40 paġna mid-djarju ta’ Sandra

Awturi : Kris Dimech
Pubblikazzjoni: Horizons

Tfajla li għadha qed tlesti l-eżamijiet tal-Matsec, mimlija ħolm u aspirazzjonijiet, mhux inqas dawk mal-maħbub tagħha Mikas.  Min jaf kemm ħolm dwar il-futur tagħha!  U imbagħad bħal sajjetta fil-bnazzi li taħsad il-ħajja ta’ Mikas u minn hemm jibda kollox. Mikas intlaqat b’tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien ix-xogħol.  U minn hemm jibdew ħafna mistoqsijiet, li bdew għaddejjin minn moħħha.  X’kien qed jaħbi minnha Mikas matul dawn is-sitt xhur li kienu ilhom flimkien?  Possibli li Mikas ma kienx il-ġuvni li kienet taf hi? 

Ma’ dawn il-mistoqsijiet imbagħad hemm ukoll dawk fl-għassa tal-pulizija, post li qatt ma kienet resqet lejh u sfortunatament issa kellha tagħmel dan għal bosta drabi.  Mistoqsijiet li għalihom ma kellha ebda risposta.   L-istorja tiżvolġi meta nsiru nafu li Mikas kellu jagħti mitt elf ewro.  Insiru nafu lill-familja tagħha, fosthom lil oħtu Ramona.  U imbagħad għandna r-relazzjoni tagħha ma’ Julian.  

Dan il-ktieb jikkonisti f’40 paġna mid-djarju ta’ Sandra, imqassma f’40 kapitlu.  L-istorja tibda fis-17 ta’ Mejju u toħodna f’40 jum ta’ tensjoni, suspans, mistoqsijiet, u fuq kollox ħafna emozzjonijiet.  Il-binja tal-istorja hija waħda eċċezzjonali, kull kapitlu jibni fuq ta’ qablu b’aktar mistoqsijiet jew skoperti ġodda.  Kif wieħed jistenna, waqt li qed taqra bħal donnu tibda tixtieq li tinstab soluzzjoni għal dan il-każ.  U fuq kollox li ssir ġustizzja.  Hija storja realistika ħafna, fejn Kris Dimech jiddeskrivi b’ċerta dettal l-esperjenza ta’ dawn iż-żewġ familji.  L-istorja hija rakkontata fit-tielet persuna, bħal ħafna kotba barranin ta’ dan il-ġeneru.  Biss kull kapitlu jibda b’silta mid-djarju, u allura l-awtur inqeda b’din il-parti biex ikun jista’ jidħol aktar fil-personali u jagħtina l-istorja wkoll minn perspettiva.  Id-djarju fil-fatt iġgħalna nħossu aktar l-emozzjoni u l-ħsus ta’ Sandra.  Għoġobni ħafna l-fatt li l-awtur ma jippruvax ikun dommatiku, ma jagħmilx ġudizzju fuq il-ħajja tan-nies jew jagħti xi spjegazzjoni razzjonali għal kull ma jseħħ.   

Il-ktieb huwa ibbażat fuq dak li Sandra tirrakkonta lill-akbar ħabib tagħha; Id-Djarju.   Imma l-qofol ta’ dan il-ktieb huwa l-istorja mimlija intriċċi, tensjoni u emozzjonijiet.  Fuq kollox ħafna imħabba.  

Kotba oħra ta’ dan l-awtur huma Ix-xirka tal-klieb, Braziliant, Elena u Imħabba u tradiment, l-aħħar tnejn bħad-djarju ta’ Sandra huma l-aktar riċenti.  

it-torca-2021-06-13_18-18

it-torca-2021-06-13_19-19

Leave a Comment