Nitkellmu ma’ Charles Briffa

L-ewwel parti tal-Intervista

Huwa ta’ privileġġ kbir għalija li tkellimt mal-Professur Charles Briffa.  Il-Professur Briffa, tana fuq kollox riċerka estensiva dwar il-lingwa u l-letteratura Maltija, għallem għal ħafna snin il-letteratura Maltija u t-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta u huwa kritiku letterarju, riċerkatur tal-Malti, u traduttur. L-interessi ewlenin tiegħu huma l-istilistika kognittiva (li tidher sewwa fil-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu fuq l-awturi Maltin) u l-lingwistika kulturali (li hu jxandar regolarment fuq stazzjonijiet differenti tar-radju u t-televixin).   F’din l-intervita ser nagħtu ħarsa, naturalment ħafifa ħafna,  lejn 8 kotba bi studju letterarju, kollha kemm huma ippublikati minn Horizons. 

  1. Professur Briffa grazzi li lqajt din l-intervista u jekk tippermettili ser nindirizzak bl-ewwel isem tiegħek, Charles.  Dan l-aħħar ħareġ il-ktieb “Il-Ġrajja Ssir Kelma – Ngħarrxu fl-Imgħoddi u l-Preżent”, kif diġà għedna pubblikazzjoni Horizons.     Dan il-ktieb huwa żvilupp fuq ktieb ieħor li inti kont ħriġt bl-isem “Il-Ġrajja wara l-Kelma”.  Fiż-żewġ kotba nsibu vjaġġ etimoloġiku fejn dħalt fil-ġrajja tal-iżvilupp tal-kelma biex nifhmu aktar lil niesna.  Il-lingwa tagħtina bosta tagħrif interessanti dwar kif kienu jgħixu missirijietna.  Ħa nġib ftit eżempju bi ktieb ieħor, inħobb naqbad f’idejja spiss l-ewwel dizzjunarju Malti, “Id-Damma ta’ De Soldanis” u anke minħabba l-mod kif dak iż-żmien kien jinkiteb id-dizzjunarju, illum jista’ jkollna tagħrif siewi dwar ġrajjiet żminijietna.    Kif il-kliem jikkontribwixxu biex insiru nafu l-ġrajjiet ta’ missirijietna? 

T.   Il-qofol tal-istudju tal-lingwistika kulturali huwa r-relazzjoni bejn il-lingwa, il-ħsieb, u l-kultura – b’kultura hawnhekk l-aktar li qed nifhem id-drawwiet, it-twemmin, l-imġiba, u l-kisbiet tal-ħajja soċjali li jistgħu jixirfu fi żminijiet differenti u li nistgħu (għall-konvenjenza) nagħsruhom fl-espressjoni “ġrajjiet missirijietna”. Jeħtieġ inħarsu lejn il-lingwa bħala kisba interazzjonali mimlija b’valuri soċjali li jsawru identità, narrattiva, u ideoloġija. U għandna nifhmu li fil-lingwa hemm stor kulturali li jibqa’ ġej mal-mixja taż-żmien; u għaldaqstant kull kelma jkollha l-ġrajja unika tagħha fi ħdan il-lingwa tagħha, ġrajja li tista’ tiżviluppa mal-mixja taż-żmien. 

Biex infisser ruħi b’eżempju, ħa nieħu l-kelma “ċanga” u naraw fil-qosor xi ġrajja hemm warajha. Il-kelma “ċanga” tidher ġejja mill-Isqalli chianca li għandha żewġ tifsiriet: tarf ta’ siġra maqtugħa u ħanut tal-laħam – naraw li seħħet il-bidla fonoloġika mill-Isqalli għall-Malti. Mill-evidenza lessikografika tal-istudjużi tagħna joħroġ dan it-tagħrif li juri l-bidla semantika: (a) “ċanga” oriġinalment kienet tfisser ħaġra kbira (De Soldanis, seklu 18); (b) imbagħad ħadet tifsira ta’ bank rustiku li seta’ kien tal-ħaġar u seta’ kien magħmul minn zokk ta’ siġra (Vassalli, fl-aħħar tas-seklu 18); (ċ) u bdiet tfisser ukoll blokka biex tal-laħam iqatta’ l-laħam fuqha (Falzon, Busuttil, Magro, fl-aħħar tas-seklu 18 sa qabel nofs is-seklu 20); (d) imbagħad bdiet tintuża bħala l-laħam tal-barri (Psaila-Diacono, Serracino Inglott, Aquilina, fis-seklu 20 u wara). Din l-aħħar tifsira hija s-sens kurrenti ta’ żmienna. U l-istorja ma tiqafx hemm. Titkompla għax insibu li “ċangun” (kantun) hija superlattiv ta’ “ċanga”; u dan il-fattur nifhmuh jekk inżommu f’moħħna li l-ewwel tifsira ta’ “ċanga” kienet ta’ ħaġra – għandna wkoll “ċangatura” ġejja minnha. Riċerka bħal din, waqt li tesplora r-relazzjoni bejn il-lingwa u l-konċettwalizzazzjoni kulturali, tagħtina bank ta’ memorja kollettiva. 

  • Il-Maltin li qed nitkellmu dwarhom huma nies komuni ordinarji.  Il-Malti kien mitkellem minn persuni x’aktarx bla skola li ma kellhom ebda importanza ngħidu aħna fit-tmexxija.   Maltin li ma kellhom drittijiet ta’ xejn, la kellhom edukazzjoni u lanqas kellhom ġid.  Però fl-istess ħin ma rridux ngħidu li kienu injoranti, tant li komunament spiss nitkellmu dwar l-għerf ta’  missirijietna.  X’tgħidilna dwar dan?

T.   F’din l-erja ta’ studju li qed insejħilha lingwistika kulturali niddiljaw ma’ xeħtiet u xejriet ta’ lsienna li jaqilbu jew ibidlu fi kliem konċettwalizzazzjonijiet imsawrin kulturalment li jħaddnu meded ta’ tiġrib uman. Għalhekk inħobb ngħid li f’ħafna elementi ta’ lsienna nsibu konċettwalizzazzjonijiet kulturali – li jien infissirhom bħala l-ġrajjiet wara l-kliem jew il-ġrajjiet isiru kelmiet. U meta nkunu nafu b’dawn il-ġrajjiet, nifhmu ftit moħħ missirijietna: nagħrfu kemxejn il-mentalità tal-antenati tagħna mgħobbija b’għerf meqjus; għalhekk irridu nifhmu u nagħrfu li ma kinux injoranti. 

