Godfrey Pirotta: Il-Politika ta’ Ħajti

Awtur: Mario Thomas Vassallo

F’pajjiżna għandna numru sabiħ ta’ bijografiji u kif ngħidu, wara kull bniedem hemm storja.  Kull ktieb jiftaħ ġrajjiet fi żminijiet differenti.   Li jagħmel dan il-ktieb differenti huwa l-metodoloġija illi juża.  Kif jispjega l-awtur innifsu, Dr Mario Thomas Vassallo, metodoloġikament, “dan ix-xogħol ma jistrieħx fuq ordni kronoloġiku, kif normalment huma nfassla l-bijografiji, imma huwa mfassal fuq ordni tematiku” (p.9).   Għaldaqstant l-awtur għażel numru ta’ temi li minnhom jislet il-karattru tal-Professur Godfrey Pirotta.  It-temi għalhekk huma Biżà u kuraġġ, twemmin, indipendenza, sempliċità, fiduċja, ġustizzja, lealtà, impenn, umoriżmu, tagħlim, il-verita’, u imħabba għall-ħajja.    Vantaġġ ta’ dan l-istil huwa li l-qarrejja jistgħu jiddeċiedu li jaqraw kapitlu partikolari mingħajr ma jitħawdu jekk ma jkunux qraw ta’ qabel. Dan huwa tajjeb anke għal dawk il-qarrejja li forsi ktieb bħal dan, li minkejja li Mario Thomas Vassallo jikteb bi stil mexxej ħafna, xorta waħda jħossu li t-tul jaqtgħalhom qalbhom.  

L-akbar vantaġġ ta’ dawn it-temi huwa li taw l-possibilta’ li joħroġ aħjar il-kuntest u u fuq kollox il-personalita’.  Mill-banda l-oħra Vassallo jpoġġi dawn il-kapitli b’mod intelliġenti ħafna, b’tali mod li xorta waħda hemm sekwenza, anke jekk Vassallo ħaseb li fil-bidu tal-ktieb jagħmel kalendarju kronoloġiku.  

Kawtela iżda kuraġġ 

Minn tifel kontinwament imwerwer (p.22), Pirotta għeleb kull biża’ sabiex sar il-personalita’ li hu – persuna li ssielet għal bosta ideali, li għallem ħafna, u fuq kollox li rriċerka ħafna.   Persuni bħal Malcolm X u Martin Luther King influwenzawh  bil-kbir u l-ideal li jiġġieled kontra l-inġustizzji.  Il-ktieb joffri sfont taċ-ċirkostanzi ta’ dawk iż-żminijiet fosthom il-Gwerra tal-Vjetnam, il-Konċilju Vatikan II, il-Politika tal-apertheid u L-mużika rokk ta’ protesta ta’ dak iż-żmien (p.35).

Jidhirli li dan il-fatt ta’ l-possibilta’ lil Pirotta biex jitgħallem minn diversi esperjenzi u jagħrbel f’ħajtu.  Kapaċi jieħu deċiżjonijiet li jinfdu, pero’ mhux persuna li jemmen fil-ġlied.  Assertiv imma mhux agressiv.  Anke fl-interpretazzjoni tiegħu tat-twemmin nisrani, huwa jara f’Ġesu’ ta’ Nazaret (probabbli wkoll ispirat ħafna )  bħala l-bniedem il-ħanin, li ma ddejjaqx jagħmilha mal-foqra u dawk fil-periferija tas-soċjetà, li ma kienx elitista imma ta’ prinċipju.  Dan mhux dejjem kien il-każ fil-każ tal-Kattoliċi f’Malta u anke membri ta’ reliġjonijiet oħrajn madwar id-dinja.   Fil-fatt huwa qal li “meta jqabbel l-għemil ta’ kompassjoni u l-ħlewa ta’ Ġesù mar-rabja u l-isteriżmu li ra fost il-Kattoliċi f’Malta u minn membri ta’ reliġjonijiet oħrajn kontra kull min ma kienx jaqbel magħhom, ma kellux għalfejn jieħu ħafna ħin biex ikun jaf fuq liema naħa għandu jpoġġi lilu nnifsu” (p.60).  Tajjeb li niftakru li s-seperazzjoni bejn Knisja u Stat anke f’pajjiżna ma kinetx minn dejjem daqstant ċara, u grazzi għal nies bħal Pirotta u politiċi progressivi li ħadmu qatigħ biex dan isir.  Sa minn meta kien żagħżugħ, fi kliemu kien diġa ppożizzjona ruħu “kontra l-poter sekulari li kienet tgawdi l-Knisja” (p.61). 

Dan il-pass kien jeħtieġ kuraġġ imma, nikkwota l-ktieb u mhux dirett lill-protagonist, “ma tistax taspira li tkun indipendenti mingħajr ma tkun kuraġġuż” (p.88).   Awturi bħal Oscar Wilde, Albert Einstein kienu kruċjali fil-formazzjoni tal-ħsieb indipendenti.     Godfrey Pirotta minn dejjem kien favur il-welfare state  u skontu dawk li llum qed jitkellmu kontra dan il-kunċett soċjali “allaħares ma kienx il-welfare state biex setgħu jaslu fejn waslu” (p.71).   Il-Welfare state u l-ħsieb indipendenti mhumiex kontra xulxin.   Huwa jemmen bi ħsieb għaldaqstant li t-“tagħlim huwa l-ewwel pass biex il-bniedem tabilħaqq jibda jgawdi mill-mobiltà soċjali u hekk l-ulied jgħixu aħjar minn missirijiethom u ommijiethom u nanniethom” (p.139).  Dan fil-waqt li dejjem emmen bi sħiħ f’soċjeta solidali (p.143). 

