Sensei

Awtur: Edgar Formosa

Fil-ħajja dejjem se ssib min jimbuttak lura u min iżda jimbuttak `il quddiem.   Kollox jiddependi minn żewġ ħtiġijiet importanti li bħala bnedmin irridu nagħrfu għal ħajjitna: (a)  Li rridu nibqgħu determinati  (b) Irridu nagħrfu lil dawk il-persuni li jistgħu jgħinnuna nimxu `l quddiem. 

Ma tantx inħobb nibda b’din it-tip ta’ introduzzjoni għaliex nippreferi li nħalli l-qarrej jiggosta din l-istorja ħelwa, jimraħ fl-immaġinazzjoni u jissaħħar bil-kultura ta’ pajjiż orjentali (l-Ġappun).  Edgar Formosa jikteb bi stil mexxej ħafna u għandu ħila li jiddeskrivi ferm tant li l-qarrej ikun jista jistħajjel dak li qed jaqra b’tali mod kważi qisu qed jara xi filmat.  Il-ktieb ta’ 160 paġna jinqara għaldaqstant b’mod faċli u persważ li l-qarrej.  Xi waqtiet iżommuk xi ftit taħt tensjoni u l-ġrajja tgħaddi minn episodju għall-ieħor.  Patricia, il-protagonista, iżżewġet żgħira kontra r-rieda ta’ ommha u kellha tarbija.  Iżda dan iż-żwieġ ma setax ikompli minħabba vjolenza domestika u spiċċat trabbi t-tarbija waħidha.  Daħlet taħdem ġo fabbrika iżda l-ambizzjoni tagħha waslitha biex tkompli tistudja u għażlet li titħarreġ f’lingwa li mhux tant hi wisq popolari f’pajjiżna l-Ġappuniż.  It-triq li qabdet ħaditha fil-Ġappun.  Hemm hi bdiet taħdem f’restaurant fejn kienet maħbuba ferm.  Kien dan il-post li laqagħha mal-Professur   Katsumoto, persuna ta’ integrita’ u akkademiku ta’ kalibru għoli ħafna.   L-ewwel inkontru tagħhom ma kienx wieħed pożittiv minħabba li Patricia ratu supperv u tfantset minnu.   Iżda l-Professur Katsumoto baqa’ jemmen fiha anke meta kien hemm letturi oħra li warrbu x-xogħol tagħha.  

Kif insibu anke fil-kopertina, “dejjem kien hemm dak il-leħen kalm ta’ Karsumato jidwi f’moħħha u jimbuttaha għal aktar … ganbare, Patricia san!”.    Anke meta ħassitha taqta’ qalbha u meta ma sabitx min jagħtiha l-appoġġ mistħoqq.  

Kif spjegajt qabel, id-deskrizzjoni ta’ Formosa hija ferm dettaljata u l-panew iddisinjati tar-restorant u l-imġiba tan-nies faċilment iġagħluk tistħajjel l-ambjent fil-Ġappun, anke jekk huwa pajjiż daqstant `il bogħod.  Jidhiri li Formosa xtarr sew il-kultura wkoll Asjatika anke fl-imġiba tal-persuni lejn xulxin.  Fir-rumanz wieħed jinnota laqta ta’ seduzzjoni, emozzjoni u kompassjoni li mhumiex rari la fil-ħajja u lanqas f’letteratura u films Asjatiċi.  

Nagħlaq b’messaġġ li bagħtli l-awtur innifsu, li reġa’ tenn dak li nsibu fil-kopertina dwar x’wasslu biex kiteb dan il-ktieb.  Formosa qalli, “Ridt indaħħal żewġ ħwejjeġ għal qalbi ħafna … it-tagħlim (jiena kont għalliem, Kap tad-Dipartiment tal-Malti kif ukoll mentor, kif inhu l-Professur fir-rumanz) u l-Kultura Ġappuniża, il-ħajja tagħhom, drawwiet eċċ, biex min jaqra jkollu ħjiel ta’ kultura differenti minn tagħna. Naturalment ridt nuri wkoll li fil-ħajja qatt ma għandek taqta’ qalbek, jekk taqla’ daqqa, kompli ġġieled, u tirnexxi. Din tajba kemm għall-istudenti kif ukoll għal kulħadd wara kollox.

