Awtur: Dr Charles Xuereb
Pubblikazzjoni: Malta University Press
“France in the Maltese Collective Memory: Perceptions, Perspectives, Identities after Bonaparte in British Malta” huwa ktieb li fil-fehma tiegħi, jimla vojt kbir fl-istorja ta’ Malta u jġagħlna niskopru fatti li għal diversi raġunijiet ikunu ġew imwarrba, u nazzarda ngħid imħassra mill-istorja ta’ pajjiżna. L-awtur jisfida l-impressjonijiet u t-“tagħrif” li bosta minnha nħaddnu imma li baqgħu jiġu mogħtija lilna matul iż-żminijiet. Għaldaqstant kien jeħtieġlu jindaga fuq studju vast, b’argumenti msaħħa u bbażati fuq diversi riċerki. Charles Xuereb huwa mwieled fl-1948 u trabba u għex il-ħakma Ingliża, esperjenza l-Indipendenza u dak kollu li segwa din il-ġrajja. Dan il-kuntest wasslu sabiex jirrifletti fuq l-identita’ nazzjonali u dak li jagħmilna bħala nazzjon. Il-mistoqsija ċentrali tal-awtur hija jekk it-tagħrif li għandna, jew aħjar dak li nafu dwar meta l-Maltin qamu kontra Bonaparte u t-twaqqif ta’ Gvern Ġdid fl-1788 huwiex mibni fuq perċezzjonijiet u l-interpretazzjonijiet differenti bosta minnhom mgħoddija lilna matul iż-żminijiet (Introduzzjoni, XXII). Sabiex jasal għal dan l-awtur janalizza diversi aspetti partikolarment fil-kultura popolari tagħna l-Maltin. Għaldaqstant dan il-ktieb mhuwiex sempliċiment dwar ġrajja waħda, jiġifieri dwar il-perjodu ta’ Bonaparte f’Malta jew it-tmiem tiegħu, imma ktieb dwar dak li fforma l-istorja soċjali u politika ta’ dan in-nazzjon. Aktar minn hekk huwa studju interessanti li jitratta l-identita’ nazzjonali.
L-istil li bih huwa miktub dan il-ktieb huwa wieħed mexxej ħafna. Jikkonsisti f’bosta eżempji interessanti li l-qarrej (jien inkluż) ftit li xejn għandna konoxxenza tagħhom. Il-ktieb huwa t-teżi tad-dottorat tal-awtur u għaldaqstant wieħed se jistenna argumenti riċerkati sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-awtur. Madankollu l-esperjenza vasta ta’ Charles Xuereb bħala xandar għal diversi snin għenitu mhux ftit fil-ħila li jikkomunika mal-poplu. Fil-fatt nista’ ngħid li minn meta bdejt naqra l-introduzzjoni bqajt għaddej sal-aħħar minn ġrajja għal waħda wara l-oħra. L-awtur huwa wkoll midħla sewwa tas-suġġett, kif nafu jaf sewwa l-istorja taż-żewġ pajjiżi, u huwa bniedem kulturat sew, infurmat tajjeb kemm bil-qari u anke bis-safar li huwa wieħed mid-delizzji tiegħu. Dan l-isfond jinħass sew fil-ktieb, u għalkemm kif inhi l-prassi fit-teżijiet f’bosta universitajiet, il-ktieb huwa fit-tielet persuna, il-pożizzjoni tal-awtur fil-fehma tiegħi tinħass ħafna kif ukoll l-esperjenza tiegħu. Il-qarrej jista’ wkoll jirrelata ma’ dak li hemm fil-ktieb, għaliex wara kollox din hija l-istorja ta’ pajjiżna.
L-identita’ Nazzjonali
Jidhirli li t-tema ċentrali li dwarha huwa mibni dan il-ktieb hija l-mistoqsija dwar l-identita’ Nazzjonali. Dan il-pajjiż huwa żvilupp ta’ diversi popli li ħakmuh li xi ftit jew wisq kollha ħallew l-impatt tagħhom. Għaldaqstant minn żmien għal żmien iqumu l-mistoqsijiet dwar il-kwistjoni tal-ilsien tagħna; minn fejn bdiet din il-lingwa, u saħansitra anke min huma l-antenati tagħna. Hemm ukoll id-drawwiet tagħna, fosthom id-drawwiet kulturali u popolari bħal ma huma dawk reliġjużi. Wieħed ma jistax ma jsemmix il-liġijiet u s-sistema edukattiva tagħna li wkoll huma influwenzati minn popli Ewropej. Xuereb hawnhekk imma jidħol ħafna aktar fil-fond fuq hekk u jistaqsi: Għalfejn naħsbuha b’dan il-mod? U hawn iġib eżempju konkreti moderni, sabiex juri kif ġie msawwar il-mod kif naħsbuha llum. Fi ktieb bħal dan, li huwa studju universitarju, ebda sentenza li l-awtur jisħaq fuqha ma tista titpoġġa barra mill-kuntest tagħha. Il-binja tal-argument ta’ Xuereb huma msaħħa minn stqarrijiet ta’ bosta awturi li tkellmu dwar l-identita’, l-identita’ nazzjonali, u l-formazzjoni tal-ħsieb bħal ma huma Paul Ricoeur, Pierre Nora, Michel Foucault, Richard Jenkins u bosta oħrajn.