B’eżempju ħa nsemmi l-espressjoni “għali infern” li aħna ngħidu meta nkunu rridu nixtru oġġett li jkun għali ħafna, esaġerat. Il-paragun mal-infern jidħol minħabba li fil-mentalità Nisranija biex wieħed imur l-infern irid jitlef ruħu, jiġifieri jitlef l-egħżeż ħaġa li l-bniedem għandu, u allura l-prezz tal-infern huwa għali ħafna. Hawn qed tidħol il-psikoloġija kognittiva li tlaqqa’ kunċett ma’ ieħor: kunċett reliġjuż ma’ kunċett soċjali. Fil-mentalità tradizzjonali Maltija l-infern huwa reali ħafna, u paragun tal-ħajja umana miegħu bħala kunċett joħroġ b’mod integrat mal-ħsieb ordinarju tal-ħajja ta’ kuljum. Din l-idea ta’ integrazzjoni titqawwa b’espressjonijiet oħra bħal “ħatba tal-infern” (persuna kattiva jew brikkuna) u “sar infern” (saħan bla rażan bir-rabja). Dan kollu juri ftit kemm dawk ta’ qabilna kellhom kognizzjoni kulturali dinamika. U fl-eżempju li jien tajt għat-tifsiriet ta’ “ċanga” nilmħu fattur interessanti fejn tidħol il-mentalità ta’ niesna, għax il-proċessi tal-ħsieb qegħdin jiġu l-ħin kollu nnegozjati u rrinegozjati minn ġenerazzjoni għal oħra minħabba li s-soċjetà tiġi f’kuntatt mal-bidla taż-żmien. 

  • Mela l-Maltin li qed insemmu f’dawn il-kotba mhumiex, qegħdin ngħidu, dawk li kienu forsi qrib il-ħidma tal-gvern u tal-ħakkiema barranin.  Il-Maltin importanti li kienu jieħdu sehem f’xi kunsill popolari fil-medju Evu probabbli kienu jużaw lingwi barranin.  Inkun qed ngħid sew jekk ngħid allura li lsien pajjiżna seta’ salva, grazzi għall-fatt li baqa’ mitkellem, b’enfasi fuq il-mitkellem aktar milli l-miktub, mill-Maltin li ma kellhom ebda importanza soċjali u lanqas saħħa finanzjarja? 

T. Omar, is-suġġett ta’ din il-mistoqsija jitlob ktieb sħiħ bi tweġiba. Imma biex inwieġbek fil-qosor ngħidlek: iva, qed tgħid sew. Matul is-sekli mbegħdin, il-Malti baqa’ ħaj fost il-Maltin komuni li nqdew bih bil-fomm (mhux bil-pinna) u bil-fomm intiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan il-fattur juri kemm il-Malti huwa b’saħħtu għax baqa’ ħaj fuq il-fomm tan-nies minkejja li l-baranin u xi Maltin għonja ftit li xejn taw kasu, tant li dam ħafna biex beda jinkiteb. 

Dan ktibna fuqu fid-dettall ħafna jien u marti (Angela) fil-ktieb tagħna Iż-Żmien fuq Sider Malta (Horizons Publications, 2011), li huwa tiżwiqa ta’ storja, lingwa, u letteratura. Dan il-ktieb jagħti l-ġrajja tal-fatti u l-moħħ tal-Maltin li bħala “l-egħżeż tifkiriet” ifissrulna parti mill-identità tagħna. L-għan tal-ktieb huwa li juri l-għeruq, it-tnissil, u l-iżvilupp tal-ħsieb letterarju Malti. U biex jirnexxielna nagħmlu dan hemm bżonn inħarsu lejn l-istorja tal-gżejjer tagħna ħalli naraw il-qafas li fih intgħaġnet il-lingwa li biha l-moħħ letterarju kellu jesprimi ruħu. B’hekk il-letteratura tidher ingastata fil-ġrajja storika u lingwistika tal-gżejjer. Jiġifieri, huwa ktieb lijittratta l-lingwa Maltija u l-letteratura tagħha. Fih naraw kif żviluppa l-Malti, mitkellem minn ftit nies li dejjem kienu maħkumin minn xi qawwa kbira. Il-Malti baqa’ ħaj avolja kien hemm lingwi kbar fuq il-Gżejjer Maltin li setgħu ħonquh u qatluh. U meta beda jinkiteb, il-Malti kompla jitqawwa u jistagħna. Il-Malti jagħtina l-identità tagħna bħala nazzjon reżiljenti, jiġifieri bih nintgħarfu li aħna Maltin li għandna ħila nqumu fuq saqajna minkejja l-iżvantaġġi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom. 

  • Charles inti għamilt numru kbir ta’ analiżi u studji letterarji, fosthom tax-xogħol tiegħi Ċrieki.  Imma llum xtaqt nistaqsik dwar studji dwar numru ta’ awturi, għax tajjeb ngħidlek li l-għan ewlieni ta’ din il-paġna huwa li nirrakomandaw kotba kotba tajbin għall-qarrejja tagħna, li inti ħriġt.  Mela hawnhekk għandna sensiela ta’ kotba sbieħ ferm, mid-dehra tagħhom ukoll iżejnu lil-librerija tagħna, bil-qoxra iebsa, u tagħrif dwar numru ta’ awturi.  Qabel nagħtu ftit ħarsa lejn dawn il-kotba iżda xtaqt nistaqsik domanda.  Konna qed nitkellmu dwar il-lingwa li taqdina fit-taħdit ta’ kuljum, il-lingwa tal-kċina kif insejħulha, iżda issa hawnhekk għandna l-letteratura.  X’valur tagħti l-letteratura lil-lingwa?    U kemm huwa ta’ prestiġju għall-Malti li huwa mogħni wkoll b’letteratura ta’ valur għoli? 

T. Il-lingwa tistagħna bil-bosta bil-letteratura. L-aktar qawwa tal-lingwa tinsab fil-letteratura għax il-kreattività għandha ħila toħloq bosta qagħdiet figurattivi u xejriet ta’ neoloġiżmi differenti minbarra s-sitwazzjonijiet realistiċi u l-fatti veri li tippreżentalna. Il-lingwa maħluqa kreattivament (jiġifieri, il-lingwa letterarja) turina kif nispjegaw xejriet tal-eżistenza reali tagħna u tagħtina għarfien fis-sentimenti u l-ħsibijiet bħala tiġrib uman; b’hekk nidħlu f’relazzjoni ma’ dawk ix-xejriet u nagħmlu sens mid-dinja u l-kontemporanjetà tagħna. 