L-irwol tal-gazzetti fi żmien il-gwerra (l-ewwel parti)

Dwar il-gwerra rajna diversi filmati u smajna ħafna rakkonti, imma ħafna minna qajla aħna nfurmati dwar xi rwol kellhom il-gazzetti f’dawk iż-żminijiet.  Riċerka dwar dan għalhekk kienet meħtieġa għaliex il-gazzetti mhux biss jiddokumentaw dak li jkun qed jiġri, imma dan ma jagħmluhx b’mod passiv. Minnhom nistgħu insiru nafu liema kienu l-kurrenti soċjo-politiċi ewlenin f’dawk iż-żminijiet u kif huma stess bħala aġenti xprunaw il-ħsieb soċjo-politiku.  F’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa tkellimna għalhekk mal-awtur ta’ The Front Page on the Front Line, Martin Debattista u matul din l-intervista ser nagħtu ħarsa lejn dan il-ktieb.  Martin G. Debattista huwa riċerkatur fil-qasam tal-mezzi diġitali u l-edukazzjoni diġitali u akkademiku.  F’Malta kien pijunier fil-qasam tal-internet u minn tal-ewwel li beda jgħaddi tagħrif permezz tal-gazzetti dwar din it-teknoloġija ġdida.  Bħalissa huwa jaħdem bħala lettur fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi u huwa wkoll visiting lecturer fil- Fakultà tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta.  Interessi oħra ta’ Debattista huma l-korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs), riżorsi edukattivi miftuħa (OER), kif ukoll ir-realtà miżjuda u dik virtwali fl-edukazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-wirt storiku. 

Illum qed nippublika l-ewwel parti ta’ din l-intervista’. 

1.     Martin, kif għidt tajjeb inti f’dan il-ktieb, il-memorja kollettiva tal-gwerra fost il-poplu għadha pjuttost ħajja, qed nikkwota p.153.   Xi ftit jew wisq kwotazzjonijiet minn ġurnali dehru f’ħafna kotba u riċerki oħra.   Ma nistgħux allura Martin nibdew b’din it-taħdita billi nistaqsi lilek bħala riċerkatur u awtur ta’ dan il-ktieb, x’joffri differenti dan il-ktieb minn dan li diġa lkoll nafu? 

T.   Jiena bdejt ir-riċerka b’żewġ premessi. L-ewwelnett indunajt li s-suġġett tal-gazzetti kien ġie trattat b’mod superfiċjali u mferrex ħafna f’diversi pubblikazjonijiet, fejn ħafna drabi ngħad biss li t-Times of Malta baqgħet toħroġ minkejja d-diffikultajiet kollha u kultant naraw l-ewwel paġna ta’ xi ġrajja importanti bħall-għoti tal-George Cross. It-tieni ridt li nħares lejn il-gazzetti fi żmien il-gwerra mil-lenti ta’, kif ngħidu bl-Ingliż “news is the first rough draft of history”. Fil-gazzetti Maltin ta’ matul il-gwerra kienet qed tinkiteb l-istorja u ħadd ma kien għadu analizza kif inkitbet din l-istorja waqt żmien ikrah u mimli tiġrib għall-Maltin u l-Għawdwin. Naħseb li lħaqt dawn l-għanijiet b’volum wieħed.

2.     Il-gwerra ħalliet impatt kbir fl–iżvilupp soċjo-politiku ta’ Malta kif ukoll fil-proċess politiku.  Iżda ma rridux ninsew li qabel il-gwerra diġa kellek il-ġrajjiet imdemmija tas-sette ġiugnio, li wkoll wasslu aktar għalihom il-kundizzjonijiet ħżiena ta wara l-ewwel gwerra dinija.  Kellek ukoll imbagħad l-ewwel self-government, il-kwistjoni tal-lingwa  u l-ewwel kostituzzjoni.  Wara l-gwerra mbagħad komplejna għaddejjin bil-kwistjoni tal-integration.  X’kien l-impatt li allura tara li ħalliet il-gwerra fl-iżvilupp politiku tagħna u bidlet it-traġitt li diġa konna qbadna?   Mistoqsija oħra li mhux marbuta magħha imma mat-tema ċentrali hija:  Xi rwol kellhom il-ġurnali f’dawn iż-żminijiet?

