
Artikli oħrajn mhux miktubin minni
This category is about articles which have been published on my page but have not been written by myself.
Bejn il-Binarji
Ħsieb ta’ Manda Gauci dwar Bejn il-Binarji ta’ John P. Portelli
it-torca-2023-01-22_26-26it-torca-2023-01-22_27-27
POEŻIJA SLAVONIKA BIL-MALTI (fit-traduzzjoni mill-ilsna oriġinali):
it-torca-2022-11-04_21-21
N.B. Il-kummenti dwar il-Festival huma tiegħi, Omar Seguna u mhux ta’ Yana Psaila
Dwal mill-kantini, novelli ta’ Joe Camilleri
Nota ta’ Tarċisju Zarb
Il-fil narrattiv ma jeżistix waħdu. Huwa l-prodott u t-tinsiġ flimkien ma’ ambjentazzjoni u karatterizzazzjoni. Huwa t-tiflil flimkien ma’ ħsibijiet, emozzjonijiet u qagħdiet mentali varji. Hawnhekk l-awtur – in-nissieġ tal-fil tal-istorja ma jistax jaħrab minn dawn it-tisripiet li fihom huwa jara lill-istess erwieħ tal-protagonisti tiegħu. Il-protagonisti li jixirfu minn żmien għal żmien fin-narrattivi tiegħu – narrattivi li jsawru minnhom infushom qagħdiet mentali ħelwin, sielma u rassiguranti daqskemm skabrużi u inkwetanti.
U dan huwa sewwa sew li jagħmel Joe Camilleri, kittieb u promotur tal-ħsieb u d-disinn uniku, li waqt li jkun qiegħed jinseġ in-narrattivi tiegħu ma jafx ma jiqafx biex jara lil dik u lil oħra, lil dak u lil ieħor, f’ambjentazzjonijiet u qagħdiet speċifiċi li juru sewwa sew wisq aktar mid-dawl fil-kantini – il-kantini ta’ dak li jgħaddi mis-sottorenitajiet ta’ ruħna – dawk il-kantini li fihom aħna nitkellmu magħna nfusna u f’dan it-tiklim aħna nsawru lill-istess ruħna. Fuq barra, imbagħad, aħna nitkellmu dwar karattri, u l-imkejjen fejn dawn il-karattri jpassu ngħidulu l-ambjent – l-ambjentazzjoni.
Il-persona li qiegħda tirrakkonta dawn l-istejjer huwa persona b’għajnejn għarriexa mhux biss għal dak li qiegħed jiġri fil-madwar u għaldaqstant jidher, imma wkoll dak li qiegħed jiġri fil-qiegħ nett subkonxjuż ta’ dawn l-istess personaġġi. Personaġġi li jiffullaw lill-ambjenti Għawdxin u li jgħixu d-dwalijiet u l-oskuritajiet ta’ ġo fihom hekk kif ipassu minn imkien għal ieħor, u jitkellmu jgħajtu dwar dak li jkun qiegħed jiġri f’ruħhom – il-beżgħat, t-trepidazzzjonijiet, id-dwejjaqijiet u l-ispiritwalitajiet varji ta’ ġo fihom.
Hemm traġedji għaddejjin f’dawn il-personaġġi. Daqskemm hemm stejjer ta’ fidwar f’dawn il-karattri. Huma traġedji daqskemm fidwiet li l-persona li qiegħda tinnnarra konxja tagħhom u konxja tagħhom sew. Għax fl-introspezzjonijiet tiegħu huwa jirnexxilu jagħraf mhux biss lilu nnifsu, imma wkoll lil dawk ta’ madwaru. In-nies tad-demm u l-laħam li l-ħin kollu fl-istess mixjiet u qagħdiet tagħhom jitkellmu u jitkellmu jgħajtu, anke meta jkunu siekta.
