L-elf lewn ta’ Mintoff

Awtriċi: Claire Xuereb Grech
Pubblikazzjoni: SKS

L-ELF LEWN TA’ MINTOFF

KWADRU MIMLI LWIEN LI GĦAD IRID JITPINĠA

L-Elf Lewn ta’ Mintoff  huwa pubblikazzjoni ġdida magħmula minn intervisti esklussivi li Claire Xuereb Grech  għamlet ma’ 54 persuna li b’xi mod jew ieħor ġew x’kuntatt ma’ Mintoff tul il-karriera twila tiegħu. Din il-pubblikazzjoni ġiet imnedija fil-festival tal-Ktieb u mistennija tiddomina l-pjazza ewlenija ta’ Bormla meta jiġi mikxuf il-monument tal-Perit Mintoff fil-11 ta’ Diċembru, lejliet ir-Repubblika. L-intervisti huma djalogi familjari, kważi intimi. Joffru perspettivi differenti ta’ bniedem ta’ personalità kumplessa u rikka. L-intervisti huma ma’ kollaboraturi ta’ Mintoff fil-ħidma politika tiegħu, politiċi Laburisti  u Nazzjonalisti, trejdjunjonisti, ġurnalisti, qraba ta’ Mintoff, diplomatiċi, ekonomisti, nies fil-militar, ħbieb personali ta’ Mintoff, akkademiċi, membri tal-kleru, storiċi u negozjanti. Dawn ilkoll jagħtu l-versjoni tagħhom ta’ min jaħsbu li kien Mintoff. Ħadd minnhom ma joffri interpretazzjoni sħiħa jew definittiva; ħadd minnhom ma jgħid l-‘aħħar kelma’ dwaru. Dak li jagħtu hu xejriet ta’ kwadru mimli lwien li għad irid jitpinġa. It-Torċa tkellmet ma’ Claire Xuereb Grech u staqsietha x’jiddistingwi da nil-ktieb minn pubblikazzjonijiet oħra dwar il-Perit Mintoff.

Ktieb ieħor dwar Mintoff. Kien hemm bżonnu?

Kienx hemm bżonnu jew le ma nafx nirrispondik imma jien ħassejt li kelli nagħmlu. Tinsiex li xogħol fuq ktieb jieħu ħafna żmien u għalhekk ma bdejtx naħdem fuqu issa. Ix-xogħol fuq dan il-ktieb beda daqs tliet snin ilu meta l-Perit kien għadu ħaj u meta lanqas kien hawn imqar ktieb wieħed biss riċenti li jitratta lilu bħala s-suġġett ewlieni. Terġa’ u tgħid dak iż-żmien kien jissemma biss meta kien ikollu xi problema b’saħħtu u kien jidħol l-isptar. Kien jiddispjaċini nara bniedem ta’ daqstant kalibru u stoffa batut u qisu minsi minn kulħadd.  Ħassejt li kelli nagħmel xi ħaġa. Ir-risposta tiegħi għal dak li ħassejt kien dan il-ktieb. Mhux qed niddejjaq jew ninkwieta pero’ li ħiereġ wara li kien hawn diġa’ xi publikazzjonijiet oħra bl-istess suġġett. Dan għaliex jista’ jkun hawn mitt ktieb fuq Mintoff imma l-ebda ktieb m’hu se jkun l-istess. Din is-sentenza kien qalhieli l-Prof Oliver Friggieri ftit xhur ilu.

X’fih ġdid dan il-ktieb li ma fihomx kotba oħrajn dwar Mintoff?