T.   Il-ġurnali Maltin kellhom rwol importanti fejn tidħol il-propaganda u l-informazzjoni. Jien skoprejt fost l-oħrajn li ħafna mill-għidut dwar l-imġieba meqjusa xejn kuraġġjuża tat-avjaturi Taljani kienet element importanti fil-propaganda fil-gazzetti, speċjalment f’il-Berqa li kienet bil-lingwa Maltija. Din kienet tiġi pubblika minn Allied Newspapers Ltd ta’ Strickland l-istess bħat-Times of Malta. Dawn il-gazzetti kienu propjeta’ ta’ partit politiku – dak Kostituzzjonali – imwaqqaf minn Sir Gerald Strickland, li kien avverssarju ewlieni tal-Partit Nazzjonalista ta’ Nerik Mizzi. Hawnhekk naraw kif ir-rwol tal-gazzetti kemm qabel u kemm wara l-gwerra kien li jwasslu messaġġ politiku. Dan il-messaġġ kien fundamentali fil-ħajja politika ta’ pajjiżna. Minkejja li llum nilmentaw li f’Malta għandna mezzi tax-xandir maħkuma mill-partiti politiċi, min-negozjanti u l-Knisja Kattolika, fil-passat kellna ċirkostanzi simili.

3.     Mistoqsija forsi ftit supplimentari, imma naħseb żgur hija l-kurżita’ ta’ ħafna hija marbuta mal-litteriżmu tal-poplu Malti.  Il-parti kbira tal-poplu Malti kienet illitterata.  Għaliex tħoss allura li kienu daqstant kruċjali l-gazzetti? 

T.   Kienu kruċjali għaliex ir-redifussion ma kienx għadu mifrux daqstant u ma kienx għadu daħal is-servizz tat-televiżjoni. Allura kien jifdal il-gazzetti. It-Times of Malta kellha s-suq tal-membri tas-servizzi militari Ingliżi, tal-Commonwealth (li minnhom kellna ħafna speċjalment fir-Royal Air Force) u oħrajn internazzjonali filwaqt li l-Berqa, li kienet tinbiegħ iktar mit-Times of Malta, kienet tinqara mill-Maltin. Prassi normali dak iż-żmien kienet li min kien jaf jaqra kien iwassal siltiet mill-gazzetti lil min ma kienx jaf u Allied Newspapers Ltd kienu jilmentaw li r-rapporti tagħhom kienu jiġu kkuppjati mis-servizzi ta’ l-aħbarijiet tar-redifussion.

4.     Il-karikatura kellha rwol importanti fil-ġurnali. Fil-ktieb titratta f’ċerta dettal ix-xogħol ta’ Alfred Gerada fil-ġurnal “The Times”.  Meta bdew dawn il-karikaturi u kemm taħseb li kienu effettivi matul iż-żminijiet, u naturalment anke f’dan il-perjodu partikolari),  biex iwasslu l-messaġġ tagħhom?   

T.   Biex norbot mat-tweġiba ta’ qabel, karikatura setgħet tinftiehem anke minn min ma kienx jaf jaqra. Il-karikaturi ma bdewx b’Alfred Gerada meta faqqgħet il-gwerra imma ħafna qabel, imma jien iffukajt biss fuq żmien il-gwerra. Interessanti ħafna li naraw it-temi li jagħżel Gerada, meta per eżempju jqabbel il-qlubija ta’ Malta matul it-Tieni Gwerra f’Malta mqabbla ma’ l-Assedju l-Kbir tal-1565 jew meta jpinġi lill-pajżana Maltin u Għawdxin bħala r-raba’ arma fid-difiża tal-fortizza flimkien ma’ l-armata, ir-Royal Navy u l-RAF. Ma kinux jonqsu karikaturi li juru r-reżistenza ta’ Malta Nisranija kontra l-għadu Nażi-Faxxista, li wħud minnhom kienu jnisslu anke tbissima. Karikaturi dwar politika partiġġjana lokali reġgħu feġġew  biss wara l-gwerra.