Għaldaqstant, aktar ma jkollna letteratura ta’ valur għoli, aktar jitqawwa l-Malti. Il-letteratura toffri ċans ta’ ħarba mir-realtà, imma fl-istess ħin għandha l-potenzjal li tipprovoka l-għarfien tagħna li jkun żviluppa mill-esperjenzi tagħna. Tagħtina struttura organizzata artistikament tal-effetti lingwistiċi. L-istħajjil tal-qarrej iwieġeb għall-esperjenza letterarja; il-lingwa letterarja taħdem fuq il-perċezzjoni tal-qarrej, bħalma jiġri meta naqraw xogħlijiet ta’ Dun Karm, Francis Ebejer, Oliver Friggieri, u Doreen Micallef – fost ħafna oħrajn. Il-ġieħ tal-Malti jitjieb b’letteratura għaqlija u fejjieda. B’letteratura xierqa, il-qarrej Malti jkollu ċans jaħseb sew fuq it-temi ppreżentati hu u jifli l-mod konvenzjonali u kreattiv tal-lingwa. 

Il-letteratura turi x’possibiltajiet kreattivi għandha l-lingwa. Jiġifieri turina x’tista’ tagħmel il-lingwa meta nħaddmuha bil-għaqal biex noħolqu xi sitwazzjoni jew xi karattru. Għax il-bniedem fih hemm ix-xewqa li juża l-lingwa b’mod kreattiv. U allura nistgħu ngħidu li l-letteratura tissawwar għax il-bniedem jieħu gost joħloq u jivvinta. Imma fl-istess ħin nifhmu li tista’ tkun serja ħafna. Tista’ tuża l-ġmiel tagħha biex aħna nkunu nistgħu nitħassbu fuq ix-xejriet sbieħ jew koroh tal-ħajja. Jiġifieri noqogħdu nħossu l-valuri l-aktar li jogħġbuna fil-ħajja jew immaqdru dawk l-affarijiet li ma jogħġbuniex.

Bil-letteratura ħajjitna ssir aktar sinjura għax tkattrilna l-ħila biex nifhmu aktar (wara li naqraw il-ħsibijiet ta’ ħaddieħor) u żżidilna l-ħila biex nikkomunikaw aħjar (wara li niflu kif ħaddieħor fisser ħsibijietu). Permezz tal-letteratura nsibu t-tifsir li għandna bżonn fid-dinja tagħna, imbagħad dan it-tifsir naqsmuh ma’ ħaddieħor. Jiġifieri nkunu qegħdin inkunu karitatevoli, u nieħdu gost aktar ngħixu. Mela, il-letteratura nistgħu narawha bħala teżor f’senduq li jiswa ħafna għal min jaf jużah. Dan it-teżor jiddependi fuq il-lingwa. 

N.B.  Din l-intervista tissokta fil-Paġna Letterarja li jmiss. 

Qrib il-fruntiera tal-kunflitt

Tkexkix. Tkexkix fuq tkexkix. Hekk biss nistgħu niddeskrivu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna.  L-Ukrajna pajjiż Ewropej li xi wħud minna wkoll żaru u forsi anke tkellmu jew għandhom ħbieb bosta Ukreni.   L-Ukrajna jinsab taħt in-nar għaliex ebda diskussjoni ma waslet għal soluzzjoni.  L-Ukrajna li meta kien reġjun tal-Unjoni Sovjetika kellu u allura llum bħala pajiż indipendenti għad għandu kemm ir-reġjun tad-donbass u anke l-Krimeja.  L-Ukrajna fejn sfortunatament il-ftehim ma wassalx għal soluzzjoni.   Fuq kollox għandek il-forzi Russi fit-territorju ta’ ħaddieħor, li mhux tagħhom.  

Jista’ jkollna ħafna djalogi, kritika, nuqqas ta’ ftehim, meta għandek il-sliem.  Iżda ebda tixrid ta’ demm mhu tama għal soluzzjoni.  Ebda ġustifikazzjoni għal tankijiet tal-gwerra f’art ħaddieħor.  Is-soluzzjonijiet jinstabu biss jekk tieqaf din il-gwerra kiefra u f’Ukrajna ħielsa.  L-Ukrajna għandha dritt ukoll li tagħżel it-toroq li trid.  l-Ukreni wkoll iridu jagħżlu t-toroq li jridu imma fi proċess demokratiku.  Fl-aħħar mill-aħħar hija r-rieda tal-maġġoranza u mhux ta’ reġjun li jagħżlu d-destin ta’ pajjiż.  

Din id-daħla hija l-pożizzjoni tiegħi bħala editur letterarju u mhux neċessarjament taqbel ma’ dik tal-poeti li inkludejt ix-xogħol tagħhom hawnhekk (u wisq aktar id-dettal tal-argumenti tiegħi).  Nemmen iżda li jkun żball jekk din il-paġna ma tiħux pożizzjoni politika.  Ikun żball jekk l-arti tibqa’ newtrali.  

Tkexkix.  Tkexkix fuq tkexkix.  Din qed nislitha mill-messaġġ b’saħħtu kontra l-gwerra tas-sbatax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, li se jikkonkludi b’żewġt iljieli fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta.   F’kull lejla, erba’ awturi mistiedna qraw ix-xogħlijiet tagħhom, flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom li ħadmu fuqhom matul il-workshop tat-traduzzjoni.  Fetħet is-serata tas-Sibt l-awtriċi Ukrena Julia Musakovska .  

Julia Musakovska (1982) twieldet fi Lviv, l-Ukrajna. Hija poetessa, traduttriċi, u membru tal-fergħa Ukrena tal-PEN. Ippubblikat ħames ġabriet ta’ poeżiji bl-Ukren, The God of Freedom (2021), Men, Women and Children (2015), Hunting the Silence (2014), Masks (2011), u Exhaling, Inhaling (2010). Rebħet diversi premji letterarji Ukreni fosthom il-premju DICTUM mid-dar tal-pubblikazzjoni Krok, u l-premji Smoloskyp, Ostroh Academy Vytoky, Bohdan Antonych, u      Hransolov. Il-poeżija tagħha ġiet tradotta f’aktar minn 15-il lingwa u ppubblikata f’rivisti u antoloġiji varji f’diversi pajjiżi. Musakovska ttraduċiet poeżija Żvediża għall-Ukren u awturi kontemporanji Ukreni għall-Ingliż. Kisbet Maġisteru fl-Affarijiet Barranin mill-Università Nazzjonali ta’ Lviv, l-Ukrajna, u ilha taħdem fl-informatika mill-2007.

