Awtur: John P. Portelli
Pubblikazzjoni: Horizons

Lina Brockdorff tibqa’ waħda mill-awturi favoriti mal-qarrejja Maltin u mill-aktar imfittxija. Mhux ta’ b’xejn li anke f’din il-paġna kont intervistajt lill-awtriċi u anke tajt ħarsa lejn il-kotba tagħha bosta drabi. “Sailor Jack u Stejjer Oħra” kif jindika ismu stess, jikkonsisti f’ġabra ta’ novelli. 34 storja li żgur mhux ser jiddiżappuntaw lill-qarrejja. F’dawn in-novelli wieħed ser isib bosta elementi li nsibu f’kotba oħra ta’ din l-awtriċi. Xi waqtiet forsi neqsin mit-taħdit, pero’ dak li hemm huwa sinifikanti u jwasslu kemm biex wieħed jidħol fl-istorja mill-esperjenza ordinarja tal-ħajja u anke lejn l-aħħar b’xi sorpriża li jwasslulna.
It-temi li xtaqt nislet minn dawn l-istejjer huma dawn:
Bosta mill-istejjer ta’ Lina Brockdorff huma misluta mil-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant il-qarrejja jirrelataw ħafna magħhom. M’hemmx xejn surreali u huma ambjentati f’ħajja ordinarja u tixbah dik ta’ ħafna minnha. Ngħidu aħna Mariella thejji l-kazzola u tqaxxar u “tqatta’ rqiq il-basal għal istuffat; kienet l-akar biċċa xogħol li tobgħod fost it-tisjir kollu għax għajnejha kienu jdumu siegħa jaħarquha wara. Ippruvat minn kollox forsi issib rimedju.”
Fil-Paġna Letterarja tas-27 ta’ Marzu 2016 kont dehret intervista ma’ Lina Brockdorff fejn fost oħrajn staaqsejtha kif fil-kitba tagħha hemm ċerta fantażija u seħer, imma fl-istess ħin tibqa’ fattwali u realistika. Għal din il-mistoqsija, Brockdorff wieġbet hekk: “Nipprova dejjem inżomm saqajja mal-art, illum li kbirt, anzi nista’ ngħid li xjaħt għandi esperjenza ġmielha ta’ dak li tgħati l-ħajja. Ma nista’ bl-ebda mod ninqata’ minn din ir-realtà. Ma nistax nibbaża storja fuq xi ħadd li xejjer daqqa ta’ sikkina lil sieħbu u minflok demm ħareġ żejt. Tkun ġrajja ridikola kemm tridha. Inkun qed nipprova ngħaddi lill-qarrej biż-żmien, għax waqt li dan qed jaqra biex għal ftit sekondi jinsa l-problemi tiegħu, żgur li mhux ser jaċċetta vavati bħal dawn. Fl-istess ħin nammetti wkoll li l-ħajja ma fihiex biss xewk; għax dejjem, qalb kull tip ta’ xewk ikrah u kiefer, tfeġġ xi warda. Jista’ jkun li ndumu nfittxu dik il-warda, jista’ jkun li nsibuha biss wara li nkunu kważi qtajna qalbna għal kollox, imma hemm tkun. Allura nipprova nżewwaq il-ġrajjiet li waqt li drabi jniggżu xi ftit l-emozzjoni tal-qarrej fl-istess ħin malli fl-aħħar jirnexxilek tilmaħ dak il-lewn delikat u xxomm dik il-fwieħa tal-warda inti tinsa kollox.” Risposta simili ta’ Brockdorff deheret fil-ġurnal letterarju online Il-Pont ta’ Settembru 2021 (p.14),
“Personaġġi u temi partikolari li tittratta fi stejjer bħal dawn? Dejjem nipprova nżomm mar-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Infatti fl-ebda rakkont ma messejt ma’ ġrajjiet straordinarji jew avventuri li rari jiġru billi nkun nixtieq li l-qarrej jidħol kemm jista’ jkun f’dak li qed jaqra, iħoss biċċa mill-istorja, ħaga li aktarx tiġri awtomatikament. Il-personaġġi nsawwarhom fuq nies li nkun naf sew, jew li għallanqas iltqajt magħhom u naf xi ftit jew wisq xi jsarrfu, kif iġibu ruħhom f’dik iċ-ċirkustanza partikulari tal-ġrajja.”