5.     Tema ewlenija meta nitkellmu dwar il-media u mhux inqas il-ġurnali hija Il-propoganda.  Ma din hemm it-tgħawwiġ tal-verita’.    Fil-ktieb insibu fost oħrajn kif il-karikatura fil-ġurnal The Times of Malta, qed nara ngħidu ana p.147,  turi li Malta kienet fortizza b’saħħitha bizzejjed biex tiġġieled kontra l-għadu, li kif tejjeb inti ma kinex il-każ. F’paġna 189 imbagħad ukoll iġġġib karikatura oħra ta’ Gerada li turi d-determinazzjoni tal-Maltin wara dak li sar magħruf bħala l- Illustrious Blitz.  Għal benefiċċju tal-qarrejja tagħna dan kien fost l-agħar episodji fl-istorja, ngħid jien ta’ pajjiżna fejn fl-1941 kellna l-ewwel attakki mill-ajru mill-forzi Ġermaniżi, l-Luftwaffe u għamlu ħerba sħiħa.  Fost oħrajn ġew milquta sew il-Kottonera  bl-Isla sa fejn naf jiena spiċċat ħerba kważi mal-ewwel jiem.  Mill-banda l-oħra naraw f’dan il-ktieb l-attakk tal-organu tal-Knisja Leħen is-Sewwa kontra l-Bolxeviski.    Xi rwol kellhom il-ġurnali biex iwasslu lill-qarrejja tagħhom l-aġenda tagħhom? 

T.    L-aġenda kienet waħda u s-sempliċi: li Malta ma ċċedix u tkompli titqabad sar-rebħa finali kontra l-għadu li kien qed jitfa’ l-bombi fuqna u li anke wssal għall-mewt ta’ Maltin li kien qed iservu mar-Royal Navy. Għall-Maltin u l-Għawdxin dan kien ifisser li tgħix bil-miżerja li ttik il-Victory Kitchen, tixtri xi ħaġa żejda apparti li jtik ir-razzjon billi tirrikorri għand black market fi prezzijiet oxxeni jew tibqa’ bil-ġuħ, tgħix ġranet sħaħ fix-xelters, titlef darek, ħwejjġek u anke qraba u ħbieb, jew tinqabad bil-lieva. Għall-Britanniċi Malta kienet tifisser iċ-ċavetta għat-taqbida fil-Mediterran u l-Lvan Nofsani, kif ukoll ir-rotta lejn l-imperu fl-Asja. Pero’ kien hemm sfumaturi wkoll. Il-Berqa, per eżempju, donna ma ħafret qatt lit-Taljani li bbumbardjawna wara ħafna paroli li t-Taljani ħutna u flok bombi se jitfgħulna l-fjuri. Kienet iktar voċifera mit-Times of Malta kontra l-hekk imsejħa ‘quislings’ Maltin, jiġifieri dawk il-Maltin b’simpatija lejn it-Taljani. Il-Berqa sal-piena tal-mewt talbet għal dawn il-Maltin. Il-Leħen is-Sewwa taħt Herbert Ganado kienet pro Taljana u Faxxista imma ma kienx iniżżel lin-Nazisti kif jispjega l-istess Ganado għax ma kienx jaqbel mal-metodi vjolenti tagħhom mingħajr sens Nisrani. Matul il-gwerra il-Leħen is-Sewwa inbidlet u saret iktar favur l-Ingliżi, u fl-1943 saret iktar konservattiva minn qatt qabel b’kampanja kontra t-tfajliet li jaħdmu ma’ l-irġiel u kontra l-vot lin-nisa. Ninnutaw pero’ kif dil-gazzetta kienet tikteb kontra l-atei Bolxeviki Sovjetiċi speċjalment meta l-Unjoni Sovjetika attakkat il-Finlandja ,imma meta l-istess Unjoni Sovjetika spiċċat alleata tal-Ingliżi u l-Amerikani l-Leħen is-Sewwa intalbet biex ma tkunx aggressiva kontra pajjiż li issa kien sar alleat.

Din l-intervista tissokta fil-ħarġa li jmiss

Nitkellmu ma’ Charles Briffa It-tieni parti

Nitkellmu ma’ Charles Briffa (It-tieni parti)

Din hija t-tieni parti tal-intervista mal-Professur Charles Briffa.  L-ewwel parti dehret fil-ħarġa tat-Torċa tal-Ħadd 18 ta’ Settembru 2022