U dan Joe Camilleri jagħmlu u jagħmlu tajjeb. Anzi tajjeb ħafna. Għaliex lil hinn mill-fenomenoloġija li jara għaddejja quddiemu hekk kif bniedem jiltaqa’ ma’ bniedem jew bniedem jiġi kkantonat u mwarrab, huwa jagħraf jisma’ u jisma’. U f’dan it-tismigħ hemm il-lingwa – lingwa li huwa kiseb, sawwar u bena matul meddet iż-żmien fl-istess idjomatiċità tagħha, idjomatiċità li hija Għawdxija daqs l-istess blat samm li jsawwar lil din il-gżira. Hija dik is-sintattiċità li l-persona bena matul meddet is-snin, biex b’hekk huwa jirnexxilu mhux biss jagħraf dak li qiegħed jiġri madwaru, imma wkoll ġo fih – u b’hekk il-madwar jiġi l-ġewwieni u l-ġewwieni u l-madwar joħolqu dawn in-narrattivi – dawn il-frammenti narratorji. Dawn it-thewdiniet il-kbar ta’ eżistenzi varji li aħna naraw, mhux dejjem bil-mod kospikwu li jarahom in-narratur.
Il-persona ta’ dawn in-narrattivi, waqtiet bħal qisu jagħraf jiddistakka ruħu minn dawk it-thewdiniet li jkunu għaddejjin fil-qiegħ subkonxjuż tal=karattri tiegħu, u jgħaddi huwa wkoll biex ikun l-interpretu, hekk kif juża l-lingwa ta’ min jaf janalizza, ta’ min jaf jinterpreta, ta’ min jaf jitkellem fuq dak li jkun għaddej f’qiegħ dawn il-personalitajiet. U dan bil-ħaqq u s-sewwa meta wieħed iqis li Joe Camilleri huwa kritiku tal-arti daqskemm tal-letteratura, u għaldaqstant jiġu waqtiet meta l-vuċi tal-karattri – il-fil narrattiv – jieħu fih u minnu nnifsu dawk ix-xejriet interpretttivi – xejriet li jitolbu lingwaġġ differenti – lingwaġġ li kif nafu għandu bixra u xejra oħra minn dik li wieħed ikun qiegħed juża fl-att krettiv tan-narrazzjoni.
Il-kitbiet li jagħtina Joe Camilleri huma kitbiet mexxejja, sempliċi, profondi, ċari, b’tali mod u manjiera li din il-profondità tasal għandna bl-aktar mod li aħna nkunu nistgħu nagħrfuha, nivvalorizzawha u nieħdu gost biha. Hemm narrattiva għaddejja li nistgħu ngħidu tintħiet il-ħin kollu bejn storja u oħra, qagħda u oħra, stat u ieħor – li lkoll flimkien isawru nisġa li titfa’ dawl fuqna l-bnedmin li ngħixu f’dawn il-gżejjer.
Dan kollu jgħinna biex fil-ħinijiet tagħna, aħna nkunu nistgħu nissieħbu ma’ erwieħ oħra ta’ madwarna u magħhom, aħna nkunu nistgħu nifhmu xi ftit minn dawn it-travalji varji tal-ħajja – travalji li konxjament u subkonxjament għaddejjin il-ħin kollu jsawru l-fenomenoloġħija tal-ħajja.
Dawn huma n-novelli:
Ix-xitan li ħabbat biebhom; Kannestri bil-fjuri; Kwarantina; Ċaqlembuta; Il-kelb u l-poeta; Lutfana; Vanġelu tal-ħobż; F’dis-siegħa sewda; Il-mara li kienet mara; Qanfud fiċ-ċella f’daru; Loniċera; Għajnejn ġawhar leqqiena; In-nannu miet!; B’sens ta’ rġulija!; Villa għall-kwiet.
