Anthony Mahoney jissellef xi wħud mill-elementi kompożizzjonali minn dawk tal-impressjoniżmu. Il-pitturi tiegħu huma kkaratterizzati b’kuntrast bejn id-dawl u d-dlam li joħolqu emozzjonijiet differenti u ħafna drabi dak espress fuq it-tila huwa xhud tal-fażijiet tal-ħajja tal-artist. Skond il-kritiku tal-mużika Camille Mauclair, “Id-dawl jintuża fil-pitturi ta ‘l-Impressjonisti bl-istess mod li t-temi huma estiżi b’mod sinfoniku fil-mużika.” Għandna wkoll taħlita ta’ figurazzjoni u l-astrazzjoni li għalkemm huma kunċetti totalment opposti, iżewwiġhom flimkien b’mod tassew tajjeb.
Il-ktieb jimxi b’mod loġiku li jgħin il-qarrej jifhem sew l-artist u jimxi dan il-vjaġġ artistiku miegħu. Għaldaqstant jibda bil-bijografija, ħsieb kif inhu xieraq ta’ Fr Norbert Ellul Vincenti u wara ħsibijiet ta’ bosta ħassieba fosthom Rose Lapira, Lina Brockdorff, Dominic Cutajar, Kenneth Wain, Tony Mahoney u bosta oħrajn. Nikkwota minn J.Borg Galea dwar “Far from the Madding crowd”minn silta li deheret propju f’dan il-ġurnal, it-Torċa, fl-1974:
“Bla dubju l-ħila artistika ta’ Mahoney qed tħalli riżultati sbieħ. Nieħdu gost ninnutaw il-progress ta’ dan l-artist li deher ukoll li stabbilixxa ruħu fil-qasam tal-arti kontemporanja. Bla dubbju l-aħjar kwadru mimli dawl spikkanti kif ukoll joffri ħemda assoluta, huwa ta’ Mahoney” (p.49).
Minn dak iż-żmien ċertament li Mahoney sar wieħed mill-artisti ewlenin u stabbiliti. U tabilħaqq din id-deskrizzjoni għadha tapplika għaliex id-dawl jispikka fix-xogħlijiet tiegħu u joffru dak il-mument għal riflessjoni. Kull kwadru storja għalih imma dejjem jistiednek sabiex tieqaf u tapprofondixxi. L-istess approfondiment tal-artist li jġgħalek tieqaf mill-ħajja ta’ kuljum u taħseb.
Bosta kwadri jixhdu mument fil-ħajja u għalhekk nistgħu ngħidu li fihom infushom huma bħal vjaġġ spiritwali. In-natura ukoll hija evidenti f’ħafna minn dawn il-kwadru. Qabel xejn il-bniedem fin-natura minn dejjem kien jarha bħala ħolqien li jmur lil hinn mill-ħiliet tiegħu. Fin-natura dejjem għaraf kobor ogħla mill-għerf tiegħu. Imma fl-istess ħn in-natura tagħti spazju wkoll għal esperjenza traxxendentali. Mhux ta’ b’xejn li l-istess ritmu tal-baħar, tħaxwix tas-siġar u saħansitra l-istess kuluri ispiraw numru kbir ta’ artisti u stidnuhom biex jagħmlu din l-esperjenza spiritwali. Mahoney jinqeda b’simboli, bħalma jagħmel ngħidu aħna fin-nattivita’. U wara kollox is-simboli mhux ħtieġa oħra, kif anke jgħid Jung, għall-bniedem? Is-simboli huma ta’ ħtieġa biex nifhmu dak li jmur lil hinn mill-limitazzjonijiet tal-bniedem. Id-defenizzjoni ta’ kull realta’ metafiżika minn dejjem ġiet imfissra permezz ta’ simboli mill-famuża parabbola tal-għar fi Platun sal-parabboli ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret. U hekk għamlu l-artisti tagħna meta b’ħafna figuri matul is-snin umanizzaw ir-realta’ tad-Divin.
Ix-xogħlijiet ta’ Mahoney għaldaqstant iwasslu għal din l-ispiritwalita’ xi wħud taħt il-kappa Kristjana. Ċertament iżda li r-riflessjoni li toħroġ titlaq mill-figuri reliġjużi u titwassal permezz tan-natura u elementi oħra. Li kieku kienet poeżija kont ngħid li l-metafora li juża tmur lil hinn mill-binja tal-knisja imma aktarx li jissellifha mill-elementi naturali . Hekk ngħidu aħna l-Ħniena Divina titwassal permezz ta’ maltempata li fiha wieħed jistaqsi u jitlob propju għall-ħniena. Fil-kwadru “At Peace. All is Accomplished” Ommna Marija tieħu sehem mill-istess imħabba ta’ binha fuq is-salib imfissra bħal nixxiegħa tal-ilma. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet huma mezzi li jgħinunna fid-dixxerniment u li nissieħbu mal-istess artist fil-proċess ta’ meditazzjoni.
Wara sezzjoni twila li fiha l-qarrej huwa mgħejjun bl-opinjoni tal-kritiċi, l-ktieb iwasslilna dawn il-pitturi wara xulxin u għaldaqstant nistgħu ingawdu dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ dan il-ktieb.
Jiena nistieden lill-qarrejja tagħna: Ejja napprezzaw ix-xogħlijiet lokali. Imma aktar minn hekk, ejja nsibu ħin għall-approfondiment, għal meditazzjoni li wara kollox huwa rigal stess għalina nfusna. Ktieb bħal dan jgħolli l-valur tal-librerija tagħna imma fuq kollox jgħolli l-valur kulturali tagħna.
Dan huwa ktieb, pubblikazzjoni oħra ta’ Horizons huwa r-riżultat ta’ snin twal ta’ studju u meditazzjoni minn Mahoney f’tentattiv biex jimmaterjalizza t-timriħ spiritwali u poetiċi tiegħu, flimkien mal-ħolm permezz tat-tila. U aktar minn hekk seta’ jwasslilna kwadri li fihom infushom huma għodda għalina għal serħan u kontemplazzjoni.
it-torca-2021-07-11_18-18 it-torca-2021-07-11_19-19