  • Wieħed minn dawn l-aħħar kotba tiegħek dwar awturi oħra huwa “Ir-Ruħ Tqell bil-Poeżija – Louis Briffa: Il-Ħsieb Inċanat”.  Il-ħsieb inċanat għandi nifhem għaliex dan il-poeta huwa magħruf bħala “tal-Varloppa” għall-ktieb tiegħu “Bil-Varloppa”.  Ta’ min ngħid li dan huwa tip ta’ ċana kbira tal-idejn x’aktarx magħmula mill-injam u b’maqbad, li fl-antik kienet tintuża biex jinċanaw.  Briffa tana wkoll ktieb ieħor “Bil-Boqxiex”  fejn ukoll jitkellem dwar diversi suġġetti, fosthom ir-relazzjoni tiegħu ma’ ibnu (Bertrand u Jien), it-tbatija li għadda minnha (Tempesta), ir-relazzjonijiet u l-imħabba (Fjakkolata), it-tbatija fil-ħajja b’ħarsa speċjali fuq dik ta’ Ġesù fil-passjoni (Misteri tat-tbatija), il-vjaġġi tiegħu partikolarment fi Spanja u fl-Italja (Petali mill-Italja u minn Spanja), il-poeżija u t-tifsira tagħha għall-poeta (Qtar mill-miġra), il-ħarsien tan-natura (Difiża tal-ambjent), voċiferu favur dawk il-persuni jew popli qed ibatu jew għaddejin minn żmien iebes bħal immigranti u l-poplu Palestinjan (Versi tad-dissidenza) u bosta temi oħrajn fl-aħħar kapitlu (Konfetti).  Għandna wkoll vjaġġ spiritwali li joħodna  mill-mitoloġija (eżempju p.72)   sal-ikona reiġjuża-kattolika (p.128), sal-viżjoni soċjali.  Kif tikkwadra l-viżjoni ta’ Louis Briffa fil-kotba tiegħek?

T.   Din il-mistoqsija titlob ħarsa ħafifa lejn il-kunċett tal-kontemporanjetà letterarja fis-sehem tagħha tal-moderniżmu lokali li, fid-daħla li jien ktibt għall-antoloġija Jiflu Żmienhom – Ġabra ta’ Kitbiet tal-Poeżijaplus(Klabb Kotba Maltin, 2003), jien għedt li huwa “proġett mhux mitmum”.

Meta nħarsu lejn id-dehra tal-firxa letterarja ta’ żmienna biex naraw il-qagħda ġenerali tal-kontemporanjetà nilmħu xejriet ta’ kontinwità u oħrajn avangardisti f’dawk l-ishma li għandhom x’jaqsmu ma’ motivazzjonijiet, strutturi, u limiti – kollha marbutin (kif jixraq) mat-temi. Dawn ix-xejriet letterarji jagħtuhomlna awturi bħal Oliver Friggieri, Mario Azzopardi, Victor Fenech, Charles Casha, Trevor Żahra, Paul P. Borg, Alfred Sant, u Joseph Vella Bondin – biex insemmi xi wħud minnhom. F’dawn l-awturi kontemporanji nsibu xejriet tradizzjonali (bħal, ngħidu aħna, il-qisien metriċi u l-forom stabiliti tar-realiżmu u ta’ dak li mhuwiex reali fil-proża kreattiva) u xeħtiet moderni (ta’, ngħidu aħna, karatteristiċi astratti jew oskuri u multipliċità ta’ perspettivi). Meta dawn ix-xejriet u x-xeħtiet jingħaqdu, xorta tixref dehra koerenti ta’ żmienna – żmien li qed iġiegħel lill-bniedem itarraf u jfisser lilu nnifsru fis-sehem tiegħu u f’għemilu f’din l-eżistenza tagħna. Is-soġġettività (li tiddeskrivi l-bniedem x’inhu) trid tidher fid-dawl tar-realtà oġġettiva (li x-xjenza tinsisti fuqha) ukoll jekk jinfirdu minn xulxin fl-isfera umana. U ma’ dawn il-kontemporanji jidħol Louis Briffa. 

Omar, int semmejt il-varloppa (plane) u l-boqxiex (spokeshave) fl-ismijiet tal-ġabriet ta’ Briffa. Dawn iċ-ċwani jidħlu fis-simboliżmu letterarju tal-poeżiji – simboliżmu li jikxef ftit mill-immaġinazzjoni tal-poeta; u s-simboliżmu taċ-ċwani jsir parti mill-verità poetika u qawwa li tikkontrolla l-interpretazzjoni. Bħall-kontemporanji l-oħrajn li semmejt, Briffa għandu immaġinazzjoni ħajja u għandu ħakma assoluta ta’ dik l-immaġinazzjoni. Fl-istess ħin (bħal sħabu) Briffa juri l-importanza tal-perċezzjoni fuq ir-realtà. F’dawn il-kittieba jidher kunċett modernist kruċjali: dak li jintegra għalkollox ir-realtà fl-immaġinazzjoni, u din l-integrazzjoni tikseb permanenza li timita fl-istrutturi poetiċi simboliċi. 

