li qatta’ ħafna snin mal-Arċisqof, u forsi wieħed mill-aktar persuni li kien jaf fil-qrib. Fil-fatt l-awtur huwa s-Sur Charles Buttiġieġ, eks-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja tal-Arċisqof.

Ħarsa ħafifa

It-titlu ta’ dan il-ktieb huwa “Ilkoll aħwa fi Kristu” il-motto ta’ Mons Mercieca bħala Isqof. Fl-ewwel taqsima jirrakonta dwar it-trobbija tiegħu, is-snin bħala saċerdot, in-nomina tiegħu bħala Isqof Awżiljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-aħħar snin ta’ Mons Gonzi.

It-tieni taqsima titratta aktar il-kwistjonijiet li kellha l-Knisja li allura kienet immexija minn Mons Mercieca mal-Gvern ta’ dak iż-żmien. Dawn l-aktar, imma mhux biss, il-kwistjoni tal-iskejjel u l-propjeta’ tal-Knisja u naraw ukoll kif immaturaw ir-relazzjonijiet bejnu u l-Perit Mintoff.

It-tielet taqsima hija interessanti mmens għaliex naraw il-fehma ta’ Mons Mercieca dwar bosta temi bosta minnhom jaħarqu fosthom id-divorzju, persuni tal-istess sess, l-IVF, żwieġ u l-knisja.

Jekk inħares lejn dawn it-taqsimiet aktar fil-fond nista’ nislet dawn it-temi prinċipali:
Il-Valuri Spiritwali f’dinja sekulari, is-snin tmenin u r-relazzjoni mal-Perit Mintoff, deċiżjonijiet kuraġġużi u dinja li qegħda dejjem aktar tinbidel.

Il-ktieb għandu preżentazzjoni kif tixraq u kif wieħed jistenna. Huwa ktieb li jżejjen lil kull librerija, jagħmilha aktar għanja kemm fil-valur u wkoll fl-informazzjoni billi kif diġa għidna fih parti essenzjali fl-istorja ta’ pajjiżna. Insibu wkoll sett ta’ ritratti bil-kulur li jgħinnu lill-qarrej jassoċja aktar ruħu mal-ġrajjiet imsemmija. L-aktar li apprezzajt imma f’din ir-riċerka huma ritratti ta’ dokumenti oriġinali , fosthom ittri miktuba bl-idejn li l-Perit Mintoff bagħat lill-Arqisqof Ġuzeppi Mercieca fosthom fl-10 ta’ Awwissu 1987, fid-9 ta’ Awwissu 1989, 8 t’Awwissu 1997, u fit-13 t’Awwissu 1990

It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fis-27 ta’ Settembru fil-Palazz DePiro l-Imdina u fiha tkellmu wkoll il-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici, Monsinjur Philip Calleja u l-Avukat Joe Brincat.

Il-Valuri Spiritwali f’dinja sekulari

Parti essenezjali mit-trobbija tal-Arċisqof (li forsi llum qed nitilfu) hija li jekk trid xi ħaġa u “ma jkollokx biex tixtriha għandek tagħraf tistabar u tistenna” (paġna 5). Naħseb li mingħajr ma nnaqqas xejn mill-esperejnzi f’dan il-ktieb, u t-tbatija personali li għadda minnha Mons Mercieca ħafna drabi fis-skiet, l-akbar sfida li għandha l-Knisja llum u li għalkemm ftit kmieni imma diġa beda jikkumbatti l-ewwel ħalel dak iż-żmien kien is-sekulariżmu u l-materjaliżmu. L-ewwel waħda tidher aktar ċara f’dan il-ktieb għaliex kien parti mill-mixja ta’ dan il-pajjiż li jsir aktar modern u sekulari, iżda f’din il-mixja seta’ kellha xi ħotob li kellhom jiġu ndirizzati. It-tieni sfida, il-materjaliżmu, hija aktar sottili – ma ġabitx tkissir u tgħajjir – iżda forsi wkoll aktar pertinenti. It-trobbija tal-Ariċisqof Emeritu, għenitu mhux ftit fil-fehma tiegħi jilqa’ għal dawn iż-żewġ sfidi kbar.

Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca twieled ir-Rabat Għawdex, fil-11 ta’ Novembru 1928. Tagħrif fil-qosor dwaru nsibuha fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, u minsuġa f’aktar dettal fl-ewwel taqsima. L-aktar data importanti imma is-29 ta’ Novembru 1976, meta l-Papa Pawlu VI ħatru bħala Arċisqof ta’ Malta. Fost il-bosta ittri li rċieva kien hemm mingħand il-Prim Ministru, il-Perit Mintoff, propju fit-3 ta’ Diċembru 1976 fejn kitiblu hekk (paġna 45):

“Il-Ministri kollha u jiena nifirħulek għall-ħatra tiegħek mill-Qdustija Tiegħu l-Papa bħala Arċisqof ta’ Malta. Jalla r-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-Knisja u l-Istat t’Malta jkomplu taħt it-tmexxija tiegħek jiissaħħu għall-ġid spiritwali u materjali tal-Poplu Malti.”

