Jekk poeta juża l-karta u l-pinna, jekk pittur juża t-tila u l-pinzell, fl-arkitettura jintużaw l-ispazji biex jinħoloq ambjenti li joħolqu sens ta’ armonija fil-bniedem u joffrulu l-possibilta’ li jimraħ fid-dimensjoni spiritwali tiegħu. Imma l-arkitettura mhijiex biss arti imma fuq kollox matematika. U permezz tal-ġeometrija, Richard England joħloq distanzi għal dak li huwa infinit, joħloq spazji biex jgħinna dak li jmur lil hinn minn kull regola matematika li m’hemmx strumenti biex tkejjel dak li jmur lil hinn minn spazji materjali. Nagħmilha ċara li dan mhux ktieb dwar il-knejjes: Huwa ktieb dwar spazji sagri. F’moħħ Richard England kien hemm kull pajsaġġ, kull spazju li l-bniedem jagħraf id-dimensjoni tiegħu. Dan jidhirli huwa l-qofol ta’ dan l-ktieb li jiddokumenta x-xogħol ta’ Richard England f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji sagri. Il-bniedem sa mill-qedem kien affaxxinat biss-sagru, għaliex minn banda ħass li huwa dipendenti minn elementi naturali oħra, ix-xemx, l-ilma, l-ħxejjex u fl-istess ħin għaraf li hemm qawwiet ikbar minnu. It-tempji neolitiċi tagħhna huma xhieda ta’ arkitettura sagra , fejn missirijietna għarfu dak li kienu qed jaraw `il fuq mill-esperjenza umana, ibda mix-xemx sal-istess twelid, ħajja u mewt.
Dokumentazzjoni tax-xogħol ta’ Richard England fi ktieb hija ċertament ta’ valur fiha nfisha. Imma l-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ktieb huma ċertament in-numru ta’ disinji, pitturi u pjani oħra tal-arkitett Richard England li qatt ma ġew immaterjalizzati. Dawn ikomplu jikkonsolidaw l-istess ħsieb u jibnu ma’ xogħlijiet li twettqu u ovvjament fl-istess ħin jagħtuna dan it-tagħrif li qajla kien ikollna u forsi kellna kurżita’ dwarhom.
Il-ktieb jibda’ b’tagħrif dwar ix-xogħlijiet ta’ dan l-arkitett u anke jfisser ir-rabta ta’ postijiet spiritwali u kif inhuma mfissra fil-ħsieb u l-ħila ta’ dan l-arkitett kbir ta’ fama internazzjonali. Huma bosta dawk li jafu lil dan l-arktiett mix-xogħlijiet tiegħu fosthom ta’ lukandi fit-tmeninijiet fejn l-industrija tat-turista kompliet tikber. Ix-xogħlijiet tiegħu ġew rikonoxxuti bosta drabi internazzjonalment, fosthom permezz ta’ 11-il għaqda interenazzjonali tal-arkitettura prestiġjużi u żewġ assoċjazzjonijiet tal-arkitettura fi ħdan il-Commonwealth. Biss, li jagħmel dan il-ktieb differenti huwa li nidħlu b’mod aktar intimu mal-ħsieb ta’ dan l-artist u perit.
Sezzjoni oħra importanti hija dwar dak dak li sawwar l-ħsieb ta’ Richard England. Dan sabiex juri kif ix-xogħol ta’ England huwa riviżitazzjoni tal-passat b’dawk ta’ antiċipazzjoni tal-futur. Irridu ngħidu li l-għerf ta’ dan il-bniedem, ġenju u informat bl-istudju u l-esperjenza, daħħal f’pajjiżna kunċetti innovattivi fl-arkitettura. Imma fl-istess ħin kien ukoll prodott Malti, jaf sew il-kultura, d-drawwiet, u fuq kollox l-arkitettura tagħna l-Maltin. F’din is-sezzjoni naqraw dwar l-għeruq neolitiċi tagħna. It-tempji, bħal numru ta’ poeti (jiġuni f’moħħi Marlene Saliba) affaxxinaw lill-artisti tagħna. Epoka oħra bla dubju ta’ xejn kienet dik barokka u hawn fil-ktieb insibu dsinn tal-Knisja tax-xagħra minn Richard England, fost oħrajn; xempju ħaj ta’ din l-epoka. Ġaladarba qed insemmu x-Xagħra ta’ min wieħed isemmi, għalkemm mhux relatata ma’ dan il-ktieb u t-tema, li hija magħrufa bħala l-villaġġ tal-mara tal–fertilità u tal-mara li għall-Insara, Binha huwa l-ħajja.
Imbagħad għandna sessjoni twila dwar ix-xogħlijiet tiegħu, l-ewwel taqsima hija dwar spazji fejn b’mod metaforiku ngħid jien, is-skiet ikellmek. Kif inhu xieraq jibda propju bil-ġnien dedikat lis-sinjura tiegħu stess, segwit bl- Aquasun Lido, ir-razzett ta’ Sandrina fl-Imġarr, il-ġnien ta’ Apollo San Ġiljan, Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera u ħafna oħrajn. Imbagħad għandna sezzjoni sezzjoni dwar spazji sagri. Dawn huma magħrufa ħafna mal-qarrejja tagħna u fost oħrajn insibu l-Knisja ta’ San Ġuzepp, il-Manikata, il-Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi, fil-Qawra, kappella ta’ Sant Andrija Pembroke, Il-Millennium Chapel, kappella tal-mużew fil-Blata l-Bajda u fergħat oħra, kappella privata f’daru u ħafna oħrajn. Bosta drabi mas-sagru nsibu marbut mal-vjaġġ tagħna lejn ħajja oħra u lejn l-eternita’. U f’dan il-ktieb insibu wkoll numru ta’ kappelli tal-mejtin fiċ-Ċimiterju ta‘ Santa Marija Addolorata. Richard England kien responsabbli wkoll fl-armar tal-Palk meta ġie l-Papa fostna, espisodji li bosta minnha lkoll niftakru. Anke hawn, xejn ma sar kumbinazzjoni u f’kollox kien hemm tifsira.
Interessanti ħafna, kif elenkajt fil-bidu ta’ dan l-artiklu, hija s-sezzjoni dwar numru ta’ proġetti li qatt ma raw id-dawl. Fost dawn insibu l-Knisja f’Ħad-Dingli, l-Kappella tal-Ġiżwiti fil-Qawra,
Disinn tal-kappella għall-isptar Mater Dei (dak iż-żmien kien għadu bil-ħsieb San Raffaele), knisja f’ Ħal Farruġ u saħansitra anke barra minn xtutna fosthom fi Krakova u anke f’Bari. F’din is-sezzjoni nsibu saħansitra pjan għal knisja inter-reliġjuża.
Ta’ min wieħed jgħid li fl-2019 ġewwa Sofija, dan il-ktieb ġie ppremjat midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni internazzjonali tal-Ktieb. Dan il-ktieb kien kofinanzjat minn APS Bank u pubblikat minn Kite Group.
it-torca-2021-07-11_18-18 it-torca-2021-07-11_19-19