Dawn huma xi siltiet:
Sema’ ċaqliq u ħsejjes ġejjin minn isfel. It-taħbir ta’ qalbu tektiklu li kien inqala’ xi saram. Qam minn fuq il-pultruna, qasam il-pjan, u beda nieżel it-taraġ bil-lajma, mgħawweġ la ġenba biex b’idejh it-tnejn ikun jista’ jaħfen il-poġġaman waqt li jmidd sieq wara sieq. Minn nofs il-medda tat-taraġ seta’ jilmaħ xi nies liebsa lbies protettiv, b’nuċċali wiesa’ quddiem għajnejhom u b’maskra taċ-ċarruta tgħattilhom il-parti t’isfel ta’ wiċċhom. (Ix-xitan li ħabbat biebhom, p. 15)
Ftit taż-żmien ilu kienu raħħmulu biex waqt dar-Randan issir purċissjoni votiva bl-istatwa titulari. ‘Wegħda biex il-protettur tagħna jħarisna mill-coronavirus,’ kienu ssuġġerewlu. Hu kien żamm iebes għax emmen li purċisssjoni mat-toroq ewlenin tar-raħal kienet ixxelliflu difru mal-awtoritajiet. Kienet tkun tentazzjoni u kalamita biex in-nies tixref barra. Kien jaf sewwa li x-xbieha tal-qaddis tasal tistordi lir-raħlin u titfagħhom f’ewforija. U bħalissa kien hemm ħtieġa li wieħed iżomm rasu fuq għonqu. Li jirraġuna b’moħħu u ma jitkaxkarx mit-taħbit ta’ qablu. It-taħlit kien ta’ periklu li jkattar sitwazzjoni li diġà kienet waħda ta’ tħassib.” (Vanġelu tal-ħobż, p.107)
Il-qorriegħa ta’ rasu tnemmel. Iħokk u jħokk. Mhux biss fil-ġilda tal-kranju ħotba. Imma ħakk ma’ ġismu kollu. Qris fi qris. Qisu n-nemus dar għalih. U jsieħbu lil din l-persekuzzjoni fitta, fwawar fi fwarar. Telgħin jitmewġu minn sidru. Mal-lehġa tan-nifs li ħassu jrid jinqatagħlu. […] Dan l-aħħar kien mirkub minn sintomi strambi li qatt ma ħasshom qabel. Nuqqas ta’ sabar jimxi miegħu qisu l-eku ta’ passih mal-erba’ kmamar ta’ daru. M’għandux ħila jtawwal ftit minuti mal-mejda biex inaqqar xi ħaġa tal-ikel għax kull darba jkollu jqum idur u jdur, jonfoħ u jonfoħ fil-vojt. (Qanfud fiċ-ċella f’daru, p. 153)
U n-nannu qatt ma tela’ xejn għal rasu. Dejjem baqa’ jxidd il-qalziet li kien fassallu r-raħal umli. L-Għawdxi sod, ħabriek, ħawtiel u onest li emmen li min jerfa’ mnieħru, in-nies ma tibqax taħmlu. Għalhekk libes dejjem ir-raġel tad-dawl u tat-tbissima. Kelma ma jitlaqhiex qabel jiżinha. Jigdem ilsienu jekk jagħraf li tista’ toħroġ vleġġa. Aħjar tislima milli tħaġġira, kien jgħid qaddisu. U l-bniedem tat-tislima kien jaf inewwel driegħ ta’ rifda lil kulħadd. Jimxi l-pass dritt tal-irġulija. Ma jgħallet lil ħadd. Ma jqarraq b’ħadd biex qatt ma jkollu xi jħammarlu wiċċu. (In-Nannu Miet, p. 187.)
Nagħlaq billi ngħid, li kitbiet ta’ dan it-tip, għallinqas ħafna minnhom, għandhom ikunu testi li jgħinu lil kull ġenerazzjoni ta’ qarrejja Maltin, mhux biss għall-mod kif inhuma miktuba, imma wkoll għall-mod kif dawn jgħinuna nissieħbu ma’ ħaddieħor, b’mod speċjali fi żminijiet meta r-relazzjonar bejnietna l-bnedmin bħal qisu qiegħed jonqos. Nawgura lil Joe Camilleri aktar kitbiet ta’ dan it-tip, filwaqt li fl-istess ħin nissuġġerixxi l-qari ta’ dawn in-novelli, flimkien ma’ novelli oħra ta’ dawn il-kitbiet, li fl-idea tiegħi, jistħoqqilhom mhux biss qarrejja ta’ kull żmien u età, imma wkoll ta’ studju fid-dettall fil-livell ta’ xi Baċellerat u l-bqija.
it-torca-2021-10-10_20-20it-torca-2021-10-10_21-21
Ħsieb ta’ Charles Briffa dwar Megalonija Perversa
Justin Schembri jissieħeb ma’ Chiara Galea u jippreżentalna dan il-kunċett viżiv ta’ illustrazzjonijiet li jikkumplimentaw il-poeżija. L-illustrazzjonijiet għaldaqstant f’din il-ġabra huma poeżija, daqs kemm il-poeżija ta’ Schembri hija fiha nfisha bħal pittura, b’kull waħda jfisser dak li ħiereġ mill-qalb u b’mod mill-aktar sinċier.