“Ilkoll aħwa fi Kristu” il-motto li għażel għal dan l-episkopat, nebbhu biex jipprova jibni djalogu kostruttiv. L-akbar sors għall-qawwa spiritwali u fiżika għalih kien appuntu Ġesu’ Kristu. Mingħajr ma nidħol fil-każijiet tal-imgħoddi, naħseb dan l-aspett jidher, u żgur li hekk hija x-xewqa ta’ Mons Mercieca li jagħmel dan il-ħsieb relevanti anke għall-isfidi tallum li kif diġa għidna, għalkemm sottili, mhumiex faċli lanqas. Fi Kristu Msallab isib it-tama, u dan il-punt saħqu ngħidu aħna fl-Ittra Pastorali tad-29 ta’ Ġunju 1979 fejn tkellem dwar Knisja għas-servizz tal-Maltin kollu.

Din l-ispirazzjoni minn Kristu (għalkemm mhux direttament minn Kristu msallab) toħroġ ukoll fl-intervista li Mons Mercieca kien għamel ma Dr Joseph Muscat (kien għadu mhux mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru), dak iż-żmien fuq l-istazzjon televiżiv Super One fil-programm Elfejn. Fi tweġiba dwar il-kwistjoni politiko-reliġjuza, għall-mistoqsija diretta minn Dr Muscat, Mons Merceica wieġeb li quddiem il-ferita’, il-ġerħa, il-Mulej jagħti r-rimedu u li jrid ikollna l-kuraġġ li naħfru lil min weġġagħna

Is-snin tmenin u r-relazzjoni mal-Perit Mintoff

It-tieni taqsima ta’ dan il-ktieb hija tista’ tgħid kollha kemm hi dwar il-kwistjonijiet li kien hemm bejn il-Knisja u l-Gvern ta’ dak iż-żmien. Għall-grazzja t’Alla dawn l-affarijiet huma llum fatt storiku, u jidhirli li nistgħu nitkellmu fuqhom liberalment mingħajr ma nweġġgħu lil xulxin. Hija grazzja wkoll mhux biss li din il-fażi tal-istorja għaddiet imma wkoll għax hija turija kemm dan il-poplu mmatura. Mill-iżbalji tgħallem kullħadd. Aktar milli nagħmlu ġudizzju fuq dak u fuq l-ieħor, napprezzaw il-fatt kemm għall-ġid ta’ dan il-pajjiż li jinsab kif jinsab illum kien hemm min ħadem qatiegħ inkluż il-Knisja. Fl-ewwel taqsima diġa naraw xi tibdil li l-amministrazjoni ta’ dak iż-żmien immexxija mill-Perit Mintoff bdiet tagħmel u li l-Isqfijiet wrew tħassib. Fost oħrajn naraw li l-Gvern neħħa d-dritt tal-Knisja “li tiddetermina min għandu jiġi midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata” (paġna21). Mons Mercieca jinterpreta din bħala reazzjoni għal dak li ġara fis-snin sittin fejn persuni li ħaddnu t-twemmin laburista ġew midfunin fil-parti mhux ikkonsagrata magħrufa aħjar bħala “l-miżbla” (paġna 22). Imma l-akbar inkwiet serju għal Mons Mercieca beda propju wara l-ħatra tiegħu bħala Arċisqof. Fost oħrajn insemmu l-kwistjoni dwar il-festi pubbliċi (p. 47-49), tal-fakulta’ tat-teoloġija (p. 55), it-tkeċċija tal-blue sisters (p.73-80). Interessanti mmens u b’dettalji li qatt ma konna smajna dwarhom hija l-parti dwar l-inċident ta’ bomba mal-“Palazz tal-Arċisqof”. Mons Mercieca jirrakonta kif Joyce Grech kienet ittieħdet l-għassa fejn akkużawha li kient hi stess jew qabdet lil xi ħadd biex jagħmel din il-bomba (p.132) . L-Arċisqof Emeritu ma jonqosx milli jsemmi wkoll il-qtil ta’ Karin Grech, tifla ta’ 15-il sena bint il-Professur Grech (p.51) u ta’ Raymond Caruana (p.167).

