Awtur: Anton Grasso
Pubblikazzjoni: Horizons
Il-kitarrista tal-grupp Black Sabbath, “Geezer” Butler, darba qal f’intervista li ta f’Ġunju tal-2002 li kien jarha stramba kif in-nies kienu jħallsu dawk il-flus kollha biex jaraw films tal-biża’. U kien dan il-fatt li wassalhom biex ħarġu l-ewwel album tagħhom Black Sabbath, b’lirika u ħoss marbutin ma’ temi tad-dlam, sopranaturali u biża’. Ħadt spunt minn din l-intervista, għaliex interessanti ħafna għalfejn il-bniedem jibża’ u wisq aktar għalfejn din is-sensazzjoni tal-biża’ togħġob lill-bniedem.
Il-kotba tal-biża’ huma popolari bil-bosta . Forsi wieħed jiġih f’moħħu H.P. Lovecraft, Stephen King, Richard Matheson u Edgar Allan Poe fost oħrajn. Hawn Malta meta titkellem dwar din ix-xorta ta’ kitba żgur li jiġik f’moħħok Anton Grasso. Lura għall-mistoqsija dwar din is-sensazzjoni tal-biża’ li togħġob lill-bniedem, Anton Grasso jimla dan il-vojt fix-xena lokali. Ismu huwa assoċjat mal-istejjer u programmi tal-waħx u dak kollu li jkexkex il-bniedem. U mhux ta’ b’xejn li Grasso huwa sinonimu ma’ dawn it-tip ta’ stejjer. Ħareġ ‘il fuq minn 52 ktieb u nafuh ukoll f’bosta programmi fuq il-mezzi tax-xandir. L-ewwel ktieb tiegħu kien Iljieli bla qamar (1974), li kuntent ħafna li għandi kopja oriġinali tal-ewwel ħarġa tiegħu. Terġa’ lil Grasso lanqas ixxebhu faċilment ma’ xi awtur ieħor barrani u l-istil tiegħu huwa uniku mhux biss f’pajjiżna, imma anke fix-xena internazzjonali…għallinqas kif narah jien bħala qarrej, għax ma nqisx lili nnifsi bħala espert ta’ dan il-ġeneru ta’ kitba. Sa ċerta punt żviluppa dan l-istil għalih, forsi bħala terapija anke għalih innifsu biex jeħles mill-biżgħat, bħalma l-poeżija hija terapija għall-poeta mit-tiġrib tal-ħajja.
Stil
Hekk kif tibda’ taqra l-ewwel sentenza tal-ewwel storja ta’ Anton Grasso iżżommok taħt stennija. Tistenna li ġej xi ħaġa oħra. Imbagħad niltaqgħu ma’ dak li hu stramb…dak li ma nifhmux. Dak li hu stramb nistaqsu hux ġej mix-xitan. Dak li nsibu ma’ wiċċna mbagħad huwa dak li jaħsadna, jkexkixna. Dan l-istil ta’ Grasso jogħġobni ħafna. Huwa aktar psikoloġiku. Li jogħġobni f’dan l-awtur Malti huwa li jitbiegħed minn dak li huwa grafiku jew aktar minn hekk vjolenti. Naturalment fil-medda twila ta’ kotba ta’ dan l-awtur wieħed se jiltaqa’ ma’ xeni makabri, mal-mewt, ma’ iħirsa, deskrizzjonijiet skomdi, ma’ dmija, insetti li jkexkxu u biżgħat oħra. Imma kollox huwa mibni f’kuntest. Jitlaq mill-ħajja normali, u jasal għal dak li l-anqas nixtiequ bħala bnedmin.
“Il-każ huwa stramb aktar milli jidher. L-ewwel wieħed tax-xeħta tiegħu. Għadna mħawdin ħafna”
“Imma taħseb li għandu x’jasam max-xitan?” (p.16).
Jekk inħarsu lejn din is-silta, faċilment naraw il-kliem li juża l-awtur sabiex idaħħalna aktar f’tensjoni u fl-atmosfera tal-istorja; naraw dak li hu “stramb”, “l-ewwel wieħed”, “mħawdin” u x-“xitan”.
