Ċelel bla ħitan

Awtur: Stephen Lughermo

Stephen Lughermo m’għadux isem ġdid fix-xena letterarja Maltija speċjalment wara s-suċċess kbir li kisbu l-kotba tiegħu fost iż-żgħażagħ.  ‘X’Aħna Smart!’ ta’ dan l-awtur kien ir-rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2014, Konkors imtella mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ.     Fis-sena 2018 “Jarmuk” kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fil-kategorija xogħol oriġinali (13 sa 16 -il sena) organiżżat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.  

Ċelel bla Ħitan hija l-ewwel ġabra ta’ novelli ta’ Stephen Lughermo b’pubblikazzjoni ta’ Horizons.  F’din il-ġabra tinħass sew l-esperjenza li Lughermo ġarrab mill-aħħar kotba li kiteb għal żgħażagħ u adoloxxenti.  Waqt li din il-ġabra hija maħsuba għall-adulti xorta f’dawn in-novelli nsibu l-esperjenza umana bħala ċ-ċentru.  U dan naħseb li huwa l-aktar punt b’saħħtu fix-xogħol ta’ Lughermo:  Huwa osservatur kif ukoll jirrifletti fuq bosta esperjenzi u kapaċi jwassalhom bil-pinna b’saħħitha tiegħu.  Dan il-ktieb tah il-lok, mhux biss li jikteb dwar ġrajjiet li huma immirati għal udjenza matura imma wkoll jimrah f’inkontri different u firxa t’esperjenzi usa minn dawk tal-kotba li tana s’issa.  

Kull novella tippreżenta karattru msakkar f’din iċ-ċella psikoloġika, fgat bit-tiġrib passat, preżenti jew ġejjieni tiegħu li jitħabat biex isib il-ħelsien tant mixtieq. L-ambjent magħżul huwa dejjem ta’ xi post ċkejken u soffokanti li fih il-protagonist iwaħħad l-esperjenza tal-għeluq mentali ma’ dak fiżiku.   Il-karattri llkoll jesperjenzaw klawstrofobija tar-ruħ, ibatu għeluq li ma jidhirx, jitħabtu ma’ ħitan inviżibbli bil-ħolma ta’ libertà f’dinja taparsi ħielsa.F’dawn in-novelli, għalhekk, l-awtur jirrappreżenta l-għeluq u l-klawstrofobija tal-ħajja kontemporanja li minkejja li tiftaħar ħafna bil-kunċetti ta’ libertà u drittijiet, għadha xxekkel lill-individwi f’bosta manjieri.

Iċ-ċelel mhumiex l-istess. L-għeluq huwa wieħed.  Ambjentati f’postijiet klawstrofobiċi, in-novelli ta’ din il-ġabra jlaqqgħuna ma’ karattri mill-ħajja ta’ kuljum.  Mill-brejk tal-karozza sal-għanjiet tal-Milied jkomplu jdaħħlu lill-qarrej f’esperjenza sensorjali u aktar jista’ wieħed jistħajjel dak li jkun qed jaqra. It-taħdit f’dawn in-novelli mhux biss ma jagħmlux dawn l-istejjer monotoni imma jkomplu jżidu din l-istess esperjenza.    Insemmu ngħidu aħna l-monotonija tal-awtostrada.  Silta qasira minn din in-novella diġa hija biżżejjed biex wieħed japprezza l-mod kif l-awtur iwassal ir-rakkont, b’tali mod li l-qarrej jesperjenza l-istess sentimenti. 

“Inżilt mit-trakk, nitmattar fl-arja nġazzata ta’ filgħodu u nofroq iċ-ċpar bħal f’xi logħba ta’ tfuliti.  Imxejt lejn id-dawl jinfed minn qalb it-tajjar, bit-tvenvin tal-karozzi fl-isfond, bħal fantażmi jlebbtu wara purtiera bajda.  Il-ġogi kienu għadhom iebsa imma xi ħaġa kienet qed timbutthom lejn id-dawl tal-ħanut.  Kif irfist l-għatba tajt daqqa t’għajn lejn il-bank tal-kaxxiera.  Għall-erwieħ!  Malli rajtha il-kesħa donnha ħarġet minn ġismi”  (Chiolmetro Cinqanstasette, pp-7-8).