(Mill-introduzzjoni tiegħi)
it-torca-2021-05-16_23-23
‘Tislima lil Kristu Sidna: Quddiem il-Kurċifiss’ ta’ Oliver Friggieri,
Awtur: Terence Portelli;
Pubblikatur: Reliġjon u Ħajja
Fost il-ħafna poeżiji li kiteb Oliver Friggieri (1947–2020), insibu din il-ġawhra, ‘Tislima lil Kristu Sidna’. Din hi poeżija spiritwali li fiha l-poeta jitkellem b’mod imqanqal mal-Kurċifiss. Fi Kristu msallab Friggieri jara s-simbolu tat-tbatija li paradossalment isserraħ u tifdi, il-misteru li jagħti sens lill-ħajja ta’ kull bniedem u lill-Istorja tal-umanità.
Id-dar tal-pubblikazzjoni ‘Reliġjon u Ħajja’ għarfet l-importanza ta’ din il-poeżija, u għalhekk qiegħda tippubblikaha fi ktieb illustrat. Ma’ vrus il-poeta qed jidhru ’l fuq minn ħamsa u għoxrin pittura klassika li jirrakkuntaw il-passjoni; flimkien, jiffurmaw vjaġġ artistiku u letterarju uniku.
Forsi ftit jafu li Oliver Friggieri kien iħobb jagħmel disinji varji, fosthom tal-Kurċifiss. F’dan il-ktieb qed tidher għall-ewwel darba għażla sabiħa tagħhom, b’uħud minnhom qed jidhru għall-ewwel darba.
Il-ktieb fih ukoll studju kritiku tal-poeżija ta’ Oliver Friggieri, miktub minn Dr Terence Portelli, akkademiku fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Din il-kitba tistħarreġ fid-dettall: il-qrubija tal-poeta mal-Eżistenzjaliżmu Kristjan, l-istorja ta’ din il-poeżija, it-temi u x-xbihat ewlenin tagħha, u l-irqaqat stilistiċi u retoriċi mħaddma. Portelli jagħti wkoll interpretazzjoni tad-disinji li l-poeta pinġa ma’ vrusu, u fl-aħħar, jisħaq fuq l-ideat ewlenin li Friggieri mas-snin iddistilla u għażel bħala l-wirt morali u spiritwali tiegħu lin-nazzjon Malti kollu.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mis-sit elettroniku www.ruhmalta.com u mingħand il-ħwienet ewlenin tal-kotba.
it-torca-2021-04-04-1_29-29Tarċisju Zarb – Studji Kritiċi – It-Tieni Volum, Imħejjija minn Andrew Sciberras
Imħejjija minn Andrew Sciberras
F’dan il-ktieb barra introduzzjoni dwar il-varjabilità tal-kritika letterarja, u kif din tieħu sfumaturi varji, hekk kif taħbat ma’ nozzjonijiet kulturali oħra, insibu tagħrif u għarfien dwar xogħlijiet speċifiċi ta’ Aquilina Pawlu, Rużar Briffa, Francis Ebejer, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Maria Grech Ganado, Alfred Grech, Carmel Mallia, Ġużè Ellul Mercer, Alfred Palma, Marlene Saliba, Frans Sammut u oħrajn. Dan hu t-tieni volum f’dan is-sensiela, volum li għandu jgħin, jagħni u jsostni l-letterarjetà tagħna bħala poplu.