Ira Melkonyan, artista performattiva Ukrena li għexet għal żmien twil f’Malta, wkoll wirja ma’ Marichka Shtyrbulova, attriċi Ukrena, li se tittella’ waqt il-qari ta’ Julia Musakovska, il-kittieba mistiedna mill-Ukrajna. Dan għamlitu wkoll f’kollaborazzjoni mal-attriċi bravissima Ruth Borg, bl-għajnuna ta’ Adrian Mamo u Jimmy Grima.

Disinn tal-Ħoss ta’ Yaroslav Ivanchenko (Anima Sound Design), Yurii Kavratka;
Mixing u Mastering ta’ Dmytro Nevinchanyi (Anima Sound Design);
Effett Viżiv ta’ Jimmy Grima (Tiny Island Studio)

RITRATTI:  VIRGINIA MONTEFORTE

Marichka Shtyrbulova and Julia Musakovska

RITRATTI:  VIRGINIA MONTEFORTE

Death by Pictures

Awtur: Paul V. Azzopardi

Death by Pictures huwa thriller lokali li laqatni ferm mal-ewwel u nistqarr li fih sibt fih dawk l-elementi li kont qed infittex.  Il-ktieb jitlaq minn sitwazzjoni ftit skomda daqs kemm hija reali li l-pittur Ray Spriss isib ruħu fiha; dik li jgħin lil ħuh li kellu bżonn terapija.  Ray jissellef dawn il-flus minn fuq l-idejn imma ma rnexxilux jirritorna l-flus.  Sadanittant Depki jikkommissjona lil Ray għal numru ta’ xogħlijiet għal esebizzjoni tal-arti.  Dan iżda jibqa’ ma jħallasx lil Ray.  Sadanittant tidħol fix-xena wkoll Mylena li wkoll kellha sitwazzjoni simili wara li tiskopri li missierha ta lil Depki ammont sostanzjali ta’ flu għal xogħol li baqa’ ma wasalx.  Ir-rumanz huwa mħawwar bi storja ta’ mħabba, tensjoni u eċitament.  Dwar dan il-ktieb tkellimt mal-awtur innifsu  Paul V. Azzopardi.

Nitkellmu ma’ Paul V. Azzopardi

1. Il-mużewijiet u l-pittura mhux l-ewwel darba li ħolqu ċerta sens ta’ faxxinu, ta’ misteru u jissemmew f’bosta kotba u awturi.  Ħafna mill-qarrejja tagħna qraw il-kotba ta’ Dan Brown però forsi ta’ min nieħu l-okkażjoni li nsemmi ktieb riċenti li ħareġ propju din is-sena ta’ Grace D. Li “Portrait of a Thief”.  Dan huwa ktieb li kiseb suċċess kbir u jidhirli li wkoll ser jintwera fuq Netflix.  X’wasslek biex iddaħħal dan l-element tal-pittura fil-ktieb tiegħek? 

Minn meta kont tifel kont inħobb inpenġi u nikteb.  Fis-sena 2000 kont xtrajt koċċ kuluri taż-żejt u tila biex nesplora dan il-medium u mill-ewwel pinzellata fuq it-tila affaxxinajt ruħi.  Nirrekomanda l-pittura lil kulħadd, speċjalment dawk li jaħdmu bil-moħħ.  Ukoll, mill-istorja u l-kritika ta’ l-arti titgħallem ħafna.

Minħabba attivitajiet oħra qatt ma sibt l-opportunita biex niddedika ħafna ħin lil pittura imma dejjem bqajt inżur mużewijiet, inpitter meta nsib ftit ħin, u naqra fuq artisti differenti, inkluż fuq min iffalsifika pittura ta’ ħaddieħor għax ħafna drabi dawn ikunu pitturi eċċelenti u għax l-iffalsifikar jirrekjedi teknika kbira.  Dan joħroġ fir-rumanz “Death by Pictures”.

Fl-imgħoddi pittura falsifikata kellha aktar ċans tiskappa u titqies ġenwina; illum, jekk pittura janalizzawha sew, hemm ċans kbir li jindunaw li hija falza.  Il-ħazen ta’ min imexxi pittura falza, imma, qiegħda fil-metodi li hu jew hi tuza’ biex tikummerċjaha.  Il-ktieb jispjega dan, u wkoll wrejt kif il-pittura, kemm dik ġenwina u kemm dik falza, tintuza’ fil-ħasil tal-flus. Nispjega kif dan isir, imma b’mod leġġer, għax inkella kien itellef mir-rittmu tal-istorja.

2.     Il-karattru prinċipali ta’ dan il-ktieb huwa Ray Spriss, pitur, li kif ngħidu bil-Malti daħal fi sqaq wara li marad ħuh u ssellef xi flus.  Kemm tara li kont realistiku f’dan il-fatt, u mingħajr qgħadt tippontifika forsi wkoll wassalt messaġġ dwar is-self tal-flus?

Jien nemmen li rumanz irid jitmexxa bin-narrativa għax inkella ma jagħtix gost – l-istorja hija suprema.  L-istorja hija forsi l-aktar mekkaniżmu mportanti f’moħħ il-biedem.  Biha jitgħallem, biha jemmen, biha jsib kuraġġ, bl-istorja jiddeverti, bl-istorja jissopravivi.  Imma storja biss, bla karattri u mingħajr sfond soċjali, tkun artifiċjali u kważi vojta.  Għera minn tifsira.  Mingħajr ruħ. 

L-użura hija marda mhux biss hawn Malta, imma f’ħafna pajjiżi.  Malta għadha primittiva imma f’pajjizi oħra ‘l użura libbsuha hwejjeġ legali, bħal “Pay Day Loans” u “Credit Cards” b’imgħax astronomiku.  L-uzura tirrendi persuna li ltaqgħet ma’ saram, ġiet wiċċ imb’wiċċ ma’ sfortuna, fi skjav.  Marda soċjali ħafna drabi moħbija imma reali tabilħaqq.  Ray Spriss issellef flus fuq l-idejn biex jgħin lil ħuħ li kien parapleġiku.  U Ray spiċċa mhedded u anke vjolentat.

“Death by Pictures” huwa rumanz Malti, ħareġ mill-ħajja u mill-ambjent Malti, imma miktub bl-Ingliż, il-lingua franca moderna, li tintuza’ minn xi 20% tan-nies fid-dinja. Għandna nużaw il-linwa Ingliża, kemm direttament u kif fi traduzzjoni, biex nuru din l-esperjenza unika ta’ xi tfisser li tkun Malti f’dan is-seklu.  U aħna ffortunati li nafu l-Ingliz sew.