Brockdorff għandha ħabta tibni ċerta stennija fil-qarrej, ngħidu aħna l-bukkett tal-fjuri fuq il-gradenza li għalkemm kellu warda li bdiet titbiel ma setgħetx tmissu (L-imħabba taf tkun bla raġuni, p.147). Imbagħad għandna lil Sunny li ħass il-kuxjenza tniggżu u ra kif għamel u ħeles mill-arloġġ li kien sab fuq mejda (X’kumbinazzjoni, p.189). Hekk ukoll naraw fl-ewwel storja, fejn il-bar bl-isem ta’ “Sailor Jack” laqqa’ lil Kristina Smith ma’ persuna li tatha sorpriża li qatt ma stenniet.
Bosta stejjer ta’ Brockdorff huma tassew ħelwin. Fihom dak l-element li l-qarrej jiggosta. Ngħidu aħna fl-istorja “Mela…mela…mela” (p.135) niltaqgħu ma’ Kenneth li kellu l-vizzju misħut li jgħid “mela…mela..mela… dik ommok qisha l-belha”. Imma mbagħad din l-esprezzjoni jużha fi tmiem tassew ħelu fejn il-maħbuba tiegħu jfakkarha li żgur ma kinetx belha li tatha lilha. Imma mbagħad anke fejn hu iebes hu diffiċli, t-tmiem donnu jinbidel għal wieħed pożittiv. Tajjeb dan? Ħażin? Ovvjament it-tweġiba hija suġġettiva imma t-tmiem ta’ dawn l-istejjer x’aktarx huwa wieħed feliċi. Ngħidu aħna fl-istorja “Meta daret ir-rota” (p.129), Frances fl-aħħar fieqet għal kollox u setgħet tmur id-dar.
Mandy Cilia hija awtriċi ġdida u naħseb li l-ħolma wara dan il-ktieb kienet wara l-popolarita’ tal-istejjer tagħha fil-paġna ta’ Facebook “Mill-Pinna ta’ Mandy Cilia”. Permezz ta’ din il-Paġna Cilia kienet bdiet taqsam magħna xi stejjer ħelwin li jinżlu għasel mal-qarrejja fuq Facebook. Dawn il-Paġni fuq Facebook qed jagħtu ħafna gost u bla dubju ta xejn taw ħafna aktar valur il-mezzi soċjali.
Deċiżjoni tajba li Mandy Cilia għażlet li tippublika dan il-ktejjeb. Wieħed jifhem li dan huwa debutt għal din l-awtriċi, li huwa biżżejjed biex tagħti gost lil ħafna nies. U fl-aħħar mill-aħħar dan l-għan intlaħaq. Xi waqtiet fakkarni f’xi kotba li nkitbu għaż-żgħażagħ bħal ngħidu aħna fiż-żmien kien ħareġ ”It-Triq għaż-Żgħażagħ imma… liema triq?” u oħrajn. Cilia hija żagħżugħa wara kollox, u dawn l-istejjer ukoll huma friski, onesti u b’messaġġ ċar u dirett.
F’ħafna minn dawn l-istejjer għalhekk donnha trid twassal messaġġ li huwa aktarx fil-wiċċ. Ngħidu aħna li wara t-tbissima ta’ persuna hemm it-tbatija (Ġanni l-buffu, p.12); l-Imħabba lejn l-annimali (L-istorja tal-kelb, p.9), it-trawma wara rejp (p.11), u li minkejja li ma trid tagħmel lil ħadd alla tiegħek u l-ħbieb jaf jitfuk fl-għawġ, xi darba wkoll jidher xi“Ħabib”(p.126).