L-ewwel nett l-istil tal-ktieb fih innifsu huwa differenti mill-istili li mdorrijin naraw fil-kotba Maltin. Dan għaliex kull kapitlu huwa intervista ma’ personaġġ. L-istil mibni aktar fuq Malti kollokjali milli dak miktub. Allura għalkemm qed jitratta parti mill-istorja politika Maltija u personaġġ politiku Malti, xorta huwa sempliċi u mexxej fl-istil tiegħu. Nieqes minn paragrafi twal li jaqtgħu qalb lil dak li jkun biex ikompli jaqra. Dan Il-ktieb tieħu gost taqrah mhux biss għax fih joħorġu aspetti fil-karattru ta’ Mintoff li ma konniex nafu bihom imma wkoll għax jaqtgħalna l-kurżita’ dwar kif kien għemilu fil-ħajja ta’ kuljum man-nies li kien jaf u kif kien jaġixxi wara l-kwinti. Hemm anki xi aneddoti ħelwin dwaru li kultant jistgħu jkunu anki umoristiċi.  Terġa’ u tgħid ħafna mill-paġni mimlija ritratti li ħafna minnhom inkisbu mill-kollezzjonijiet privati ta’ dawk li ġew intervistati u li allura qatt ma rajna bħalhom. Ir-ritratti biss ukoll jagħmlu lil dan il-ktieb uniku u r-ritratti waħedhom huma ta’ valur storiku fihom infushom.

X’wasslek biex tibda taħdem fuq dan il-ktieb?

Il-kurżita’ hija dik li timmotivani nagħmel ċertu affarijiet. Li titgħallem u tagħmel esperjenzi ġodda, li tagħmilha man-nies, tkellimhom u tħallihom jinfluwenzawlek jew jaffettwawlek l-opinjoni. Jgħidu li l-mistoqsija oħt il-għerf, jekk ma tistaqsix u ma jkollokx kurżita’ naħseb li tkun mentalment mejjet. Kien għalhekk qisu proċess naturali li nibda nistaqsi u nfittex ftit mill-ħafna veritajiet dwar Mintoff. Imbagħad kienet ukoll xewqa tiegħi li xi darba naħdem fuq ktieb u rajtha idea tajba li naħdem proprju fuq suġġett daqstant ikkulurit, interessanti u kontroversjali.   

Bħala għalliema u omm, kif sibt ħin taħdem fuq il-ktieb?

Fl-2008 kelli t-tifel u fl-2011 kelli t-tifla. Malli twieled it-tifel ħadt career break biex inkun nista’ nrabbi lil uliedi. Nerġa’ nidħol fl-impieg full-time li kelli fl-2015. Għaldaqstant f’dawn l-aħħar snin ma kellix il-ġenn li wieħed jistenna li jkollu meta jkun ukoll f’impieg full-time, għalkemm xorta dejjem sibt x’nagħmel peress li involuta f’ħafna affarijiet differenti. Il-ħidma fuq il-ktieb bdiet fl-2011, malli twieldet it-tifla. Irraġunajt li meta tkun trid tagħmel xi ħaġa, ħin għaliha ssib u mezz kif tagħmilha ssib ukoll. Meta bdejt nagħmel l-intervisti kont nieħu t-tarbija miegħi. Meta mbagħad qabżet is-sena stajt inħalliha jew ma’ żewġi jew mal-kunjata għal dawk is-sagħtejn jew tlieta li kont inkun barra. L-iktar parti li ħaditli ħin u kienet pedantika kienet il-parti tat-transkripts. Kull siegħa ta’ diskors qisha toħodlok daqs tlieta jew erba’ sigħat biex tipproduċiha bħala transcript. Dan ix-xogħol kont nagħmlu meta t-tfal kienu jkunu reqdin, x’aktarx wara t-tmienja ta’ filgħaxija. Meta kont f’dik il-fażi qatt ma bsart kemm kien għad fadalli xogħol. Bejn editing, ġiri, ġbir ta’ informazzjoni u ta’ ritratti, korrezzjonijiet u l-bqija l-anqas jien stess ma naf kif sibt il-ħin għal dan kollu. B’naqra determinazzjoni u volonta’ u naqra għajnuna min-nies ta’ madwarek ikolli ngħid li kollox tagħmel fil-ħajja!

X’siwi edukattiv taħseb li għandu l-ktieb tiegħek?