  • Tkellimna fit-tul dwar il-ħajja ordinarja tal-Maltin u ma jistax ma jiġinix f’moħħi awtur ieħor li inti wkoll studjajtu Paul P. Borg.  Borg li ta’ min ngħidu għadu kif ħareġ 2 kotba interessanti ferm:  “Belgħa tè”, ġrajja mistħajla u traġika, ambjentata fl-imgħoddi u “Oliver Friggieri u jien”.  Ġaladarba qed insemmu lil Oliver Friggieri nfakkar li inti wkoll ħriġt ktieb dwar Oliver f’din is-sensiela u qed ngħid għall-ktieb “Ħsiebu Jsuqu”.   Il-mistoqsija tiegħi xtaqt allura biha nolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda u tgħidilna xi ħaġa kemm dwar Paul P. Borg li tkellem dwar in-natura, is-sempliċita’ tal-ħajja, l-għerf ta’ missirijietna u anke dwar il-ktieb l-ieħor dwar Oliver Friggieri, “Ħsiebu Jsuqu”

T.   L-isem tal-ktieb li jien ktibt fuq Oliver Friggieri Ħsiebu Jsuqu (2017) jeħodna lejn tiġrib maħsub f’kewn il-bniedem; waqt li l-isem tal-ktieb tiegħi fuq Paul P.Borg Leħen mix-Xagħri Maħqur (2021) iressqilna l-ekofilosofija letterarja. Il-lingwa figurattiva f’dawn it-titli tal-kotba minnufih turina li (fuq il-livell kognittiv) il-metafora letterarja għandha bażi esperjenzjali. U hekk naraw li Friggieri, hu u jestendi l-elementi ewlenin tal-kontemporanjetà, jifhem il-kreattività bħala laqgħa produttiva bejn il-letteratura u ż-żmien; u Borg jinqeda bil-valuri letterarji biex jitkellem f’isem il-magħkus ambjentali. 

L-użu kreattiv tal-lingwa letterarja huwa parti mis-sistema tal-ħsieb ta’ dawn l-awturi, u għalhekk irridu nħarsu lejn il-funzjoni tal-metafora bħala estensjoni tal-qagħdiet li jħufu fil-moħħ. Dan huwa fattur li jagħmel sehem mill-istil mentali tal-awturi tagħna li jifhmu li l-lingwa figurattiva taf tiġġenera tifsir ġdid. Din il-lingwa taf tkun estensjoni ta’ xi elementi konvenzjonali u taf ukoll tkun elaborata biex tressaqna lejn il-ġdid jew taf timbuttana lejn id-defamiljarizzazzjoni. Fil-proċess ta’ defamiljarizzazzjoni nħarsu lejn il-lingwa b’mod differenti mis-soltu.

Il-ktieb fuq Oliver Friggieri juri li l-ħidma tiegħu, kemm bħala professur tal-letteratura u kemm bħala rumanzier u poeta, hija mmotivata minn dawn it-tliet prinċipji: li l-letteratura trid tinvolvi ruħha soċjalment sabiex toħloq għarfien xieraq; li l-letteratura trid tirrifletti l-umanità fit-tfittxija tagħha għat-tifsir tal-ħajja; u li l-letteratura trid tibda mill-interpretazzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna u timxi lejn tifsir universali. Waqt li l-ktieb fuq Paul P.Borg juri li dan il-kittieb għandu relazzjoni mal-ambjent. Jidher ambjentalist – għalhekk joħloq il-ħdax-il kmandament (ħobb il-ħolqien). U l-ktieb li jien ktibt fuqu (fost ħwejjeġ oħrajn) jipprova jifli ftit kif il-letteratura li jikteb Borg tippriserva din l-identità ambjentalista. Imma fil-proċess jikxef il-ħajja ġewwiena f’xogħol l-awtur.