Is-sempliċita’ tal-ħajja tispikka f’bosta minn dawn l-istejjer u l-awtriċi tagħraf l-importanza li
t-teknoloġija ma tisirqilniex ħajjitna (Lill-umani, p.13). Il-bniedem għaldaqstant huwa fiċ-ċentru ta’ dawn l-istejjer. U wara kulll bniedem hemm storja, kif insibu fl-istorja it-tabib, fil-fehma tiegħi waħda mill-aħjar f’din il-ġabra (p.34).
Irrid nagħmilha ċara li dan mhuwiex ktieb għal min ifittex xi kontroversja fl-istorja. Ċertament iżda li huwa ktieb għal min qed ifittex qari mexxej, stejjer qosra u fuq kollox li jagħtuk pjaċir. Wara kollox jekk l-għan tal-qari huwa li jagħti gost il-qarrej, Mandy Cilia laħqet dan l-għan u persważ li `l quddiem ser naraw aktar xogħlijiet ta’ din l-awtriċi.
Żewġ ħsibijiet ġewni hekk kif qrajt dan il-ktieb (a) L-awturi qabdu suġġetti relevanti mislutin minn numru ta’ ġrajjiet u huma kruċjali fil-ħsieb tagħna (b) L-awturi għarfu jinsġu b’mod tajjeb dak li ispirhom biex jiktbu dawn il-ġrajjiet għal dak li hu attwali.
Mill-arti, sa’ xi qtil mafjuż, dan huwa speriment oriġinali ta’ letteratura kollaborattiva: 12-il storja, miktuba bi sħab minn żewġ awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Francis Ebejer, li jispazjaw tul firxa wiesgħa ta’ pajjiżi, relazzjonijiet u emozzjonijiet.
Storja minnhom dwar il-laqgħa li toħodna lura għall-imħabba ta’ Gustav Klimt and Emilie Flöge, żewġ artisti kbar fl-qosma tagħhom: Emilie kienet disinjatriċi tal-moda waqt li Gustav kien pittur. Mill-banda l-oħra niltaqgħu mar-raħħal Turu (propjament Arthur) b’razzett tal-ħnieżer li ltqaqa’ ma’ infermiera li kellha t-tpinija. Iħajjarha biex tmur tgħix miegħu fir-razzett. It-tmiem ta’ din l-istorja mhux wieħed feliċi imma dak inħallih għal din l-istorja. L-esperjenza kiefra tal-gwerra u tal-firdiet bejn il-bnedmin jispikkaw fl-ewwel storja. Hawn niltaqgħu ma’ mara li tersaq quddiem James u meta jsaqsilha isimha twieġbu “B19637” u titolbu bi ħniena biex ma jibgħathiex f’kamp tal-konċentrament. “Sparali sinjur” titolbu.
Dan huwa dak it-tip ta’ ktieb li fl-immaġinazzjoni joffri lill-qarrej esperjenza sensorali, li tinkiseb grazzi għall-informazzjoni vasta li saret dawn l-istejjer minn kanzunetti popolari, tagħrif dwar il-gwerra, l-arti, l-kultura sal-ħajja mill-aktar ordinarja. Il-konklużjoni tal-istorja mhux neċessarjament hija waħda li l-qarrej ser jasal għaliha b’mod faċli. L-isem għaldaqstant tassew xieraq: Innuendo! L-istejjer fihom infushom xi waqtiet bħal jibnu ċeta tensjoni, kurżita’ u anke forsi rabja. Kif insibu anke fil-kopertina ta’ dan il-ktieb, “Darba waħda Ruth talbet lil James biex jisparalha. Flavia neħħiet kull mera li kellha fid-dar. Lil John ġrew warajh bil-ġebel fit-telgħa ta’ Raħal Ġdid, u Turu ħalla l-majjali bil-ġuħ. Miguel kien f’dar ta’ klijenta u fetaħ kexxun li ma kellux jiftaħ, u erbat iħbieb poġġew tarbija f’basket tax-xiri.” L-emozzjonijiet għalhekk jilgħabu logħba ferm importanti. Meta qed naqra dan il-ktieb xi waqtiet ħassejtni qisni parti mill-istorja u jien ukoll irrid nara insibx ħjiel ta’ dak li ser jiġri jew wara kollox għaliex ġara dak li ġara.
Niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ordinarji, eżempju tifel li joħdilha x’xirja d-dar. Mill-banda l-oħra għandna mhux biss episodji minn pajjiżna imma anke barra minn xtutna bħal Venezja, l-Awtrija sa pajjiżi aktar `il bogħod bħal Sri Lanka.
Il-faċċat ta’ dan il-ktieb hija wkoll interessanti ferm: Xogħol ta’ Faye Paris, u naraw wiċċ kompost minn ors, widnejn donnhom ta’ ħanżir u b’maskra venezjana. Ċertament dawn it-tlieta huma ispirati mill-kontenut tal-istejjer infushom.
Tislima lil Anthony Portelli
Huwa xieraq li f’din il-ħarsa insellmu lil wieħed mill-awturi ta’ dan il-ktieb, Anthony Portelli li ħalliena fid-9 t’April tas-sena li għaddiet (tal-2021). Portelli twieled fl-1947 f’San Pawl il-Baħar u kien l-akbar fost tlettax-il aħwa.
Il-bidu ta’ Portelli forsi jmur lura fis-snin tmenin, meta beda jikteb id-drammi l-MTADA fejn kiteb “Deheb Iswed” u “Domino”. Kienu bosta xogħlijiet fuq il-palk ta’ Portelli, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Fost ix-xogħlijiet tiegħu insibu Il-Maskra tal-Imħabba, Triq Burnaby, Ħajja mill-Ġdid and Ċella Numru Ħamsa. Fost ix-xogħlijiet bl-Ingliż tiegħu wieħed isib Best Before End (li ttellgħet fl-1999), They Came for Up Helly Aa (li ttellgħet fl-2003), When Harry lost his marbles (2002), u Celebration (2003). Anthony Portelli rebaħ l-ewwel premju fil-konkors Francis Ebejer għad-dramm Ħajja mill-Ġdid fl-2001, mill-ġdid għar- radjudramm Kiesaħ u Biered fl-2011 u t-tieni premju bir-radjudramm Lippu d-Doggie (2012).
Portelli tana wkoll xi xogħlijiet għat-televixin fosthom Chalì, Rikba bla Ħlas u L-Invażjoni li kienu parti mis-sensiela “Stejjer Qosra” illi deheret fuq One TV. Anke fuq l-Istazzjon Nazzjonali deher it-teledramm tiegħu Ħelsien.

Innuendo, forsi l-aħħar xogħol tiegħu pubblikat huwa kollaborazzjoni mal-awtriċi bravissima Antoinette Borg li wkoll tatna ħafna kotba sbieħ fosthom Fittixni. Fil-fehma tiegħi jagħtina togħma tajba tal-kitba ta’ dan l-awtur.
Nixtieq nikkonkludi billi nagħmel appell: Persuni bħal Anthony Portelli jistħoqqilhom rikonoxximent ikbar. Iva, nibda minni, u dawk kollha li għandhom mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll intom qarrejja, li ssiru tafu x-xogħol tiegħu. Il-kontribut ta’ Portelli lejn il-Letteratura Maltija huwa wieħed kbir.