3. Fil-ktieb għandna wkoll storja ta’ mħabba, dik ta’ Ray mal-ħabiba tiegħu Eva illi naraw illi minħabba ċ-ċirkostanzi tibda tbatti.  U mbagħad fl-istorja tidħol ukoll Mylena .  L-imħabba wkoll insibuha f’numru ta’ thrillers barranin.  Favorita tiegħi hija l-awtriċi Nora Roberts li tħobb iddaħħal dan l-element.  Kif torbot dan l-element tal-imħabba fi thriller?  U forsi mistoqsija torbot ftit ma’ ta’ qabilha, barra milli żżid fis-suspens fl-awtur, dan l-element tal-imħabba kemm tara li wara kollox huwa wkoll fattur realistiku ħafna fi thriller li jkompli kif ngħidu bil-Malti jkewwes fil-borma?     

Meta ktibt “Death by Pictures” ma rridx ngħalqu fil-forma tradizzjonali ta’ thriller imma ħareġ b’mod naturali aktar f’forma ta’ novel.  Rumanz (novel) li fiħ hemm atti kriminali, veru, imma mhux irrakkuntat bil-forma tradizzjonali ta’ thriller.  Naħseb li kieku deffistu ġo l-forma dejqa ta’ thriller kien ikun hemm affarijiet importanti neqsin.  “Death by Pictures” huwa aktar rigward nies li nzertaw ġew marbuta flimkien fi ġrajja, kull persuna bil-mottivi, bil-passat, u bil-forma mentis tagħha jew tiegħu.  Imma wkoll qaghdt attent li niktbu b’mod kemmxejn leġġger u umoristiku, għax inkella jdejjaq lil qarrej.  

Naħseb li r-relazzjonijiet li Ray Spriss kellu ma’ dawn iz-żewġ nisa, Eva u Mylena, u l-imħabba tiegħu lejn ommu u ħuħ, huma essenzjali ghal-istorja għax jagħtu diversi dimensjonijiet importanti li normalment ma joħorgux fi thriller tradizzjonali, li jkun generalment pjuttost ristrett.  Naħseb għalhekk “Death by Pictures” fih ċerti kumplikazzjonijiet li joħorgu b’mod naturali u jmexxu l-istorja.

L-isbaħ kumpliment li qlajt s’issa kien ta’ persuna midħla sew tal-letteratura li qalli li beda jaqra “Death by Pictures” filgħodu u spiċċah f’nofs il-lejl bil-ktieb f’id waħda u b’sandwiċċ fl-id l-oħra.  Niżlitli għasel din, għax l-iskop tiegħhi kien li nikteb ktieb divertenti magħġun ġo Malta.

4. Kotba bl-Ingliż ambjentati f’Malta niżlu ferm tajjeb kemm mal-qarrejja Maltin barra minn xtutna u anke ma’ barranin.  Kemm tara li din il-gżira ċkejkna tagħna toffri wkoll ambjent anke għal ġeneru ta’ kitba bħal tiegħek?

Jien naħseb li Malta unika f’ħafna affarijiet, u barranin li naf jien li żaru l-gżejjer Maltin kollha sabuhom affaxxinanti: l-istorja twila li għandna u l-bini li żammejna, mill-eqdem żmenijiet; baħar ikħal kutra infinita ta’ djamanti; li għandna lsien tagħhna; soċjeta, infrastruttura, u stitutuzzjonijiet jaħdmu; il-karattru Malti dħuli, ottimist, ħanin, u fl-istess ħin makkak; il-ħafna kreattivita madwarna, ras għal ras ħafna aktar minn ta’ pajjizi akbar minnha. 

Nemmen bis-sħiħ li din l-esperjenza Maltija għandna nxandruha, mhux biss bit-turiżmu imma wkoll bil-letteratura u bl-arti.  Nħoss li rridu noħorġu aktar, nimirħu, u nikkomunikaw. L-ewwel irridu nibdew minn pajjiżna.  Ndafa, rispett għal dak kollu li hu Malti, u nitgħallmu nfaħħru dak li hu Malti mhux xi drabi mmaqdruh u nkabbru ċerti difetti aktar milli jistħoqqilhom b’tali mod li nidhru li ngħixu f’xi gzejjer fejn ħlief dlam m’hemmx.  Ma ngħixux agħar minn ħaddieħor – anzi f’ħafna aspetti, ħafna aħjar.

Ukoll tistaġhġeb kif tidħol għand ċerti bejjiegħa tal-kotba ewlenin u ħlief kotba barranin ma ssibilhomx. Forsi xi tnejn Melitensia nominali.  Fejn ser isibu l-kotba Maltin it-turisti? Forsi xi guide book, jew xi ktieb bir-ritratti ta’ Malta w’Għawdex. Mn’Alla hawn il-ħwienet tal-publikaturi Maltin…

5. L-aħħar mistoqsija li ma nistax ma nsaqsikx:  Xi pjani għandek għal ġejjieni?

Bħalissa mpenjat ħafna fuq xogħol ieħor, imma għandi ktieb ieħor iberren f’rasi li forsi jekk Alla jrid xi darba jara d-dawl.  Min jaf?  Kulħadd imdendel b’ħajta…


Il-Vanġelu ta’ Amma

poeżiji tal-poeta Indjan Rajender Krishan, maqlubin mill-Ingliż għall-Malti minn Patrick Sammut

Il-lingwa waħidha forsi ma toħloqx daqstant ħitan għoljin għalina għal letteratura Indjana għax għallinqas jeżistu diversi forom bl-Ingliż.  Madankollu forsi rridu nammettu li bosta minnha qajla naqbdu xi ktieb tajjeb Indjan u napprezzaw il-profondita’ fl-ispiritwalita’, l-mistiċiżmu u l-filosofija Indjana.  It-twaħħid tal-Ispirtu u l-intellett huma fundamentali fl-aspetti tal-ħajja u riflessa fil-letteratura Indjana kif insibu f’dan il-ktieb.   Dawn l-elementi huma komuni fil-klassiċi Indjani.  Jekk nagħtu ħarsa lejn il-kitbiet ta’ Kabir Das,  Vidyapati , Meera Bai magħrufa bħala Mirabai fost oħrajn, biżżejjed biex naraw elementi qawwija ta’ mistiċiżmu. 

