Awturi : Immanuel Mifsud u Toni Sant
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin.
M’inix sorpriż li Toni Sant u Immanuel Mifsud jikkollaboraw flimkien fuq dan il-proġett. It-tnejn li huma ħarġu b’ideat friski, esperimentaw fl-oqsma tagħhom. It-tnejn li huma studjaw, qraw ħafna u daħħlu f’pajjiżna ideat ġodda u innovattivi xprunati mil-letteratura li qraw u mill-esperjenza tagħhom barra minn xtutna wkoll.
Dan il-ktieb huwa forma ta’ djarju, mitkub waqt il-perjodu tal-pandemija, b’tapep mużikali li jixprunaw il-ħsieb u l-memorji lura għas-snin sebgħin il hawn. Li ġara kien li matul dan il-perjodu li fih konna magħluqin fid-djar tagħna sabiex nipproteġu ruħna mill-marda ġdida li ġabet bosta tensjoni, kemm Immanuel u kemm Toni (f’dan l-artiklu nippreferi nuża l-ewwel isem kif imdorrijin bih), kienu jtellgħu permezz ta’ facebook numru ta’ memorji li lkoll niftakru u magħhom kienu jinkludu wkoll xi biċċa mużika. Forsi ta’ min insemmu wkoll li f’dawk iż-żminijiet Immanuel kien joffrielna wkoll qari minn xogħlijiet tiegħu, kollox online, li kienu jkunu segwiti ferm.
Għalhekk dan il-ktieb huwa maqsum fi tnejn: Ir-rakkonti ta’ Immanuel u dawk ta’ Toni. Fih insibu erba’ u tletin rakkont kull wieħed, simili bħal dawk li ttellgħu permezz ta’ Facebook. Isfel naraw liema mużika kienu semmgħu dak in-nhar. Pero’ mbagħad fil-kontenut tal-istejjer jissemmgħu ukoll numru ta’ kanzuneti oħrajn popolari – mużika li tant influwenzat nies u mhux inqas lil dawn l-awturi.
Naturalment kif bosta jafu, (Toni huwa espert dwar hekk), kitba fuq Facebook trid tkun qasira biex tkun effettiva. Niftiehmu li dawn l-istejjer ukoll huma konċiżi, iwasslu l-messaġġ b’mod dirett, imma għalkemm ma niftarx dak kollu li kitbu Immanuel u Toni fuq Facebook, nifhem li permezz ta’ ktieb aktar setgħu jartikolaw il-ħsieb u jwasslu aħjar dak li kellhom xi jgħidu.
Lil Toni Sant niftakruh ukoll bil-programm Noti Memorabbli fuq Campus FM, programm li l-għan tiegħu kien propju storjografija tal-mużika. U allura meta rajt dan il-ktieb Jien Noti Jien ma setax ma jfakkarnix fdan il-programm, li naħseb li influwenza mhux ftit l-iżvilupp ta’ dan ix-xogħol.
Li l-qarrej isib xi storja li jiftakar hija xi ħaġa ħelwa u mistennija meta jaqra dan il-ktieb. Fil-ktieb ser insibu dwar meta konna nużaw it-TDK, meta miet Elvis, meta bdejna nerġgħu nieħdu sehem fil-Eurovision u ħafna oħrajn. Irrid ngħid li personalment Toni Sant fakkarni ftit ukoll fiż-żmien tal-MaltaMedia, flimkien ma’ Martin Debattista, għaliex dak iż-żmien kont insegwi sew dan is-sit u ngħatajt permess biex inxandar l-aħbarijiet ta’ din il-paġna fuq radju tal-komunita’. Għall-qarrejja tagħna, xi stejjer jistgħu ikunu nostalġiċi. Imma dawn l-istejjer imorru lil hinn minn hekk. Id-differenza minn djarju normali, hija li l-verita’ f’dan il-ktieb tista tkun mistħajla u żviluppata matul is-snin. Dan ifisser li mhux importanti daqstant il-lealta’ lejn il-fatti kif ġraw, imma għalkemm il-memorja tkun veritiera xorta tista’ tkun selettiva mingħajr ma tkun mistħajla. Għaldaqstant il-fatti li għandna huma magħġuna mill-esperjenza li nġemgħu matul is-snin, għaliex sadanittant u fil-mument li l-awturi qed jirrakontaw dawn il-ġrajjiet, huma laħqu qraw aktar, ġemgħu aktar esperjenzi f’ħajjithom. Tant hu hekk li fil-ktieb stess insibu referenzi aktar riċenti, bħal dik għall-ktieb ta’ Immanuel, Jutta Heim, sabiex tinħoloq referenza għal xi ħaġa li tmur lura aktar fi żmien.
Li laqatni f’dan il-ktieb huwa l-fatt li ma ma jeħilx mal-era lokali ta’ Mintoff u Fenech Adami. Ma’ dawn il-memorji jispikkaw avvenimenti oħra li ġraw madwar id-dinja. Mhumiex neqsin esperjenzi f’Malta, bħar-refernza ta’ meta in-Nazzjon dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-“In_Tagħna” u ħafna oħrajn. Imma mbagħad insibu bosta referenzi għal dak li kien qed jiġri madwar id-dinja. U jekk xejn dan juri kemm dawn il-kittieba kienu dejem attenti, u għandhom x’joffru.
Insibu wkoll referenzi li forsi jekk irid, b’għażla personali, l-qarrej jista’ jgħarrex ftit iżjed fil-ħsieb. U hawn jiġini f’moħħi r-referenza għal ktieb ta’ Paul Willis, Learning to labour u l-famuża frażi li t-tfal tal-ħaddiema jibqgħu fil-qafas tal-klassi tal-ħaddiema.
Forsi l-mistoqsija li tiġi wara li taqra dan il-ktieb hija: Liema huma dawk il-memorji li ma ġewx inklużi f’dan l-ktieb? Hemm xi esperjenzi oħra li tiftakru min għex fdawn iż-żminijiet? Il- mistoqsijiet l-oħrajn huma għall-qarrejja: tiftakru xi eposodji milli nsibu f’dan il-ktieb?
U l-kanzunetti msemmija f’dan il-ktieb, iwasslulkom xi messaġġi?
it-torca-2021-05-30_24-24 it-torca-2021-05-30_25-25