Karatteristika oħra li nsibu f’dawn l-istejjer hija li jqabbel ħaġa m’oħra.  Ngħidu aħna jqabbel il-fatt li tfajla tipprova ma tinqabadx minn xi speed camera ma’ realta’ oħra (forsi aktar kruċjali fl-istorja) li tipprova ma tinqabadx mill-maħbub tagħha waqt l-avventura tagħha. 

“Sa minn meta bdiet tistenna l-lezzjonijiet taż-żfin aktar minn tmiem il-ġimgħa.  Sa minn meta bdiet tħoss qalbha taqbeż ma’ kull daqqa t’għajn bis-serqa bejn żifna u oħra.  Sa minn meta bdiet taħbi l-mowbajl minn ħarset Jake u tħabbel moħħha għal xi skuża ta’ aktar reherseal” (B’min trid tidħak, p.27).

Kif għidna Lughermo jidħol fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum.  Insemmi ngħidu aħna il-weġgħa tas-separazzjoni, fejn minn kliem tabib jistaqsik għal parir tal-mara, għall-istess nuqqas tat-tfal għall-preżenza t’ommhom.  Interessanti kif Lughermo għażel il-figura tal-missier, forsi ftit li xejn naħsbu dwarha, minħabba li l-maġġoranza ta’ ġenituri waħidhom huma nisa.  Pero’ ovvjament dak li jgħodd għall-irġiel jgħodd ukoll għan-nisa.

“Daż-żmien sar iħollni iżjed.  Kliemha kien sar għalija bħal ilma li jisqini fl-għatx tad-deżert.  Mhux darba jew tnejn insib ruħi nistaqsi x’għamiltilha ħażin `il din it-tifla, għala minn jum għal ieħor u xahar wara xahar, insibni mbarra minn ħajjitha, donni djanjostikat b’xi marda li tittieħed tant li bilkemm jistħoqqli ħarsitha” (Bla kura, p.47).

Għandna r-realta’ żagħżugħa, waqt id-divertiment karatterizzat mill-użu tal-alcohol (p.79).  

L-aktar element li laqatni f’dawn l-istejjer huwa l-mod kif jieħdu xejra differenti.  U dik is-sorpriża ma tonqosx. Ngħidu aħna dik it-tifla żgħira li tant kienet tifraħ meta kient tkun fil-jott taz-“ziju” tagħha, li fil-fatt ma kienx għajr ħlief ħabib tal-familja.  Imma kellha tagħraf li “Għeruqi ma kinux iż-Żejtun.  Kienu hawnhekk fl-għeluq fgat ta’ jott pensjonant u f’xi belt imbiegħda fil-Belġju” (Il-Kabina, p.41).  Mhux ta’ b’xejn meta kibret umbrat dak l-istess jott li tant kienet titgħaxxaq fih fi ċkunitha!  

Tema oħra li nista’ nislet hija allura dik tal-imgħoddi.   Insemmi ngħidu aħna n-novella “Konfessjoni” (p.55), fejn għandna toqol ta’ persuna anzjana li ma għenetx persuna waqt suwiċidju.  

U la qed nitkellmu dwar sorpirżi:  Xi ġralu t-tabib fin-novella “Is-sena tagħna”.  U s-sid fis-sauna (Rigal) 

Din hija l-ħames pubblikazzjoni ta’ Lughermo wara X’Aħna Smart! (Horizons, 2015), Jarmuk (Horizons, 2017), Ix-Xewqa ta’ Luke (Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care, 2018) u Toni tat-Tritoni (Horizons/Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, 2019).   

it-torca-2021-10-10_20-20

it-torca-2021-10-10_21-21

Leave a Comment