Dr Andrew Sciberras f’dan il-ktieb qiegħed ikompli jagħraf, isinn u jiskopri, din id-darba permezz tal-‘lenti’ analitika, li tifli u ssostni l-kelma, ta’ Tarċisju Zarb, għalliem eklettiku, li jemmen, li t-tagħlim tal-‘Malti’, m’għandux jingħalaq fih innifsu, imma għandu jixrob minn għejun varji ta’ influssi, ġejjin bla waqfien minn naħiet varji tal-esperjenzjalità umana. Għaldaqstant Sciberras, irnexxielu jagħraf, inaqqi u jsostni kitbiet, li mhux dejjem jidħlu fil-‘kexxun’ faċli tal-‘kritika letterarja’, miruta u mħeġġa s’issa fil-kamp tal-‘Malti’, imma dik it-tip ta’ fili/analiżi li minnha nnifisha tagħti ħajja ġdida/oħra lil dawn it-testi.
Testi bħalma huma dawk ta’ Francis Ebejer, jitħalltu ma’ testi bħalma huma dawk ta’ Frans Sammut, Rużar Briffa, Alfred Palma, Marlene Saliba u oħrajn, biex juruna kif il-‘vuċi’ tan-‘narrattiva’, ‘poetika’, ‘drammatika’, ‘rumanziera’ u l-bqija, jitħalltu flimkien, biex fihom insostnu din is-sotterraneit tagħna bħala poplu, permezz ta’ lingwitna. Din hija dik it-tip ta’ lingwa li fuq naħa hija dikjaratorja, tinnarra/tirrakkonta storja, ħass / emozzjoni, u fuq in-naħa l-oħra għandna l-‘għajnejn’ perċettivi ta’ qarrej ieħor – il-‘kritiku’, l-akkumpanjatur li jagħraf jimxi l-vjaġġ mal-kelma, il-frażi, il-klawżola, is-sentenza tan-narratur/narratriċi li tkun. U b’dan il-mod it-test jerġa’ jwelled lilu nnifsu mill-ġdid. B’dan il-mod il-ħajja tidher f’dawl ieħor, imġedded, imdawwal min-naħa tal-moħħ li issa mhuwiex is-sempliċi ‘riċevitur’ ta’ dak li nkiteb, imma l-‘ħallieq’ mill-ġdid ta’ dak li ntqal.
Ir-rakkontatur/poeta/drammaturgu hawnhekk jerġa’ jseħibna ma’ dak li jsawwarna bħala poplu, permezz ta’ ‘vuċi’ oħra – il-‘vuċi’ ta’ min qiegħed jiddeċifra, f’waqtiet ta’ meditazzjoni, din l-għalqa semantika wiesgħa, li ngħidulha l-letteratura Maltija. It-Tarċisju Zarb, b’dan il-mod, iservi bħala l-‘filtru’, li minnu tidher din id-dehra kalejdoskopja ta’ dawn in-narrattivi ħerġin jintisġu waħda minn oħra. Waħda ma’ oħra, biex b’hekk nissieħbu, din id-darba ma’ din il-fenomenoloġija ta’ Malta tagħna, permezz ta’ wliedha, ħajjin u mejtin. Din il-fenomenoloġija, qiegħda taħdem hemm il-ħin kollu, u l-‘kritiku’, il-fellej – dak li jifli – qiegħed jagħti ċans li dak li nkiteb jerġa’ jirrijinkiteb permezz ta’ filtru ieħor – il-filtru ta’ xi tip ta’ lingwaġġ ieħor. Ta’ xi perspettiva oħra. B’dan il-mod it-test jirxoxta mill-ġdid.
Il-poeta/id-drammaturgu/in-narratur mhux neċessarjament ikun għadda mill- esperjenzjalità miksuba mill-istess testi tiegħu meta kien qiegħed / qiegħda tiktibhom. Imma, dan hu sewwasew dak li jiġri kull meta aħna naqraw, nisimgħu, nipperċepixxu t-testi ta’ madwarna – testi li aħna ngħarbluhom skont aħna – il-wasla tagħna fl-esperjenzjalità tal-ħajja.