  • Żewġ kotba oħra minn din is-sensiela huma dwar żewġ poeti li jiena naf fil-qrib ħafna wkoll u kienu katalisti għall-bidla tas-snin sittin.  Qed ngħid għal Mario Azzopardi u Victor Fenech.  Lil Mario jiena wkoll nafu sew għaliex kien kitibli d-daħla għall-ktieb tiegħi “24, Triq Ħad-Dwieli”.  Mario għandu ħafna elementi spiritwali fil-poeżija tiegħu u fl-istess ħin jibqa’ magħruf li tratta suġġetti li tradizzjonalment f’Malta kienu jitqiesu pprojbiti jew offensivi bħas-sesswalità mberrħa u l-faċċjoliżmu tar-reliġjuż fost oħrajn.  Lil Victor Fenech jiena dejjem segwejtu u ispirani partikolarment fil-poeżija sperimentali u dik plastika, magħrufa bħala concrete poetry. Hemm ukoll l-aspett ta’ protesta.  X’tgħidilna dwar dawn l-awturi, naturalment mill-perspettiva tal-ktieb tiegħek. 

T.  Fuq it-titli tal-kotba li jien ktibt fuq Mario Azzopardi (Dellijiet Jgħajtu fir-Ras, 2020) u fuq Victor Fenech (Fl-Arena ta’ Moħħu, 2018) nista’ ntenni dak li għedt qabel: li l-lingwa figurattiva tipprovdi spazji mentali tal-kunċett lingwistiku kognittiv ta’ kull awtur. Imma t-tnejn li huma għandhom l-identità partikulari tagħhom. 

Il-ktieb fuq Azzopardi juri kritiku soċjali kruċjali, u juri li l-proċess kreattiv tiegħu spiss jinħass forza kontroversjali qawwija fi ħdan l-ambjent soċjokulturali ta’ żmienu. Juri li l-kitbiet ta’ Azzopardi jitfgħu bosta dubji fuq standards tradizzjonali u forom stabbiliti, u jinvestigaw ħwejjeġ li jikkawżaw uġigħ uman u tbatija soċjali. Il-poeżiji, il-poesejs, u r-rakkonti Azzopardjani huma ġeneralment prodott tas-soċjetà tagħhom u essenzjalment huma “soċjali” fis-sens li hemm kawżiet soċjali li jqanqlu l-produzzjoni tagħhom; għalhekk jittrattaw temi soċjali u kontenut relevanti għaż-żmien tagħhom, u jippruvaw iġibu xi forma ta’ effett soċjali. 

Imma fuq kollox, il-ktieb lil Mario Azzopardi jurih fil-partijiet tiegħu ta’ poeta, prożatur, poesejist, pittur, kritiku, ġurnalist kulturali, direttur tat-teatru, editur, u għalliem. 

Meta mbagħad immorru għall-ktieb fuq Victor Fenech naraw (fost ħwejjeġ oħrajn) lil dan joqgħod iterraq fuq il-fruntiera bejn proża u poeżija biex joffrilna perspettiva oħra fuq ir-relazzjonijiet soċjali li nsibu madwarna. L-istil mentali tiegħu jaħdem bil-ġustapożizzjoni u d-djalogiżmu. Il-forma għal poeta bħal Fenech hija dak l-element li jsawwar dak li jgħid. Il-forma tmur mal-ħsieb u tilgħab bil-lingwa u l-viżwal. Ħafna mill-għabar kulturali jiddependi fuq l-għażla tal-forma poetika. Huwa awtur intellettwali. Mimli kultura. Mimli referenzi. Mimli djalogiżmu. Imma fl-istess ħin huwa mimli soġġettività. Biss, fih il-personali malajr jingħaraf bħala ġenerali; u l-individwu jsir mikrokożmu. U jrid jinqara b’mod produttiv. Għax xogħlijietu jagħmlu sehem minn maqdes ruħu mdawwar b’arena mentali. Il-letteratura ta’ Fenech tidher avvanz lura lejn il-ħajja; il-ħsieb ikun f’saħħtu bil-libertà tal-forma. Il-kitba letterarja tiegħu għandha personalità li tgħożż il-ġmiel u tikkritika l-kontemporanjetà, u ġġagħalna nissuspettaw fil-valuri tal-lum. Mhix biss kritika iebsa tal-kontemporanjetà, imma hija wkoll sfog muġugħ ta’ lment personali kontra l-ħajja li jingħaqad ma’ lmenti personali oħrajn ta’ poeti kontemporanji.