Irnexxieli noħloq ktieb dwar ġgant tal-politika Maltija u rnexxieli nagħmel dan b’mod leġġer ħafna, b’mod li jista’ jaqrah u jifhmu u jieħu gost bih kulħadd. Ġaladarba taqra l-ktieb mingħajr ma trid qisek tixrob il-background storiku ta’ pajjiżna wkoll, il-background li kien jgħix fih Mintoff. Issir taf dwar il-qagħda tal-Maltin, l-intriċċi fil-politika barranija, l-azzjonijiet tiegħu u l-impatt tagħhom kemm fil-qasam domestiku kif ukoll dak internazzjonali. Il-qarrej isir jifhem aktar dwar is-soċjaliżmu ta’ Mintoff, x’kien il-ħsieb wara ċertu miżuri, x’effett ħallew fuq il-poplu u x’effett ħallew fuq pajjiżna, x’kienet il-viżjoni tiegħu, fejn ried jasal, fejn wasal u x’seta’ għamel aħjar. Isir aktar konxju ta’ x’kienu d-difetti tiegħu u anki x’għamlu ta’ qablu u x’relazzjoni kellu magħhom u mal-kontemporanji tiegħu. Il-verita’ hi li żgur kulħadd sema’ b’Mintoff imma żgur mhux kulħadd fehem x’kien il-pjan tiegħu, x’wettaq verament u għaliex ħoloq il-kontroversja. Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq dawn l-affarijiet kollha, dan jagħmlu dejjem b’mod sempliċi għal-aħħar. 

Għaliex Mintoff jimpressjonak?

Ftit niftakar dwar Mintoff u nafu meta kien imdaħħal sew fiż-żmien. Allura aktar milli kien jimpressjonani hu, fil-bidu aktar kienu jimpressjonawni r-reazzjonijiet tan-nies meta ssemmih. Jew tħobbu ħafna, tadurah jew ma taħmlux u ma tistax tarah b’għajnejk. Kont ngħid imma kif jista’ jkun dan il-bniedem iqanqal daqshekk sentimenti opposti imma daqstant qawwija? Kont niskanta. Skantajt ukoll b’dak li ġara fl-1998 u hemmhekk qisu doqt il-forza tal-ħsibijiet u l-azzjonijiet ta’ dan il-bniedem. Diffiċli taqdef kontra l-kurrent flok taċċetta l-istatus quo. Hu għamel hekk tul ħajtu kollha. Ara x’karattru u determinazzjoni! Fit-tajjeb u fil-ħażin ikolli ngħid li kollox jimpressjonani minnu.

Qatt iltqajt ma’ Mintoff personalment? X’esperjenzi għandek tiegħu?

Qatt ma ltqajt miegħu personalment u meta kont qed nagħmel il-ktieb, tlabt lil uliedu biex inkun nista’ nżuru imma peress li saħtu kienet ħażina, ma kinux iħallu nies imorru ħdejh. Esperjenza li baqgħet f’moħħi seħħet waqt intervista li għamlulu fuq it-televixin fis-snin disgħin. Niftakru jitkellem fuq il-privatizzazzjoni. Kelma twila u diffiċli u hu spjegaha bla tlaqliq u b’mod li jista’ jifhmu kulħadd. Niftakru qisu lbieraħ jgħid ‘Privatizzazzjoni? Din xi tfisser? Qisu għandek mastrudaxxa u tbigħlu l-għodda. Allura biex ser jaħdem? Dik kienet l-ewwel darba li smajtu jitkellem u laqatni mill-ewwel, tant li bqajt niftakar x’qal.

Liema kienet l-intervista (inkluża fil-ktieb) li l-aktar laqtitek?

Diffiċli nirrispondiha din id-domanda għax kull intervista għandha l-karattru uniku tagħha li b’xi mod laqtitni għax kieku mhix inkluża fil-ktieb. Wara kull intervista għandek imbagħad il-bniedem u l-karattru personali tiegħu. Laqtuni diversi kelliema min għal ħaġa u min għal oħra. Fosthom kien hemm għadd ta’ nies dħulin ħafna li laqgħuni immens. Mhux se nsemmihom kollha għax għandi lista sħiħa. Imbagħad laqtuni ħafna l-eks-mexxejja tal-partiti. Laqatni Dr Fenech Adami għax qatt ma ltqajt ma’ bniedem daqshekk loġiku. Laqatni ħafna wkoll Dr Karmenu Mifsud Bonnici, mhux biss għax jiftakar id-dati u d-dettalji storiċi b’ċertu faċilita’ imma wkoll għax ħassejtu bniedem inteliġenti ħafna.