Daqs xahar ilu attendejt tnedija ta’ ktieb ftit differenti mis-soltu, imżewqa bl-għana Malti. Żweli jirrapreżenta l-imgħoddi differenti ħafna, ħajja li llum qajla nimmaġinawha. U għalhekk kien f’waqtu li Joseph Busuttil iddeċieda li jiddokumenta l-ħajja ta’ zijuh li llum għandu 90 sena. Kif jgħid tajjeb Paul P. Borg li kiteb id-daħla ta’ dan il-ktieb, huwa importanti li jiġu d-dokumentati l-ħajjiet tax-xjuħ tagħna għaliex ma’ kull xiħ u kull xiħa li jitilqu mis-soċjetà tagħna, jieħdu magħhom esperjenzi u tifkiriet li huma imprezzabbli. Żweli huwa persuna li b’xorti ħażina ġarrab ħafna wkoll fosthom il-mewt tal-mara tiegħu u għex armel għal ħafna snin. L-aħħar weġgħa għal Żweli kienet it-teħid tal-art għall-iżvilupp, u għalkemm dan il-bini baqa’ qatt ma’ sar, ir-razzett ta’ żweli u l-għelieqi tiegħu żgur li m’għadhomx kif kienu qabel. Għajr għal-kenn tal-għorfiet li baqa’ u li fihom Żweli għadu jsib il-mistrieħ.
L-intervista għandha valur kbir ħafna fir-riċerka. Din hija l-ħajja ordinarja tan-nies li x’aktarx mhux ser ssibha dokumentata f’sorsi sekondarji u lanqas b’mod żbaljat mibdula f’ħafna eloġji li jwasslu biex noħolqu miti bħal fil-każ ta’ nies popolari. Ħa nkun realistiku, bla ma nkun qed nonqos lill-familja Gatt: Kieku Joseph Busuttil ma kitibx dan il-ktieb ħadd ma kien ser jikteb dwar Żweli. Imma ma Żweli konna nitilfu wkoll l-evidenza, id-dokumentazzjoni primarja li tagħtina ħafna informazzjoni ta’ valur li titfa’ dawl kbir fuq bosta’ użanzi,
Min hu Żweli?
“Qatt ma mar skola, iżda gradwa bl-unuri bil-għaraq ta’ xbinu fuq medda ta’ ħafna snin mill-ogħla għajn ta’ tagħlim, l-Universita’ tal-ħajja.
Ma jafx jaqra, iżda jekk toqgħod tisimgħu tajjeb, jaqsam miegħek kliem li fih x’tomgħod. Ħsibijietu gelgul safi ta’ ilma ġieri li jaqtagħlek l-għatx fl-eqqel sħana tas-sajf. Ma jafx jikteb, l-anqas ismu – jiffirma l-karti tal-bżonn billi jħarbex salib fil-kaxxa jew fuq il-linja. U slaleb ra, u refa’, għax daq sewwa mill-morr tal-ħajja.
Iżda kull darba li xortih sabbtitu mal-art, Żweli ġġieled lura midrub iżda mgħonni b’armar ta’ saħħa minn ġewwa li jrid ikompli miexi ‘l quddiem, li għada jisbaħ jum ieħor ġdid.” (p.23)
Dan il-ktieb joffrielna ħafna tagħrif interessanti tal-ħajja fl-imgħoddi. Fi żmien ta’ qabel il-gwerra meta kien hawn l-għaks, il-Fenek tal-Indja ma kienx jitrabba biss għall-gost imma kienu jagħmlu bormla stuffat tajba bihom ukoll (p.43). Nifhmu li l-Gwerra m’affetwatx Ħ’Attard daqs kemm kienu taħt in-nar ngħidu aħna l-inħawi ta’ madwar il-port il-kbir. Biss, jiftakar tajjeb kif fuq naħa tar-razzett, lejn l-isptar bdew jitħaffru xi xelters. Żweli jiftkar tajjeb ħafna wkoll meta kienu jistkennu fix-xelters u l-bombi li kienu jinżlu. Minbarra l-bombi jiftakar ukoll li kienu jitfgħu “termosijiet bl-isplussivi u hand grenades” (p.53). Billi xi wħud ma kinux jieħdu fuq ħamrija mxarrba, huwa jiftakar tajjeb meta żewġt aħwa kienu qed iżarmaw dawn il-bombi u ħadu f’idejhom. Sfotunatament mietu, waħda mill-esperjenza kiefra tal-gwerra.