It-twemmin kunfliġġenti li joħroġ anke fir-rewwixta tal-qassisin li rreferejt għaliha aktar ‘l isfel donnu jinħass ferm matul il-mixja ta’ dan il-poplu. Kellek aktar tard allura il-kleru fuq naħa, imma kellek ukoll ħassieba intelletwali ispirati mill-ħsibijiet liberali fosthom Mikiel Anton Vassalli, Cristoforo Frendo u Giuzeppe Zahra (p.70). Irridu ngħidu li nies bħal dawn jagħmlu ġieh lill-istorja ta’ pajjiżna, li minkejja l-faqar u l-injoranza li ddomina matul iż-żminijiet, joħorġu bħal għanja sabiħa fis-skiet tad-deżert ilħna li kisru s-silenzju u ngħaqdu ma’ intelletwali kbar oħra barra minn xtutna.
Il-Knisja Kattolika u t-Tradizzjonijiet Maltin
Waħda mill-mistoqsijiet kbar li kelli jien, u li fihom nista’ ngħid li sibt risposta permezz ta’ dan il-ktieb hija dwar ir-rwol tal-Knisja Kattolika f’Malta, taħt il-ħakma tal-Imperu Ingliż protestant. Huwa fatt kurjuż fil-fatt kif il-Knisja Kattolika donnha sabet kenn jew aħjar refuġju mill-Imperu Ingliż, li min-naħa tiegħu serraħ rasu li qiegħda żżomm il-kotra kalma. Personalment dejjem interessani wkoll kif l-edukazzjoni f’ħafna pajjiżi setgħet ġiet użata biex taqdi l-interessi tal-ħakkiema u l-eġemonija, u f’xi drabi oħra, min-naħa l-oħra, l-edukazzjoni obligatorja kienet tinħass ta’ theddida għaliex il-massa jiġu mgħarrfa sew.
Dan il-kuntest jista’ jgħinna nifhmu ftit ir-rabta fil-qrib li kien hemm bejn il-Knisja u l-Imperu. Kienu id f’id f’dak li xtaqu li dan il-poplu jiċċelebra u jikkommemora. Fost oħrajn insibu l-Assedju l-Kbir, li niftakru wkoll fit-twelid ta’ Marija. Il-bqija sal-1964 Malta ma kelliex ċelebrazzjonijiet oħra ħlief dawk imperjali (p. 15). Interessanti stampa ta’ pittura li nsibu fil-bidu tal-ktieb “The Prince of Wales and a priest down Strada Santa Lucia” li hija stampa London illustrated tal-1876, li fiha naraw propju raprezentat tal-Knisja u tal-monarkija mexjin biswit xulxin.