Għala l-ktieb jismu l-Elf Lewn? Għal liema ‘lwien’ qed tirrerefi?

Mintoff huwa bniedem kumpless u t-titlu jirreferi għall-‘lwien’ u sfumaturi li kellu fil-karattru tiegħu u li joħorġuhom u jitkellmu dwarhom dawk li ġew intervistati. L-‘ilwien’ diversi jirreferu għall-aspetti fil-karattru tiegħu li kienu joħorġu fil-ħajja ta’ kuljum ma’ dawk li għexu qrib tiegħu. Permezz tal-intervisti, il-qarrejja se jħossuhom li jafu lil Mintoff aktar mill-viċin minn qatt qabel għax dan il-ktieb se jġiegħlhom, iridu jew ma jridux, itiegħmu x’tip ta’ karattru kellu. Wara kollox kien bniedem bħal kulħadd, bid-difetti, l-istramberiji, l-beżgħat u l-bqija.

X’relevanza taħseb li għad għandu Mintoff illum?

Hu kien rilevanti ħamsin sena ilu, għadu rilevanti llum u b’konvinzjoni ngħid li jibqa’ rilevanti mitejn sena oħra. Huwa minnu li ċertu aspetti mis-soċjaliżmu tiegħu ma toħlomx li jkunu implimentati fid-dinja tal-lum għax biż-żmien jinbidlu ċertu affarijiet bħalma huma l-metodi ta’ tmexxija. Madanakollu, meta nitkellmu fuq ċertu valuri u prinċipji li kellu, inħoss li dawn huma universali għax jibqgħu tajbin dejjem. Pereżempju l-Perit kien jisħaq fuq il-ħaddiem, il-fqir, il-batut u l-marid. Daħħal fil-poplu Malti l-idea ta’ ġustizzja soċjali. Din l-idea ta’ ruħ soċjali tista’ xi darba ssir out-dated? Allaħares ngħid jien għax inkella nkunu morna lura mhux ’il quddiem, inkunu erġajna nżilna fil-qiegħ.

Naħseb f’Mintoff u tinbet f’moħħi l-imħabba lejn il-patrija, imħabba li kull Malti għandu jħoss għal art twelidu, irrilevanti hux qed jgħix issa jew mitejn sena oħra. Hu daħħal fil-Maltin is-sens ta’ ‘jien bħalek u daqsek’ u pprova jeqred is-sens ta’ inferjorita’ kollettiva li l-poplu Malti jġarrab peress li għex dejjem taħt ħakma barranija. Dan il-prinċipju kif jista’ xi ħadd jgħid li mhux rilevanti anki llum jekk għadna sal-lum kultant inbatu b’kumpless ta’ inferjorita’ fejn jidħlu l-paraguni bejn dak li hu Malti u dak li hu barrani? Il-prinċipju li nkunu sid ta’ art twelidna u ma jkollniex indħil mill-barrani  mbagħad huwa rilevanti immens illum fid-dawl li Malta qegħda fl-UE u fid-dawl li kollox ġie u għadu qed jiġi pprivatizzat.

Jeħtieġ intervista oħra biex nitkellmu fuq dawk il-prinċipji li kienu tiegħu u li għadhom rilevanti sal-lum imma għal din l-intervista jkolli nieqaf hawn. M’hemmx dubju li fil-ħajja kollox jinbidel, xejn m’hu etern u kull ma jibda għandu t-tmiem imma ċertu prinċipji għandhom ikunu l-għeruq li permezz tagħhom tissaħħaħ il-pjanta. Ċertu valuri li kien iħaddan Mintoff huma u għandhom jibqgħu hemm bħala bażi, pedament sod u b’saħħtu li fuqu jinbena dak li hu ġdid illum. 

Leave a Comment