Fost l-aktar episodji ta’ niket huma bla dubju ta’ xejn dawk familjari fosthom il-mewt ta’ martu Konza (p.142). Imma ta’ tħassib għalina huwa t-teħid tal-għelieqi għall-iżvilupp għaliex b’xorti ħażina din hija realta’ li qed ngħixu. U l-flus qed jagħmuna pero’ mhux nirrealizzaw li fl-aħħar mill-aħħar irridu x-xogħol tal-bdiewa u r-raħħala tagħna biex nieklu.
Dan il-ktieb għalhekk hu xhieda ta’ ħajja Maltija fl-imgħoddi riċenti li l-qarrej adult sa jintebaħ li spiċċat għalkollox mill-irħula tagħna għax f’lokha daħal il-moderniżmu li bidel mhux biss il-mod ta’ għajxien imma wkoll it-taħdit tagħna, ix-xogħol tagħna u saħansitra l-mod kif inħarsu lejn l-ambjent.
Joseph Busuttil iwassal għadd kbir ta’ avventuri u azzjonijiet b’Malti mirqum u mexxej. Żweli hu x-xiħ li jirrifletti dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu, jitkellem u jwiddeb, jitlobna li nżommu fi kliemu bħala xiħ u niftakru f’art li kienet u issa tbiddlet għalkollox. Żweli jitkellem fuq l-antenati tiegħu u ħajjithom, kull paġna tirrakkonta l-ħidma tiegħu fir-raba’ bħala bidwi u raħħal, il-ħidma bil-baqqun iħaffer it-trinek fit-toroq, bħala biċċier il-biċċrija, u għadd ta’ attivitajiet oħrajn li jirriflettu ħajja sempliċi imma mimlija tbatijiet. Jistedinna bħalma jafu jagħmlu x-xjuħ kollha, li nidħlu fil-ġrajja nostalġika tal-ħajja madwar iz-zuntier u waqt gwerra qalila wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Żweli jaf li l-ħajja trid tibqa’ għaddejja – imma mogħnija b’żieda ta’ għerf u valuri mġedda.
Joseph Busuttil ipinġi lix-xwejjaħ Żweli bħala bniedem elokwenti li juri li jekk aħna ma napprezzawx dak li Alla tana, u ma nkunux nafu mnejn tlaqna, ma nkunu nistgħu qatt insibu fejn irridu naslu bħala ġens. Żweli hu wieħed mill-aħħar bdiewa ta’ Ħ’Attard u jitfa’ dawl qawwi fuq il-ġrajja soċjali u t-tibdiliet kbar li ġarrab dan ir-raħal.
Il-ktieb fih 214 paġna jinkludi ritratti nostalġiċi ta’ soċjetà mgoddija, għandu kumment kritiku ta’ Paul P. Borg, hu pubblikazzjoni tal-Awtur u mitbugħ Progress Press u illustrat. Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mis-sit: https://bdlbooks.com/product/zweli/
Għal xi wħud l-ambjent qed nifhmu dwar l-ambjent rurali u bosta awturi kitbu kontra din il-qerda. Iżda l-ambjent huwa fejn qed ngħixu, dak li mdawrin bih; fi kliem ieħor id-dinja ċkejkna ta’ madwarna. Tajjeb allura noqogħdu attenti li l-ktieb jismu l-ambjent li qeridna (mhux li qridna).
Dan huwa ktieb b’tlieta u ħamsin poeżija oriġinali. Dan hu l-erbatax-il ktieb u t-tieni ġabra ta’ poeżiji bil-Malti li ssawru fuq medda ta’ erba’ snin. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Carmel Scicluna kienet “Il-kalċi qiegħed ifur” diġa tindika l-lehma poeta ta’ dan il-poeta. Dwar dan il-ktieb jien kont ktibt hekk fil-Paġna letterarja ta nhar il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018:
“Il-poeżija ta’ Scilcuna hija bħal warda ġdida fil-poeżija kontemporanja u tinfatam minn temi progressivi u liberali li ddominaw dan l-aħħar snin u għaldaqstant tiftaħ beraħ kurrent ieħor ta’ ħsieb. Jidhirli li l-ħsieb tal-poeta jimxi mal-liġi naturali u jixxennaq għall-qafas soċjali li jikkonserva l-valuri tradizzjonali. Madankollu f’dawn il-poeżiji wieħed ser jistenna wkoll il-protesta u protesta ħarxa kontra kull min jitbiegħed minn dawn il-valuri u juża l-liċenzja artistika tiegħu li jfisser dan l-għadab tiegħu (u frustrazzjoni fl-istess ħin) bl-aktar mod qawwi.”