Kif wieħed jistenna parti kbira mill-ktieb hija ddedikata lill-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja. Dan il-ktieb huwa dokument riċerkat b’bosta sorsi oriġinali u dokumenti storiċi oħra u oħrajn fi kliem Mons Mercieca. Fost oħrajn insibu l-pożizzjoni tas-Santa Sede fil-25 ta’ Frar 1984 (p.114) u l-pożizzjoni tal-Isqfijiet permezz tal-Komunikat Stampa fit-13 ta’ Marzu 1984. Din il-kwistjoni naturalment baqgħet għaddejja anke matul il-perjodu li Dr Karmenu Mifsud Bonnici kien Prim Ministru u ngħalqet minn gvern ġdid immexxi min Dr Eddie Fenech Adami.

Kif diġa għidna, illum dawn l-affarijiet huma fatti storiċi li seħħew imma għaddew. Fi kliem l-Arċisqof Emeritu stess, “il-Perit Mintoff għamel il-parti tiegħu” u hu wkoll (p. 193). Mons Mercieca baqa’ jżur bosta drabi l-Perit Mintoff meta kien l-isptar, li min-naħa tiegħu kien jurih “li jieħu gost u japprezza ħafna” (p.192). Ikompli jgħid li “it-ton tad-diskors ta’ bejnietna hekk kien sar: kalm, sabiħ, ta’ ħbieb sinċieri” (p.193).

Deċiżjonijiet kuraġġużi

Jekk is-snin tmenin kienu diffiċli, ma jonqsux sfidi oħra kif semmejt hawn fuq. Mons Mercieca kellu jieħu diversi deċiżjonijiet iebsa fosthom it-tnaqqis tal-propjeta’ li iżda sarrfet biex bosta familji bnew id-dar tagħhom u fuq kollox il-Knisja setgħet aktar tiffoka fuq l-impenn pastorali (p.203). It-tmexxija ta’ Mercieca ġiet fi żmien fejn il-Knisja forsi għall-ewwel darba bdiet tnaqqas l-importanza tagħha mhux biss għall-istat imma fis-soċjeta’ b’mod ġenerali inkluż għall-ħafna persuni. Dan wassal għal sfidi mhux biss materjali (ta’ flus), imma anke morali. Bdejna nitkellmu fuq id-divorzju għall-ewwel darba (p.215), persuni tal-istess sess (p.221), u prokreazzjoni assistita(p.222). L-akbar pjaga għall-Knisja tibqa’ imma l-abbużi sesswali fi ħdanha. Għal dan il-fatt fil-ktieb insibu kapitlu sħiħ fosthom dwar il-politika li ħaddan Mons Arċisqof u l-miżuri li ħa sabiex din il-problema tiġi ndirizzata b’mod ħolistiku (p.271 – 278). Sfida oħra kienet dik tar-refuġjati u immigranti irregolari li l-Knisja ma setgħetx ma tilqax b’imħabba waqt li tagħraf id-diffikultajiet nazzjonali. Fl-istess ħin kellek bosta mumenti oħra li ċertament kienu sbieħ għal Mons Arċisqof fosthom il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Knisja fejn fost oħrajn ġie ggrarantit it-tagħlim tar-Reliġjon Kattolika fl-Iskejjel tal-Istat (p.225). Ta’ min insemmu wkoll il-ftuħ tar-radju RTK li ta’ vuċi lill-Knisja permezz ta’ mezz li seta’ jintlaħaq min-nies.

Il-ktieb jispiċċa fl-opinjoni tiegħi b’żewġ kapitli sbieħ, li ċertament huma fost l-isbaħ mumenti tal-Arċisqof Emeritu: L-ewwel beati Maltin, u s-sinodu djoċesan .

Konklużjonijiet

Huwa xieraq li l-konklużjoniet nislithom mill-ktieb innifsu u minn ħsibijiet Mons Mercieca. Qabel xejn il-maħfra, li tant hija importanti u relevanti għal kull żmien, li permezz tagħha biss persuna tista tfiq u timxi ‘l quddiem. Dan il-poplu mexa ‘l quddiem għax ħafer. Għal qalb l-Arċisqof Emeritu tibqa’ dejjem il-familja. Minkejja l-isfidi ġodda, wieħed irid jara kif il-familja tibqa’ istituzzjoni importanti ħafna għas-soċjeta’. Tema oħra importanti li nara f’dan il-ktieb hija l-mod kif wieħed jaħdem ma’ ħaddieħor. Hekk kif jgħid fil-bidu, valur imporanti li ħa fit-trobbija tiegħu huwa li “trid taħdem, u trid taħdem ma’ ħaddieħor, mhux waħdek” (p.5). Huwa dan il-valur, fl-opinjoni tiegħi, li wassal biex Mons Mercieca jilqa’ l-isfidi ġodda li kellu.

Bla dubju dan huwa ktieb li nirrakomandah. Huwa ktieb fuq ta’ u dwar l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. Imma huwa wkoll ktieb tagħna lkoll bħala pajjiż.
(Paġna Letterarja, 19 t’Ottubru 2014)

Leave a Comment