Jekk naraw imbagħad kitba aktar kontemporanja insibu lilll-awtur li tiegħu qed naraw il-ktieb li għandna llum:  Rajender Krishan fost oħrajn.  Anke fil-kitba ta’ dan l-awtur naraw il-vjaġġ spiritwali tal-poeta u d-dimensjoni ta’ eżistenza li tħoloq l-isfornd tal-metafiżika li tikkwadra ir-relazzjoni ta’ dak li huwa materjali ma’ dak li mhux materjali, dak li hu temporali mal-etern. 

Dan il-ktieb jikkonsisti f’45 poeżija, mħawra b’elementi filosofiċi, devozzjonali u mistiċi li jenfasizzaw l-importanza tal- ispiritwalità fil-ħajja tal-bniedem.   Minbarra t-temi eterni ta’ misteri tal-ħajja bħalma huma l-mewt u s-salvazzjoni dan il-ktieb jipprova jsib soluzjoni għall-problemi kumplessi kontemporanji tal-ħajja umana.  Għaldaqstant dawn il-poeżija huma mfissra bħala għejjun ta’ għerf, veritajiet ta’ għerf ispirati minn ħadd ħlief “mil-bużnanna min-naħa ta’ missier il-poeta” (p.2). 

Il-ktieb jibda bil-poeżija “Om”, li kif jiddeskrivi Sammut fid-daħla kritika tiegħu “fit-twemmin Ħinduwista u dak Buddista Tibetjan din hija sillaba mistika li tidher fil-bidu u fit-tmeim ta’ bosta talb u testi sagri miktuba bis-Sanskritu” (p.4).   F’din il-poeżija ninnutaw fost oħrajn bl-ossimoro “Il-ħoss tas-silenzju” u għalhekk:  

“Om
Enerġija primodjali
Il-ħoss tas-silenzju
Om il-Vers Waħdieni
li jberraħ għal dejjem 
l-Univers.”  

Huwa jissikota billi jsellem permezz tal-poeżija “Namaste” (p.14) “lill-Wieħed li jinfirex mal-Kożmos sħiħ”.  Naraw hawnhekk ir-reverenza lejn is-Sagru u lejn spazji sagri li fihom jgħammar “l-istess Kawża tal-Ħajja”.  Fil-poeżija jtenni l-“imħabba, dawl, verita’ armonija” li “jivvibraw u jagħnu l-umilta’, il-kompassjoni, is-saħħa.” Ninnutaw il-valuri li huma l-aktar ipprijotizzati fil-kultura Indjana (forsi nazzarda ngħid Asjatika), li mhumiex ineżistenti fit-twemmin nisrani li jiddomina fil-Punent; biss forsi mhux daqstant forsi l-qofol tal-ħsieb spiritwali tagħna.  

Amma hija ċentrali fir-riflessjoni poetika u kreattiva tal-poeta. Hija metafora, simbolu li juża għall-espressjoni tal-filosofija tiegħu tal-ħajja li tgħallem f’ħajtu. Amma ji tiegħu hija mara sempliċi, toqgħod għal dak li Alla jrid minnha, li qatt ma nsiet għeruqha saħansitra fiż-żmien il-ħakma kolonjali “biex fl-aħħar kisbet l-indipendena sabiex tinbidel f’refuġjata, migranta f’pajjiżha stess fi żmien l-Indja maqsuma”.   Hekk il-poeta jippreżenta lill-bużnanna tiegħu lilna l-qarrejja, u bħal donnu jixxennaq għal kampanja u r-ritwali tagħha ħielsa minn kull ħażen li sawwruha.  U għalhekk 

“Waqt li tixgħel id-diya  għall-Aarti ta’ kuljum
toffri ħajr, tfittex il-qawwa,
Amma  kienet tnaqqx fl-ambjent tagħna
il-Prinċipju, li jinbidel anke llum 
f’epoka mbierka u u affaxxinanti
kull meta hi tpassi l-memorja tiegħi” (p.16). 

Il-poeta jiftakar sew l-ispjegazzjonijiet tagħha u l-lezzjonijiet didattiċi mwassla lilu bħala espressjoni kulturali u spiritwali Indjana.  Għaldaqstant (p.20) jgħidilna:

“Ħobb lilek innifsek 
billi tkun onest miegħek innifsek 
Tgħaġġilx biex tirreaġixxi 
Għall-ewwel antiċipa u wara kkontempla 
u mbagħad wieġeb 
Imxi fit-triq it-tajba
Kun kuntent. 
Ikseb is-suċċess.”

“Il-Vanġelu ta’ Amma’, li għaliha jġib ismu dan il-ktieb, tixhed il-profondita’ fl-għerf li huwa sempliċi daqs kemm huwa profond.  Dawn huma l-valuri fundamentali li huma għanja fil-ħsieb għalkemm fid-deher jidhru daqstant bażiċi.  Id-didattika klassika tal-valuri, kważi bħalma nsibu fil-ktieb ta’ Bin Sirak u f’testi oħra klassiċi, huma kbar u inspjegabbli daqs l-istess nifs li nieħdu jew l-istess għixien tal-istess ħlejqa tan-natura.  Hawnhekk tispjega r-riperkussjonijiet tat-triq tal-qerq:

“Ieqaf għolli
t-triq tal-qerq
fil-vjaġġ tal-ħajja. 
It-triq tal-qerq
tagħmlek il-kontestant ewlieni
kontra tiegħek innifsek
waqt illi tbaħħar
`l hinn mill-kapriċċi u l-bidliet
fil-logħba tal-ħajja.” 

Waħda mill-konsegwenzi tal-qerq hija r-regħba, ir-regħba toħroġ mill-ħażen, fit-twemmin Kattoliku waħda mid-dnubiet il-mejta (għalkemm nagħmluha ċara li mhux dan li jinfluwenza lill-awtur kif diġa għidt).  Fil-poeżija “Għaliex Titlob?” (p.28) jgħidilna:

“Toqgħodx tixxennaq, iddisprezza r-regħba
ħalli rikkezzi oħra jfittxuk
u dejjem ftakar
li tieħu dak li ħaqqek 
biss meta jasal il-waqt.”

Fil-poeżija “Ċikliku” (p.32), il-poeta jerġa’ jsemmi mill-ġdid ċ-ċiklu etern tal-ħolqien, l-għixien u l-qerda, imfissra bħala Leela (li dwarha nsibu wkoll poeżija p.22).  Tabilħaqq “ċiklu ta’ twelid u l-mewt fiżika” li tibqa’ “parti wekondarja minn ċiklu Naturali akbar”.  Dak kollu li jiġri fid-dinja u f’din il-ħajja huwa parti mill-pjan ta’ Prakriti u Purusha.  Dan jilgħab logħba importanti ħafna f’Leela li l-awtur jiddeskriviha bħala 

“…pjan sistematiku 
`mma inkomprensibbli tagħha 
li tinkludi l-liġijiet kollha
fil-fiżika u tal-kimika
fl-għamla ta’
Sattva, Rajas u Tamas
bħat-trinità
tal-kreazzjoni, għajxien u distrizzjoni 
murija eternament
mill-Enerġija mhux magħrufa
li għandha ismijiet bla għadd.”