Nies tat-tip ta’ Ebejer, Sammut, Ganado, Saliba, Friggieri u l-bqija dejjem għarfu u għadhom jagħrfu, dawk li għadhom magħna, il-‘ġmiel’ ta’ din it-tip ta’ rinarrattiva – tip ta’ rinarrattiva, li tagħni mhux biss lil kitbiethom, ħsushom u ruħhom, imma lill-istess kulturalità tagħna l-Malti, li għaddejjin kontinwament nibnu u nibnu mill-ġdid lilna nfusna f’dan iż-żmien hekk imsejħa ta’ post-Modernità. Għaldaqstant wieħed għandu jkun grat għall-ħidma wtieqa ta’ Dr Andrew Sciberras, bniedem istruwiet, b’żewġ dottorati minn Oxford u l-Università ta’ Londra, li kontinwament, insistentement u b’impenn, jagħraf jieħu inizjattivi ta’ dan it-tip, bl-uniku riżorsa li tmexxih, hi l-mixja ’l quddiem tal-ethos uman – il-mixja ’l quddiem, l-għarfien u l-gost ta’ din l-esperjenzjalità umana, li ngħidulha ‘lingwa’, ‘letterarjetà’.
Fost kotba oħra li ppubblika nsibu Il-Vjaġġ Poetiku, El Duende, Studji dwar il-Poeżija Moderna, Amor Fati, Titwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom – L-Ewwel Volum, Poeti Kontemporanji Mgħoddija mill-Għarbiel, Rikkorenza Eterna, L-Aħħar Battuti (1998-2020) u Carmel Attard – Il-Poeżiji – U kif kienu jafuh sħabu l-kittieba.
Flimkien ma’ Tarċisju Zarb ippubblika l-kotba Awtoskatti, Fraġli, Mario Azzopardi – Le Poète, Bil-Kliem Żvinat Ġo Ħoġri – L-Esperjenza tal-Misteru fil-Poeżija ta’ Joe P. Galea, Achille Mizzi – Il-Werriet u s-Suċċessur Denn ta’ Dun Karm, Daniel Massa – Poeżiji u Studji. Editur ta’ bosta kotba, fosthom Ġenesi ta’ Achille Mizzi, Solitudnijiet Imkenna – fil-Poeżija ta’ Oliver Friggieri ta’ Tarċisju Zarb, Il-Poeżija Maltija – It-Tieni Volum bi Studju ta’ Charles Briffa, The Arrow and the Song, Bayadère u The Eternal World ta’ Melanie Camilleri. Ma’ Amanda Busuttil ippubblika l-ktieb Oliver Friggieri – L-Istudji Poetiċi (1989-2019), ippubblika wkoll f’żewġ volumi l-istudji kritiċi ta’ Tarċisju Zarb li kiteb mis-snin sittin sal-lum.
Għaldaqstant, dawk li jkunu jridu li jixtru xi wħud minn dawn il-kotba, għandhom jikkuntattjaw lil Andrew Sciberras fuq l-email: .
it-torca-2021-03-14-1_21-21-minKtieb Dwar id-Dħul tal-Ilsien Malti fil-Parlament 100 Sena Ilu
Awtur: Alfred Ellul Galea
Is-sena d-dieħla jaħbat il-mitt sena minn meta l-ilsien Malti ntuża għall-ewwel darba fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament. Dakinhar, fis-16 ta’ Marzu tal-1922, id-Deputat Robert E. Hamilton, l-ewwel ħaddiem elett fil-Parlament tkellem bil-Malti. Hamilton kien ukoll l-ewwel ħaddiem industrijali li nħatar Speaker fl-1927 u aktar ’il quddiem l-ewwel Ministru ħaddiem.
Ktieb ippubblikat dan l-aħħar jiffoka fuq il-ħajja u l-ħidma ta’ Antonio Nicholas li kien strumentali biex l-ilsien Malti seta’ jibda jintuża waqt id-dibattiti fil-Kamra Leġislattiva fl-ewwel gvern awtonomu tal-1921. Dal-patrijott mhux magħruf, li kien ħaddiem tat-tarzna wkoll u President ta’ każin tal-banda, stinka u ħadem bla heda wkoll b’risq il-mixi ’l quddiem tal-klassi tal-ħddiema. Dan wettqu permezz tal-kitba u bis-sehem tiegħu fil-qasam trejdunjonistiku u dak politiku.
Il-ktieb Antonio Nicholas Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-}addiema tal-awtur Alfred Ellul Galea tnieda mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati l-Onor Dr Anġlu Farrugia fis-sala tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Fra G.M. Antoine De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal (ta’ min wieħed jgħid li Nicholas kien President ta’ dil-għaqda filarmonika għal darbtejn).