Dawk li bħali smajna lil Anton Grasso fuq il-mezzi tax-xandir meta naqraw il-ktieb bħal donnu nistħajlu li qed jaqra l-istorja. Imma anke min ma jiftakrux lil Grasso fuq ix-xandir se jgħix l-istess esperjenza waqt li qed jaqra għax ktieb ta’ Grasso huwa mogħni b’Malti tajjeb ħafna li tista’ tistħajjel dak li qed taqra. Il-binja tas-sentenza hija eċċellenti. Imma barra minn hekk, il-ktieb, bħal oħrajn tal-istess awtur, huwa wkoll għani fl-għażla ta’ kliem li juża’. Biex nagħti eżempju żgħir:
“Dawl abjad mis-sħab griż daħal beżgħan bejn il-purtieri bħal ħalliel” (p.24).
Dawk li bħali għandhom għal qalbhom ilsien pajjiżna, japprezzaw il-fatt li Grazzo, forsi minkejja li jitratta diversi temi, xi wħud kontemporanji, u jeħtieġlu juża’ għażla kbira ta’ kliem, juża l-Malti b’mod sabiħ u ħelu sabiex jitkellem fuq dak li hu ikrah u makabru.
Stejjer
Il-ktieb jikkonsisti f’ħames stejjer. Il-ħila ta’ Grasso hija li dak li forsi jista’ jidher normali, jibdlu f’xi ħaġa li mhux normali xejn anzi f’rakkont li jqajjimlek ġismek xewk xewk. L-ewwel storja Mejt niltaqgħu ma’ marda kkawżata minn mikrobu li tibdel persuna fi bniedem feroċi, qisu mxajtan. Bħalma jgħidu, li ddaħħak hija ħila li mhijiex kullħadd għandu, hekk ukoll li tbeżża’. Il-mod kif ipoġġi s-sentenza Anton Grasso u kif jibni u joħloq argument, idaħħlek f’sitwazzjoni li ma tkunx qed tistenna. Id-dar sabiex nies imdejqa jmutu hienja hija d-dar fejn tieħu gost tmut. “Jekk tieqaf taħseb ftit, tinsa l-ikel, ix-xorb u d-divertiment li ssib hawn ġew tinduna li taħt din il-maskra ta’ hena artifiċjali hemm il-mewt” (p.77).
Fir-raba’ storja “Il-Ġar” il-vendetta ta’ tifel ta’ tmien snin li jitħallas mill-qattiel tiegħu. L-ispettur jistaqsi, “Din l-istess katina li ndifnet ma’ Jerry instabet madwar għonq Ramsey Nickells…Iżda kif ġiet għandu?” (p.120). Mill-banda l-oħra fl-aħħar storja li għandna, “Ir-Raġel ta’ Novembru” għandna żagħżugħ li ommu qatlet lil missieru. Din ġabet rabja fih tant li jispiċċa joqtol it-tfajliet.
Konklużjonijiet
F’dan il-ktieb Grasso jagħmel pass ieħor f’dak li għandu x’jaqsam mal-waħx. Mhijiex biss il-biża’ mid-dlam, mill-iħirsa, mill-makabrita’ u saħansitra lanqas mill-mewt. Hija wkoll il-biża’ li tagħżel ħażin, li twettaq deċiżjoni li ma tkunx trid tieħu. F’xi waqtiet fil-ktieb ħassejtni bħal fis-sitwazzjoni iebsa bħal ma nsibu fl-istorja Button Button ta’ Richard Matheson, li minnha ħareġ ukoll il-film The Box, li jekk tagħfas buttuna tirċievi $200,000 imma xi ħadd li ma tafx imut. Imbagħad hemm is-sitwazzjoni meta l-imħabba, għax tkun kbira, twassal għal vendetta. Realta’ kiefra, u tal-biża’. Imma wara kollox dak huwa l-iskop ta’ ktieb bħal ma għandna llum.
Bħal kotba ta’ qablu tal-istess awtur, dan huwa ktieb li ċertament mal-ewwel ser jinħataf.
(Paġna Letterarja, It-Torċa, 23 ta’ Novembru 2014)See Translation— with Anton Grasso.