Is-sempliċità hija valur ieħor importanti għaliex fi kliemu, ħafna nies ikollhom viżjoni jew aspirazzjonijiet li jkunu “aqwa jew aħjar minn ħaddieħor” (p.106) 

Il-bniedem riflessjoni tas-soċjetà ta’ madwaru

Xi ħaġa sabiħa li nsibu f’dan il-ktieb hija li joffri tagħrif dwar ġrajjiet oħra lil hinn mill-persuna.  Vassallo jgħaqqad dawn b’mod intelliġenti ħafna, fejn ngħidu aħna l-biża’ u l-kuraġġ li nsibu fl-ewwel kapitlu jgħoddu kemm għall-biża’ li kien iħoss Pirotta fi ċkunitu u affrontha b’kuraġġ kbir, kif ukoll għal dik tas-soċjetà ta’ dari li kienet timbotta l-biża’ fost oħrajn mill-infern sabiex iżżomm il-kotra kwieta.  

Ċertament biża’ reali li kien hawn kien dak tal-mard fosthom il-Polju u t-tuberkolożi (p.25).  Billi ħafna tfal kienu jmutu żgħar “It-twiebet il-bojod kienu xi ħaġa komuni” (p.25).   

Pirotta twieled fis-sena meta ngħata l-vot lill-mara f’Malta (p.160) u ma jistax jonqos li f’dan il-ktieb jagħti jitkellem dwar l-inġustizzja li n-nies sofrew matul is-snin.

Godfrey Pirotta kien chairman tal-bord editorjal tal-pubblikazzjoni “Il-Ħsieb” ta’ bejn l-1978 u l-1981.  Dan il-magażin bl-għan li jippromwovi ħsibijiet xellugin u indipendenti kien poplari mmens fil-fatt kien jinbiegħ “aktar mill-gwida” (p.101).   Għaldaqstant dan il-fatt qed nagħtih importanza f’dan il-artiklu.  F’intervista li kien ta lili Godfrey Pirotta kien qalli hekk: 

“Il-magazin il-Ħsieb kien l-idea tas-Sur Alfred Baldacchino, ex-MP Laburista li kien ġie elett f’isem il-Partit Nazzjonalista f’elezzjoni każwali imma kien qasam għan-naħa Laburista. Għalkemm il-magazin jista’ jiġi meqjus bħal tiegħu għaliex hu kien bdih u kien jiffinanzjah, imma għal xi raġuni ma sabx l-appoġġ ta’ Mintoff u wara ftit ħarġiet jiena kont ġejt avviċinat minn Alex Sceberras Trigona biex nieħu responsabilità għalih. Jiena kont avviċinajt nies bħal Evarist Bartolo, Victor Laiviera, Robert Cefai, Victor Cassar, Godwin Cini u oħrajn biex il-Ħsieb ikun jista jkompli jigi ppubblikat. Billi la jiena u lanqas Evarist ma stajna nkunu edituri kien sar qbil li Alex Sciberras Trigona jieħu dan l-irwol. Konna intfajna b’ruħna u ġisimna fix-xogħol. Għalkemm il-magażin kien identifikat mal-Partit Laburista fir-realtà qatt ma kellna indħil mill-Partit. Anzi meta waqt konferenza generali tal-Partit Laburista xi ħadd ħareg jistaqsi għaliex fil-Ħsieb konna ngħidu affarijiet li ma kinux idoqqu għal widnejn, Mintoff kien qam jiġi u qallu biex ma jindaħalx għaliex hekk ried il-magazin għaliex għalih kien qisu l-vuċi tal-element żagħżugħ.” 

U xi jgħidilna dwar il-Perit Mintoff?  Fi kliemu:

“L-aħjar mod ta’ kif kellek taġixxi miegħu kien li l-ewwel tagħtih iċ-ċnas kollu biex jgħid dak li għandu jgħid u turih li qed tifhmu sewwa, imbagħad tibda tgħarbel il-proposta tiegħu ma’ dak li diġa tkun taf.  Hu kien jibqa’ jisimgħek b’attenzjoni u jerġa’ jagħmillek patafjun mistoqsijiet biex ikompli jsaffi u jorqom miegħek l-argument li jkun beda” (p.101).  

Bħala Professur tax-xjenza politika, ma jistax jonqos li f’dan il-ktieb jitkellem fit-tul dwar il-politika u l-poter.  Huwa jikkwota mill-Vanġeli sa Machiavelli.  Fuq kollox huwa jemmen bi sħiħ li l-ġustizzja soċjali teħtieġ “bidla totali fil-qlub tan-nies” (p.178).   Dak li jiddefenixxi l-bniedem għalih mhuwiex is-suċċess ekonomiku, mihiex il-kompetizzjoni li rawmuna fiha.

Konklużjonijiet tiegħi 

Dawn il-ktieb huwa qabel xejn għodda essenzjali għal dawk kollha interessati fil-politika.  Mhumiex biss l-istudenti tal-istudji politiċi, imma anke kandidati, dawk midħla tax-xandir u l-poplu b’mod ġenerali li tajjeb li jaqraw dan il-ktieb.   Dan il-poplu Malti, li tant huwa “akkanit” fejn tidħol politika imma forsi jeħtieġ ukol li jinforma aktar lilu nnifsu dwar numru ta’ valuri. 

it-torca-2021-09-26-1_16-16

it-torca-2021-09-26-1_17-17

Leave a Comment