Il-ħsieb li l-awtur jirriċerka u jippubblika dal-ktieb dwar dal-patrijott Malti mill-Isla ftit li xejn magħruf, nibet minn kapitlu ta’ ktieb mhux pubblikat dwar l-Istorja ta’ din is-soċjetà filarmonika miktub minn missieru, Karmenu, fl-1985. Fih iltaqa’ mas-sehem attiv ta’ din l-għaqda mużikali fl-Assemblea Nazzjonali tal-1919 u l-kontribut storiku nazzjonali li din tat dakinhar. U kien hawn li feġġ isem Antonio Nicholas fejn jissemma l-att patrijottiku tal-President ta’ dal-każin tal-banda kif ukoll l-interess u s-sehem importanti mill-kumitat ta’ din is-soċjetà li kien imexxi, fit-tfassil ta’ abbozz ta’ kostituzzjoni ġdida li kellha twassal għall-ewwel gvern awtonomu fl-1921.
F’artikli imgħoddija li l-awtur ippubblika dwar każini tal-baned, dejjem għamel aċċenn għall-kontribut importanti li dawn taw tul iż-żmenijiet f’bosta oqsma. Mhux biss f’dawk mużikali u kulturali, iżda wkoll f’oħrajn, bħal dawk reliġjużi u soċjali. Iżda minbarra l-ambitu lokali ta’ belt jew raħal, kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn dawn iċ-ċirkoli filarmoniċi pparteċipaw u taw sehem mill-aktar siwi fi ġrajjiet nazzjonali. U propju waħda minn dawn tal-aħħar kienet dakinhar li delegati minn għadd ta’ għaqdiet u każini tal-baned, wieġbu għall-appell tat-tabib Filippu Sciberras sabiex il-korpi kostitwiti jingħaqdu u jieħdu sehem f’Assemblea Nazzjonali. Fost id-delegati li ħadu sehem f’dil-Assembea ma kienx hemm biss professjonisti, li kienu f’maġġoranza, iżda wkoll ħaddiema.
Antonio Nicholas kien wieħed minn dawn tal-aħħar. Bħala impjegat tat-tarzna li kienet tħaddem l-eluf, huwa sar midħla tal-qagħda xejn sabiħa ta’ ħafna minn sħabu. Għaldaqstant issieħeb, l-ewwel fix-Xirka ta’ Manwel Dimech u aktar tard fl-ewwel unjon kbira tat-tarzna mwaqqfa fl-1916 minn Henry B. Ahar jew Ear, il-Malta Government Workers’ Union. Issokta ħidmietu b’risq il-klassi tal-ħaddiema permezz tal-kitba fil-ġurnal Il Hmar u aktar tard Il Hmara, dejjem taħt il-psewdonimu ‘Nick Carter’. Aktar ’il quddiem Nicholas ħass il-ħtieġa li jissieħeb f’partit politiku, il-Partit tal-}addiema, biex ikompli jgħin lil sħabu l-ħaddiema. Huwa kien delegat tal-każin tal-banda mmexxi minnu fl-ewwel Kumitat {enerali tal-Partit Laburista.
Iżda kif wieħed jinnota f’parti mit-titlu tal-ktieb, is-sehem tiegħu b’risq l-ilsien Malti jingħata l-akbar importanza importanza fil-paġni ta’ ġewwa. Dan ma setax jonqos, għax kien mitt sena ilu ġiet reġistrata rebħa kbira għal-lingwa tagħna. Dan seħħ meta l-Malti kien għadu jitqies bħala ‘il-lingwa tal-kċina’. Iżda b’att erojku fl-Assemblea Nazzjonali fis-26 ta’ Awwissu tal-1920 minn Nicholas u delegati oħra, l-ilsien Malti seta’ jintuża għall-ewwel darba fil-Parlament – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Li kieku dakinhar li kellu jittieħed il-vot dwar l-ilsien Malti, il_President Nicholas u ż-żewġ delegati l-oħra ta’ din is-soċjetà filarmonika – Luigi Flamini u Francesco De Giovanni – ħarġu ’l barra u ma vvutax, l-istorja kienet tkun xort’oħra. U l-mixja lejn għarfien xieraq tal-lingwa tagħna żgur li kienet ittul aktar.
