Satin

Mhux l-ewwel darba li l-qarrejja talbuni nissuġġerixxi xi ktieb bi stejjer qosra. F’dawn it-tip ta’ stejjer, għalkemm l-awtur huwa limitat fl-ispazju u kemm jista’ jiftaħ l-istorja, xorta jista’ jimraħ fl-immaġinazzjoni permezz tad-diversi stejjer differenti. Huma ideali wkoll għal min irid jasal għall-konklużjoni tal-istorja malajr. Imbagħad hemm numru ta’ qarreja oħra li talbuni wkoll rumanzi/stejjer qosra ħelwin, x’aktarx b’lingwaġġ li jiftiehem, li jistgħu jiggustaw. Rita Saliba, permezz ta’ dan il-ktieb laqtet lil dawn iż-żewġ tipi ta’ qarrejja. F’idejna għandna ktieb bi stejjer qosra, ħelwin u li jpaxxu lil min jaqrhom.

Din is-sempliċita’ mhijiex nuqqas imma kwalita’ u ċertament li l-istejjer ta’ Saliba mhux nieqsa mill-ħsieb profond li jsawwarhom. Mhux nieqsa lanqas mill-espressjonijiet sbieħ bil-Malti u tħaddim tajjeb tal-lingwa. Huwa dwar dan iż-żewġ aspetti l-aktar li laqtuni f’dan il-ktieb u li se niftaħ aktar fuqhom il-ħsibijiet tiegħi. Minkejja diversi temi li jistgħu jkunu delikati, bħal relazzjoni mal-ġirien, familjari, il-mewt, faċilment dawn jiġu aċċettati mill-qarrej u l-istil ta’ Saliba qatt ma jkun offensiv jew b’xi mod li jweġġa’ lil dak li jkun.

L-istejjer jolqtu aspetti differenti tal-ħajja, forsi anke dawk li ftit ikollna ċans naħdmu fuqhom. U waqt li taqrhom tgħid, ‘kos, taf li vera hekk jiġri’. Il-qarrejja faċilment jassoċjaw mal-istejjer, jagħmluhom tagħhom, ifakkruhom x’xi ġrajja jew oħra li għaddew minnhom, u f’xi kważijiet anke tistħajlek parti mill-istorja.
L-istejjer
Mhux se ntellef il-kurzita’ tagħkom, qarrejja ta’ din il-paġna, u l-gost li taqraw dan il-ktieb. Għaldaqstant ir-rakkonti inħallihom f’idejkom. Xtaqt aktar naqsam xi ħsibijiet sabiex nuri kemm il-qarrej jista’ jirrelata mal-istorja u forsi x’wassal sabiex Saliba kitbet dik l-istorja.
It-temi huma ħafna: kwistjonijiet mal-ġirien, ħbieb, għira, teknoloġija, id-determinazzjoni, il-mewt u oħrajn. M’huwiex daqstant dirett il-ħsieb, jew it-tema wara kull storja. Wara kollox l-għan tal-awtriċi huwa li tagħti gost lill-qarrejja. Xi kultant waqt li qed naqra ħassejtni wkoll qiegħed nuża il-media soċjali u nara x’għandhom x’joffru l-kontributuri. Ngħidu aħna ma kinetx felċi ordinarja li marret tiftaħar biha l-persuna tal-ewwel storja “Stephanotis flats” għaliex f’kemm ili ngħidlek il-blokk sar qisu foresta. U x’tagħmel jekk iħabbat il-bieb u taħseb li xi ħadd ikun ġablek il-fjuri f’Jum “San Valentinu” u minflok ikunu għal ħaddieħor! Jew inkella jekk taħseb li “bla flus”, tispiċċa toqgħod ħdejn xi ħadd li vera ma tridx toqgħod ħdejh u wara tintebah li l-kartiera fil-but. Mhux hekk biss, imma dal-persuna ma jkollux flus! Id-dinja tat-teknoloġija li qed ngħixu fiha hija l-ispirazzjoni tal-istorja “Il-Kelb”. Xi kultant, wisq naħsbu li t-teknoloġija hija s-soluzzjoni maġika ta’ kollox. Fid-dar ta’ Lino u Tessa “il-magna tal-ħasil kienet taf x’ħin għandha tibda taħsel, it-telvixin x’ħin jinxegħel u jintefa’, il-forn kien jagħraf il-majjal mill-pastizzi u d-dawl jixgħel b’ċapċipa u jintefa’ bi tnejn” (paġna 13). Imma kollox jista’ jissolva b’għafsa ta’ buttuna?
B’xorti ħażina, storja li tista’ tiġri hija dik li nsibu f’”Is-Segretarja” fejn wieħed jiġi mqarraq u meta xi ħadd filli jibda jaħseb li se jsib xi ħaġa li se jkun jixtieq u filli jsib xi ħaġa oħra. Fi tbissima nistaqsi wkoll, jekk il-mara li bosta drabi titqies bħala s-sess id-dgħajjef, għandiex dan il-kontroll fuq ir-raġel.
L-awtriċi toħodna minn vjaġġ għall-ieħor, mit-tfulija sa etajiet akbar u minn post għall-ieħor. Jekk dan mhux biżżejjed, Saliba timmeravilja ruħa wkoll bis-seħer tad-deżert fl-istorja “In-nies tar-riħ” u kapaċi tidħol f’din il-kultura differenti u differenti għal kollox minn dik tagħna.
L-istil
L-istejjer ta’ Saliba huma bħal “ward ifuħ” (espressjoni li intenzjonalment qed noħodha mill-istorja “Żiffa riħ u ward ifuħ”), li jserraħlek moħħok u jpaxxik bit-tiżwiq ta’ kliem. Hi x’inhi l-istorja, anke jekk fiha waqtiet iebsa bħalma hi l-mewt, xorta ma ttaqqalx wisq il-qarrej. Fil-kitba nara din l-armonija bejn in-natura u aħna, l-imgħoddi u u issa, u forsi din l-armonija fil-kitba li hija riflessa f’ċerta kalma u sliem.
Il-ħila ta’ Rita Saliba hija li tosserva l-iċken dettalji, titkellem fuq l-aktar ħwejjeġ żgħar li forsi lanqas nagħtu każ. Din hija l-ħila li żżewweġ l-osservazzjoni kwazi minn lenti ta’ tifla żgħira, f’dinja kbira bi ħsieb matur u ta’ adulta. Forsi l-esperjenza ta’ Saliba bħala awtriċi ta’ bosta kitbiet għat-tfal, saħħu fiha din il-ħila li tosserva u s-sempliċita’. Fl-istess ħin l-awtriċi tagħna hija wkoll poetessa, u għaldaqstant tirrifletti u tesprimi l-ħsus tagħha bħal għanja ħelwa.
Ma tonqosx ukoll it-tbissima kultant b’sitwazzjonijiet li għalkemm ma jkunux komiċi tidħak, għallinqas wara li jkunu għaddew!
Konklużjoni
Xtaqt nagħlaq dan il-ħsieb tiegħi bil-ħsieb li nsibu fuq wara tal-ktieb:
“L-istejjer miġbura fihom sfumaturi ta’ ġrajjiet awtentiċi: għalkemm waqtiet juruk dak li jleqq, ħafna drabi jiżvelaw minn taħt dak li huwa matt u aħrax… bħal biċċa drapp tas-satin.”
Dan il-ktieb huwa ktieb ġdid ta’ Horizons Publications, u jinstab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit: http://horizons.com.mt/.

(Paġna Letterarja , It-Torċa, 26 t’Ottubru 2014) — with Rita Saliba.

Leave a Comment