  • Ġojjell, ħa nsejjaħlu hekk li tajtna, u fl-istess ħin għodda essenzjali huwa l-“Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija” li joffri spjegazzjonijiet ċarissimi fuq problemi teoretiċi involuti fis-suġġett tal-istudji tat-traduzzjoni.  M’hemmx lok li nidħlu fit-temi kollha indirizzati bħalma huma l-ġrajja storika tat-traduzzjoni Maltija, l-bixriet kulturali fit-traduzzjonijiet Maltin u ħafna oħrajn.  Ma nistax ma nagħlaqx din it-taħdita però billi nsaqsik x’kienu r-raġunijiet l-aktar li wassluk biex toħroġ dan il-ktieb.  U forsi tgħid lill-qarrejja tagħna suġġeriment qasir meta jkunu qed jaħdmu fuq xi traduzzjoni, mhux neċessarjament ktieb imma anke fil-qadi tax-xogħol tagħna eċċ. 

T.  Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija (2015) ktibtu l-aktar biex infisser bil-Malti ftit mit-teorija tat-traduzzjoni, imma wkoll sabiex nuri xi proċessi hemm involuti meta jsir transfer kreattiv fit-traduzzjonijiet bil-Malti. Fih (dan il-ktieb) hemm ukoll il-ġrajja storika tat-traduzzjoni f’pajjiżna u l-ħidma wtiqa ta’ xi wħud mill-aqwa tradutturi Maltin. 

Ippruvajt nuri li meta naħsbu fuq it-traduzzjoni Maltija nintebħu x’responsabbiltà għandu t-traduttur. Din ir-responsabbiltà titlob, fost ħwejjeġ oħrajn, teħid denn ta’ deċiżjonijiet, applikazzjoni addattata ta’ metodi u strateġiji, u tħaddim xieraq tal-lingwa. It-traduttur irid jasal biex ikun intelliġenti u immaġinattiv ħalli jrabbi fiduċja xierqa f’dak li jwettaq u jirrispetta lis-sors u lill-qarrejja targit tiegħu. 

Traduttur tajjeb huwa dejjem riċerkatur ta’ ħila. Is-suġġeriment tiegħi huwa li min jidħol għal ħidma ta’ traduzzjoni jrid jagħmel riċerka li toqgħod sew mal-materjal li jkollu. U dan barra li jeħtieġ ikollu ħakma tajba taż-żewġ lingwi li jkun se jaħdem bihom. U ħakma tajba tinvolvi wkoll il-kultura konvenjenti li tmur mal-lingwi. 

Min jidħol għal xi traduzzjoni letterarja, jeħtieġ ikun midħla sew tal-awtur li jkun se jittraduċi. Dan ifisser li t-traduttur irid jaqra (bħala parti mir-riċerka tiegħu) kemm jiflaħ mix-xogħlijiet l-oħra tal-awtur ħalli jidra sew l-istil mentali tiegħu. Meta jien iddeċidejt li nittraduċi The Power and the Glory ta’ Graham Greene, kont ħadt din id-deċiżjoni wara li kont studjajtu lil Greene fid-dettall, qrajt ix-xogħlijiet tiegħu kollha, u għallimtu fil-livell avvanzat – b’hekk ħassejtni li stajt nifhem sew l-istil mentali tiegħu. Li wieħed ikun jaf lill-awtur oriġinali sew, huwa essenzjali. Mill-banda l-oħra, fi traduzzjoni teknika t-traduttur jeħtieġ ikun midħla sew tas-suġġett li jkun qed jittraduċi u (bħala parti mir-riċerka tiegħu) jiġbor it-terminoloġija xierqa fiż-żewġ lingwi biex jistudja tajjeb l-ekwivalenza. Il-konsulenti fl-oqsma involuti jiswewlu ħafna lit-traduttur.

  • Charles, nirringrazjak tal-ħin tiegħek u l-aħħar mistoqsija hija inevitabbli.  X’qed inkunu qed nistennew mingħandek fil-futur?

T.   Nixtieq ħafna niddedika ħini għall-kitba kreattiva, l-aktar biex nikteb rumanz. Hemm ħsieb li ilu jħuf f’moħħi xi 20 sena, imma r-rabtiet u l-qadjiet fl-oqsma tal-lingwistika kulturali u l-istilistika letterarja (li huma għal qalbi ħafna) jeħduli ħafna ħin fir-riċerka li jitolbu. Se nkompli naħdem fuqhom għax għad hemm bosta xi jsir, u bil-ħidma tiegħi fihom inħoss li nkun qed nagħti sehmi fil-kultura Maltija. Il-kitba kreattiva tibqa’ tistenna.