Fit-tiftix tiegħu dwar ħajjet u ħidmet dal-patrijott minsi, l-awtur iltaqa’ ma’ interessi oħra mill-aktar interessanti li dal-persunaġġ kellu. Apparti l-lat mużikali, Nicholas kien ipitter u jpinġi b’ħila mhux biss akkwarelli bil-water colour, iżda wkoll b’teknika differenti, bħal dawk ta’ kompożituri li hemm imdendla fis-sala tal-każin tal-banda De Paule. Kien ukoll filatelist ta’ fama, b’korrispondenza ma’ oħrajn barranin bl-istess delizzju. Fatt interessanti hu li fi djarju ta’ Nicholas hemm tagħrif mill-aktar interessanti dwar l-għaxar vjaġġi li għamel barra minn Malta. F’wieħed minnhom, waqt l-ewwel gwerra dinjija, isemmi li l-vapur li kien qed jivjaġġa fuqu kien segwit minn sottomarini {ermaniżi. Fatt kurjuż ieħor li niżżel f’dan id-djarju hu li mposta 122 kartolina lil ħbieb tiegħu mxerrda f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja. Mijiet ta’ kartolini li kien jirċievi hu, għadhom ippreservati b’galbu għand in-neputi ta’ Nicholas, u għadhom fl-istat oriġinali tagħhom. Nicholas kien ukoll midħla sew tal-qasam teatrali u ħafna mill-ġrajjiet nazzjonali li seħħu f’pajjiżna żamm tifkira tagħhom permezz ta’ ritratti li kien jieħu hu stess.
Il-ktieb ANTONIO NICHOLAS Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-Ħaddiema ilaqqa’ wkoll lill-qarrejja ma’ ġrajjiet soċjali, reliġjużi, politiċi u oħrajn nazzjonali li seħħew fi żmien li għex dal-patrijott Malti. Fih riferenzi għal żmenijiet l-ewwel gwerra dinjija u flaġelli bħall-Ispanjola li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom niesna kif ukoll ġrajjiet sbieħ bħall-inkurunazzjoni tal-Bambina tal-Isla bis-sehem tal-banda tas-soċjetà filarmonika li hu kien imexxi. Wieħed ma jridx jinsa li Nicholas twieled l-Isla u kien ta’ ġieħ kbir għalih li l-banda li tagħha kien president issemma’ leħinha f’din l-okkażjoni speċjali. Tissemma wkoll il-politika, bil-piki tal-baned u dwar l-appoġġ li dawn kienu jagħtu lil deputati u senaturi ta’ żmienu. Kapitlu minnhom jittratta s-sehem ta’ Nicholas fix-Xirka tal-Imdawlin tal-Professur Manwel Dimech u dwar l-arrest u l-eżilju ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tal-istess Nicholas. Jissemmew għadd ta’ persunaġġi ta’ żmienu, bħal Henry Ahar (Ear), John F. Marks, Salvu Astarita, {wann Mamo, fost oħrajn, kif ukoll mexxejja ta’ partiti politiċi ta’ żmienu.
Ma setax jonqos li Nicholas, meta fi żmienu l-President ta’ każin tal-banda kien jitqies bħala t-tieni l-aktar bniedem importanti fil-lokal wara l-kappillan, jiġi msejjaħ biex jifforma parti mill-kumitat inkarigat mill-proġett tal-bini tal-akbar knisja il-gżejjer Maltin – it-tempju maestuż illum dedikat lil Kristu Re. L-appelli u l-kitba regulari tiegħu f’ġurnal lokali bil-Malti kienu ta’ għajnuna kbira fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-bini ta’ dil-knisja ġdida f’Raħal {did. Lokal li fih kienu jgħixu bosta ħaddiema tat-tarzna hekk li l-awtur Emanuel B. Vella, fil-ktieb tiegħu dwar L-Istorja ta’ Ħal Tarxien u Raħal {did (Pawla) jgħid li dan tal-aħħar hu ‘wild it-Tarzna’.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet ewlenin tal-kotba.

it-torca-2021-03-14-1_21-21-min