Jidirli li dan il-ktieb ikompli mal-ewwel ġabra bid-differenza li jwessa’ l-ħsibijiet tiegħu u jifrex fuq aktar temi. F’din il-ġabra fil-fatt Scicluna tbiegħed ferm mill-ermetiżmu u l-oskurita’ tal-versi bikrija. Scicluna f’din l-antoloġija jagħfas fuq il-vers sempliċi u profond. Hemm, fl-aħħar mill-aħħar, evolviment fl-iżvilupp tat-temi u l-kontenut, u maturita’ ikbar fl-immaġinarju poetiku tiegħu.
L-influwenza t’ bosta awturi klassiċi f’din il-ġabra hija evidenti għaliex b’mod intelliġenti Carmel jirreferi għal dawn il-poeżiji u jintegrhom fil-ħsieb tiegħu. Naraw kemm hu infurmat dan il-poeta għax anke fejn m’hemmx dawn ir-referenzi, jagħraf bħalma għamel fil-każijiet li diġa semmejt jibni b’mod tassew kreattiv il-metafora unika tiegħu u jwassal il-viżjoni tiegħu.
Bħala prinċipji minn banda naraw li l-awtur huwa indipendenti, ma jinġarrx bl-ispag tas-soċjeta’ moderna liberali kapitalista u sekulari. B’saħħtu biżżejjed li waħdu lest li joħodha “kontr’għedewwa
Daqs torrijiet falliċi
Magħqudin annuna…” (L-ambjent li qeridna, p.72)
L-istess ħsieb u din l-istess determinazzjoni jesprimihom fil-poeżija “Dritta triqti”:
“Avolja nitlef il-ħbieb
Li jriduni nserrep
Fit-trejqiet tal-moda.
Avolja nitlef ħemel flus
Għax ma naqsamx
Għax-xogħol jirrendi fl-isqaqien”
(p.36).
Din il-poeżija hija ispirata mill-kanzunetta Bitter Sweet symphony, tal-grupp The Verve fejn anke fi-vidjow ta’ din l-istess kanzunetta naraw il-kantant ta’ dan il-grupp Richard Ashcroft jibqa’ miexi fit-triq (Hoxton Street) minn qalb il-folla bl ma jagħti każ madwaru jew ibiddel id-direzzjoni. L-istess determinazzjoni tidher fil-poeżija “Samsa” (p.20), poeżija ispirata mir-rumanz ta’ Franz Kafka li tirrakonta l-istorja ta’ Gregor Samsa li darba fost l-oħrajn iqum u jsib li ttrasforma ruħu f’insett kbir u jrid jara kif jadatta għal din il-kundizzjoni ġdida.
Mill-banda l-oħra huwa jitneżża minn kull pretensjoni u jerġa’ lura lejn dak li huwa essenzjali. Ma jinteressah xejn minn dak li huwa materjali. Fil-poeżija “Bħall-għonja kont nara” (p.37) jgħid:
“Ħbiebi l-kwiekeb, il-lejl, l-għoljiet imbiegħda
U ma rridhomx dad-dawl tal-belt fl-iljieli
Għax serquli rqadi w kiddewli ruħi.”
L-umilta’ tiddomina f’ħafna minn dawn il-poeżiji
“Mill-baxx ninsab ċert bl-istilel fl-għoli” (p.38)
Għall-kuntrarju tas-suppervja tal-bniedem u l-egoċentriżmu, t-tama allura tiġi mill-Fidi:
“Il-ġebel ħaj jistenna
bħal ġinokkjatur
lill-wemmiena” (Ġo żaqq il-balena, p.98).