L-għatx għall-verita’, u t-traġitt tat-“Tiftixa” (p.36) wassluh biex jipprova jsib tweġibiet għall-mistoqsijiet eterni mingħand Amma.  Issa dwar twelid u msiet u naturalment dwar salvazzjoni.  Sabiex jifhem din is-saga Hi ssostni (p.37):

“Iskot u Isma’
Dak li l-Ħajja trid tlissen 
Immedita fuq l-esperjenza
Tintrabatx
Sempliċiment ogħdos
Sir ix-Xhieda

Irrilassa”. 

Il-poeżiji jduru ma’ termini importanti ħafna li qed niġborhom hawn mhux fl-ordni kronoloġika kif jidhru dawn l-ismijiet tal-poeżiji imma skont dak li fil-fehma tiegħi u f’din il-kultura jagħmlu personalita’ kompleta u sħiħa.  Fost dawn insibu “Stima” (p.56), “Maturita’” (p.58), “Ekwilibriju” (p.66), “Li tieħu ħsieb” (p.48), “Kompassjoni” (p.60), “Sabar” (p.70),  “Konnessjoni” (p.54), Fejqan (p.50).  

“I-Vanġelu ta’ Amma” tal-awtur Rajender Krishan inkiteb fiż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, pero’ dawn il-poeżiji żgur li huma ta’ wens, ta’ tama għal bosta f’ħafna żminijiet diffiċli li ngħixu fihom.  Permezz ta’ din it-traduzzjoni, Sammut qed ikompli jikkontribwixxi sabiex b’ilsien pajiżna jkollna aktar kotba klassiċi minn pajjiżi differenti.   

Dan il-ktieb għandu daħla kritika ta’ Patrick Sammut li ttraduċa mill-ingliż dawn il-poeżiji.  Ovvjament nissuġġerixxi ħafna li wieħed jaqra din id-daħla kritika kif ukoll il-“Kelmtejn tal-aħħar” ta’ Alfred Palma.  Il-ktieb għandu  llustrazzjonijiet ta’ Niloufer Wadia.

Kull min jixtieq jakkwista kopja jista’  jibgħat messaġġ privat lill-awtur. Il-ktieb jiswa 7.50 ewro u wieħed jista’ jirċevih ukoll id-dar bil-posta.

ERRATA CORRIGE: Id-data tat-twelid tal-poeta Rajender Krishan hija żbaljata għax tindika dik ta’ awtur ieħor magħruf Indjan u mhux tal-awtur tal-“Vanġelu ta’Amma”. Tajjeb li ngħidu li dan l-awtur għadu magħna u għadna wkoll nistgħu ngawdu x-xogħlijiet tiegħu. Niskuża ruħi għal dan in-nuqqas.


Women in Red

Awtur: Emmanuel Attard Cassar

It-tjubija, s-sempliċita’ u s-sinċerita’ li jfittex Emmanuel Attard Cassar fil-poeżija tiegħu timmanifesta ruħha fis-sempliċita’ tal-istil li jħaddan f’dawn il-poeżij.  Il-kunċett jixbah ħafna dak li nsibu fil-ktieb li ħareġ bi lsien pajjiżna “Fuq din l-art ħelwa”.  Dwar dan il-ktieb fil-Paġna Letterarja tal-25 ta’ Diċembru 2016 jien kont ktibt hekk: 

“U min jgħid li l-poeżija bilfors trid tkun tqila jew diffiċli?  Emmanuel Attard Cassar qed joffri soluzzjoni għal ħafna u ħafna li jixtiequ fil-fatt jibdew jaqraw xi poeżija u ma jafux minn fejn ser jibdew.  Qabel inkompli iżda, rrid nagħmilha ċara li huwa l-ispazju limitat li żammni milli ma tantx nikteb dwar dawn il-poeżiji, għaliex minkejja ċ-ċokon intenzjonat ta’ dan il-ktieb wieħed jista’ joħloq diskussjonijiet sħaħ dwar il-bosta temi li jippreżenta Attard Cassar.    Għaliex dawn il-poeżiji minkejja r-rima ħelwa u metrika tradizzjonali ma jingħalqux f’tema partikolari bħal ngħidu aħna l-patrijottiżmu jew it-tifħir reliġjuż. Waqt li ngħid għalija ma jidhirlix li t-temi ppreżentati jiskomodaw il-qarrej, żgur li joffru sfidi.”

L-unika element komuni però huwa l-istil, għaliex waqt li “Fuq din l-art ħelwa” jikkonsisti f’botti sottili, jew aħjar twiddiba lejn dawk in-nuqqasijiet tal-Maltin.   F’dan il-ktieb donnu aktar iħares lejn is-soċjeta’ b’mod ġenerali, xi waqtiet l-istess riflessjoni li twassal għal kritika ma tonqosx, u oħrajn eżistenzjali.  Il-poeżiji huma diretti ħafna, fis-sens li l-messaġġ huwa fil-wiċċ.  Il-qarrej ser jaqra dawn il-poeżiji u riflessjonijiet mingħajr ħafna sforz u jiggosta l-espressjoni mfissra b’mod tassew konċiż.  Fil-fatt jidhirli li l-konċiżjoni hija l-aktar element b’saħħtu ta’ dawn il-poeżiji.   Il-poeta, jippreżenta ruħu bħala missier tal-familja u mingħajr mingħajr bintu fil-fatt m’hu xejn (Daughter, p.42).  L-istess għal ibnu, li huwa jaf tajjeb li issa qiegħed jikber u jwissih li jibqa’ b’għajnejh miftuħa għall-ħażen u jagħżel it-triq it-tajba.  Imma ġaladarba jagħraf jagħmel dan, iħeġġu biex jimraħ u jwettaq il-ħolm tiegħu (Son, p.46).