Il-ġlieda għall-poter, mhijiex kwistjoni moderna. Fil-ktieb insibu dwar ir-rewwixta tal-qassisin, li bdiet wara li l-Gran Mastru Francisco Dimenes de Texada (1773-75) barra li neħħa ħafna mill-privileġġi tar-reliġjużi, għamel illegali l-ikkaċċjar tal-Fenek. Dun Gaetano Mannarino flimkien ma’ grupp ta’ qassisin organizzaw rewwixta, waqt li bdew jaħsbu li l-poplu kien se jingħaqad magħhom. Madankollu ma ġarax hekk għaliex il-poplu fil-fatt ħadha kontra tagħhom (p.110). Din is-silta hija interessanti għaliex joħroġ il-fatt kemm xi waqtiet il-poplu jaġixxi skont dak li jkunu bellgħulu. Interessanti imma aktar għaliex aktar tard, ir-reliġjużi reġgħu ħaduha kontra t-tmexxija, din id-darba kontra Bonaparte. Waqt li forsi sal-ġurnata tallum, smajna ħafna rakkonti dwar x’għamlu l-Franċiżi ‘kontra’ l-Knisja u ‘kontra’ l-Maltin, jidher li Bonaparte ta wkoll bosta privileġġi lil Knisja f’Malta. Fost oħrajn neħħa l-amministrazzjoni ċivili fejn bosta reliġjużi kellhom ħafna kwistjonijiet bejniethom fiha, u ħeles lil Dun Gaetano Mannarino wara tlieta u għoxrin sena fil-ħabs tal-Ordni (paġna 136). Barra minn hekk offfra l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann (li hu tal-Istat) lill-Knisja Maltija u stieden lill-Isqof biex jamministra serviżzi reliġjużi f’dan ir-tempju prestiġjuż li qabel ma kellux aċċess għalih (p.136). L-Arċisqof Labini kien iqaddes ukoll ġewwa s-swar għall-Franċiżi (p.137).X’wassal allura għar-rewwixta? Fil-ktieb insibu bosta raġunijiet, imma l-aktar li toħroġ hija dik finanzjarja. Ħafna membri tal-kleru kienu ġejjin minn familji “comodissimi, denarosi, benestanti, mercandanie,” u “facultosi” (p.134). Bla dubju hemm ukoll il-biża mill-istat sekulari li ried joħloq Bonaparte. Minkejja li Bonaparte, kontra l-idea popolari kien jemmen f’Alla (p.199) xorta l-propoganda beżżgħet kontra “x-xjaten Franċiżi” (p.198). Ejja niftakru wkoll li fl-1798 Bonaparte diġa kien qed jiddiskuti ż-żwieġ ċivili mal-Knisja Kattolika, li setgħet twassal ukoll għad-dħul tad-divorzju (p.40). Tajjeb inżommu dan il-kuntest f’moħħna meta niftakru li ż-żwieġ ċivili kien wassal għall-kwistjoni reliġjuża taħraq fis-sittinijiet u li d-divorzju f’Malta daħal ħafna aktar tard, propju fl-2011.
Rabtiet ma’ Malta u l-Ingiltera
Kif jiġri meta jkollok ħakma bħalma kienet dik Ingliża, saru sforzi konxji sabiex dan il-pajjiż ikun jinħass sew il-kobor tal-Imperu Ingliz. Simboli Ingliżi għadna nsibuhom ma’ bosta faċċati ta’ palazzi u fortifikazzjonijiet li kienu tal-Ordni. Reġgħu biddlu l-isem minn Place de La Liberte għal dak oriġinali St George’s Square (u ġiethom tajba billi San Ġorġ huwa l-patrun tal-Ingilterra) u minn Rue Nationale saret Kingsway. Interessanti l-fatt li matul il-ħakma Ingliża ebda president Franċiż ma ġie mistieden f’Malta, u dan baqa’ sejjer saħansitra wara l-Indipendenza (p.303)
Il-perċezzjoni li l-Franċiżi huma “l-għedewwa tagħna li rbaħnilhom” baqgħet saħansitra wara li l-waqgħa ta’ Napuljun, meta l-Gran Brittanja u Franza saru alleati. Din il-perċezzjoni negattiva swiet tajjeb għall-Imperu Ingliż li kompla jagħti l-impressjoni ta’ protettur u ħabib tal-poplu Malti li ħeles lill-Maltin mill-ħakma Franċiża (p. 150).
Konklużjonijiet
Huma bosta li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna u hekk għandu jkun. Irridu nkunu nafu minn fejn ġejjin biex insiru nafu aktar lilna nfusna. Għaldaqstant dan huwa ktieb li ħadd m’għandu jitlef, u għandu jsib post fil-libreriji tagħna. Dak li jipprova jagħmel Xuereb huwa totalment l-oppost dak li jagħmlu kittieba Romantiċi. Xuereb jinqata’ mill-idealiżmu u jistaqsi b’mod kritiku dak li diġa konna nafu. Jistaqsi għalfejn inġibu ruħna b’dan il-mod u jqanqal temi li forsi sal-ġurnata tallum ftit jazzardaw iqanqlu.
Il-ktieb fih ukoll minjiera ta’ sorsi fosthom primarji, li anke naraw xi wħud minnhom bħala stampi. L-awtur jinseġ tajjeb ferm l-istudju tiegħu dwar l-identita’ mal-esperjenzi ta’ dan il-poplu u ġrajjiet li seħħew. Il-ktieb huwa ppublikat mill-Malta University press.