Scicluna jitnikket li qed jintilfu l-valuri li sawruna. Fil-poeżija “Ħallelin” (p.58) jgħidilna:
“Ma jidhrux dal-ħallelin li daħulna!
Teżori maħżuna fuq elefejn sena
Girfulna – ġawhar ta’ missirjietna!
Sa ruħ il-friżji u l-ġilji selħulna”
Il-ħsibijiet tiegħu ma jħallihomx fil-arja. Jinkwieta wkoll għal pajjiżna Malta, li kif nafu, ċerta drawwiet ta’ dari qegħdin dejjem aktar jintilfu.
“U fejn għosfru l-jiem fejn dammejna l-lewlu
Ta’ mħabbitna fietla, tradizzjonali,
Taħt il-loġoġ kennija ta’ drawwietek” (p.68).
Il-valuri huma dawk li jagħmluh liberu. Li jeħilsuh mill-ktajjen. Forsi kontra ħafna poeti oħra kontemporanji li jippropogaw il-liberaliżmu f’bosta xogħoljiet tagħhom, Scicluna huwa kritiku ħafna għal mod kif
Anke lil bintu jwissi biex toqgħod attenta u ma tispiċċax ilsiera tad-dinja, ma tiġix ikkontrollata fuq x’tilbes u saħansitra x’tgħid.
“Iriduk titkelem
minn telefown
bil-wajer maqtugħ” (p.62)
Donnu l-istess ħsieb jidher anke fil-poeżija “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” ispirata mill-poeżija “Song of Myself” ta’ Walt Whitman li titkellem dwar kif il-bniedem jitwaħħad man-natura u miegħu innifsu. Infakkar li f’din il-poeżija klassika, Whitman iwassal il-messaġġ li kulħadd għandu jkollu vuċi f’demokrazija u jekk dik ta’ xi wħud tkun imċaħħda, allura l-kriterji demokratiċi ma jkunux qegħdin tajjeb. Din il-poeżija kienet influwenzat lill-grupp favorit tiegħi Nightwish, f’kanzunetta li ġġib l-istess isem mill-album Imaginaerum.
Kif semmejna fil-bidu, dawn il-prinċipji fundamentali li sawruh, japplikhom għal bosta sitwazzjonijiet li kidduh, u oħrajn li ħass li għandu jagħtihom tifħir. Jitnikket ngħidu aħna bl-“isparar t’Thousant Oaks, Kalifornja” (p.64), u bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia (Qtil f’nazzjon mafjuż, p.116).
Scicluna għandu ħakma tajba tal-kelma u bħalma min għandu s-sengħa tal-fuħħar jifforma t-tafal hekk dan il-poeta jibni l-kliem tiegħu, ngħidu aħna “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” (p.17). B’mod ġenerali ngħid li fil-ktieb tinħass il-kritika lejn is-sekulariżmu u l-liberaliżmu bħala l-assolutiżmu ta’ żmienna. U kif għid qabel forsi dan l-awtur, naqblu u ma naqblux miegħu, jiddistingwi ruħu, u nammira l-fatt li anke fi vrusu ma jinġarrx mal-kurrent, ma jimpurtahx li jintgħoġob. Ma jimpurtax li joqros ftit anke l-prinċipji li nħaddan jien, xorta joffrielna punti għal riflessjoni. U dan li jagħmlu poeta tant għal qalbi.
Il-ktieb fih 152 paġna, għandu produzzjoni sabiħa u maħruġ minn Horizons. L-Ambjent li qeridna hu preżentement finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Infakkar li Scicluna rebaħ l-ewwel premju tal-Konkors tal-Poeżija Doreen Micallef 2021 b’Submersi Filii, miktuba bil-projective verse u multi-layered; miktuba b’lingwaġġ ċar, personali u dirett fi kliem il-judges li faħħruha u għażluha minn 50 poeżija eliġibbli oħra. hi poeżija li se tidher ‘il quddiem fit-tielet ġabra ta’ poeżiji tiegħu.