B’ton ta’ missier huwa jappella lil uliedu biex jagħżlu t-triq tas-sewwa (My children).  U fil-poeżiji li jsegwu konxju mill-ħażen tad-dinja fosthom l-iskandli minn persuni fl-ogħla strata tas-soċjeta’ (Scandals, p.21).   Il-qofol ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ dawk komuniment magħrufa bħala l-vera valuri, li bihom infissru dawk il-valuri li ma jiġux mill-flus jew minn dak kollu li huwa materjali imma mill-aktar affarijiet sempliċi li jagħtuna l-ferħ, ħielsa minn kull xorta ta’ regħba, ħażen u egoiżmu.  Għal Attard Cassar sirna wisq ossessjonati bll-pożizzjoni li wieħed iħaddan (p.15) u jaf tajjeb li ma jistax ikollok ħajja mingħajr sagrifiċċju (Immediacy, p.20).  F’dinja tat-teknoloġija u fejn il-mezzi tal-informatika jiffaċilitaw il-messaġġi li nirċievu u li nwasslu, hemm risku kbir ta’ misinofrmazzjoni u disinformazzjoni.  Fil-fatt fil-poeżija Fake news, (p.40), l-poeta jurina kif aktar ma tikber l-informazzjoni aktar se jikbru l-aħbarijiet qarrieqa.  F’din id-dinja fejn suppost id-dinja ċkienet, u allura wieħed jistenna li aktar sirna qrib xulxin, il-poeta jinnota kif l-iżolament qiegħed dejjem jikber u jistaqsi fejn spiċċat l-umanita’ (Where has humanity gone, p.59).  

Ta’ min forsi wieħed jgħid li f’din il-ġabra Attard Cassar isellem ukoll lil bosta persuni jew għal kontribut tagħhom lejn is-soċjeta’ kif ukoll għall-umanita’ tagħhom minkejja s-suċċess li kisbu, fosthom lil Stephen Hawking (p.41) u Mohammed Salah (p.43)

Nagħlaq b’riflessjoni misluta mill-aħħar poeżija (Silence,p.67):  Is-skiet huwa kruċjali f’din id-dinja mgħaġġla, għal benefiċċju tagħna, tal-umanita’. 

Il-faċċata ta’ dan il-ktieb hija xogħol tal-pittur Alfred Caruana Ruggier.  Dan huwa ktieb ideali ħafna speċjalment għal min qed jiffamiljarizza ruħu mal-poeżija, fejn il-messaġġ huwa fil-wiċċ.  Fuq kollox għandna poeżiji qosra li iżda kollha iġgħalu lill-qarrej jaħseb u jirrifletti.  

Il-Ħarba

Awtur: Alfred Massa
Pubblikazzjoni: Horizons

Film li nissuġġerixxi ħafna li taraw huwa “Escape from Sobibor”.  Dan il-film huwa bbażat fuq ir-rewwixta ta’ Sobibor li seħħet fl-1943 fil-Polonja okkupata mill-Ġermaniż. Il-karattru prinċipali tal-film huwa s-suldat tal-Armata l-Ħamra, il-Lhudi-Sovjetiku Alexander Pechersky. F’Ottubru 1943, ġie deportat lejn il-kamp tal-konċentrament ta’ Sobibor, fejn il-Lhud kienu qed jiġu maqtula fi kmamar tal-gass. Fi tliet ġimgħat biss, Pechersky ppjana rewwixta mal-priġunieri mill-Polonja u postijiet oħra madwar l-Ewropa tal-Punent. Din ir-rewwixta kienet parzjalment ta’ suċċess, u ppermetta li jaħarbu madwar 300 priġunier.  

Dan il-ktieb ġdid ta’ Alfred Massa, fakkarni ħafna f’dan il-film, għaliex jitratta propju ħarba ta’ ħames familji Lhud, taħt il-gwida tar-Rabbi Jacob, li bħal fil-ġrajja ta’ Sobibor, kienu jafu li jekk ma jaħarbux, kien hemm lesta għalihom il-mewt.   Għaldaqstant ħarbu lejn il-foresti enormi Pollakki, bit-tama li jevitaw aktar moħqrija oppressiva u inumana li n-Nażisti kienu qed jikkawżaw kontinwament  lil-Lhud Pollakki.

Fil-biċċa l-kbira dan ir-rumanz idur mal-biżgħat u r-realta kiefra ta’ dawn il-familji li jimxu fuq il-parir tar-Rabbi Jacob u jimxi pass pass mal-vjaġġi tagħhom f’dan iż-żmien iebes.  Fuq kollox mat-tama għall-fidwa ta’ poplu vittma’ ta’ mibegħda u preġudizzju.  

Naturalment dan ir-rumanz huwa bbażat fl-episodji koroh li seħħew fit-Teni Gwerra Dinjija (1939-1945). Hawnhekk stajna naraw kif il-mibegħda waslet biex inħoloq dittatur, moħqrija kbira tal-poplu Lhudi u ġrajjiet oħra li eventwalment wasslu biex id-dinja kollha tissieħeb forsi fl-aktar gwerra qerrieda fl-istorja tal- umanità.

Iżda l-ktieb ifakkarna li dan ma kienx episodju iżolat.  “Jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha.  Hekk jidher. Għax qabel in-Nażiżmu kien hemm imperi oħra fid-dinja:  l-Imperu Grieg u dak Ruman. Kollha għamlu żmienhom u wara ċeru żmien sfaw fix-xejn”  (p.166).  

Din is-sentenza tirrifletti l-ħsieb li joħroġ minn dan il-ktieb:  (a)  Ir-riflessjoni li jipprova l-awtur iwassal fil-qarrej li jitgħallem mill-ġrajjiet tal-istorja (b)  it-tama, li għalkemm jista’ jkun li tisfaxxa, huwa importanti li tibqa’ tiggwida l- umanità.

Nazzarda ngħidha billi naf sew il-pinna b’saħħitha ta’ dan l-awtur, Alfred Massa, forsi dan mhuwiex l-aħjar xogħol tiegħu.  Anke minħabba l-fatt li l-awtur donnu jfisser  u jispjega l-ġrajjiet u l-karattri huwa stess fir-rumanz, fi sforz ġenwin sabiex jagħti informazzjoni storika u realistika li tagħmel il-qarrej konxju  ta’ kif persuna tgħix il-biża’ waqt li kienu għaddejjin tant ħruxijiet.  L-aktar aspett b’saħħtu ta’ dan ir-rumanz huwa l-ġrajja mqanqla, it-tensjoni u l-biża’ regolari, u fl-istess ħin kif l-istess familji kienu qed jgħixu dawn il-mumenti.  

Il-ktieb għandu preżentazzjoni sabiħa ta’ Horizons u jkompli mal-kollezzjoni ta’ kotba sbieħ li tana dan l-awtur.