Lupu Lupettu, Serafin, Kukku, Rosetta Banana

Żgur li Malta ixxurtjati li f’din il-gżira żgħira insibu numru sabiħ ta’ kotba għat-tfal bil-Malti. Numru ta’ kittieba li ma nistax insemmihom kollha hawn, għarfu jiktbu stejjer ħelwin għat-tfal jew jadattaw xogħoljiet barranin b’ilsien Pajjiżna.

Bl-iżviluppi ġodda fil-qasam edukattivi, fejn it-tfal saru aktar parteċipi u fiċ-ċentru tat-tagħlim, il-kotba bdew jilħqu aktar l-iżvilupp ħolistiku tat-tfal. Ma’ dan l-iżvilupp wieħed ma jistax ma jsemmix il-kompetizzjoni li l-kotba kellhom mat-teknoloġija li llum hija parti mill-ħajja tat-tfal. Id-dinja tal-ktieb ma tistax twarrab dan il-kuntest. Dawn l-erba’ kotba ġodda, pubblikazzjoni Merlin Publishers, huma parti mis-sensiela “Id-dinja tagħna”. Il-ħsieb wara din is-sensiela kien propju dan; li joffri lit-tfal qari għall-gost b’mod fejn it-tfal mhumiex passivi imma parteċipi attivi. Il-kotba f’din is-sensiela huma biex ngħid hekk interattivi fejn it-tfal jaraw u jesperjenzaw.

L-erba’ kotba li għandna hawn huma immirati kemm għal tfal żgħar ħafna u anke għal dawk li diġa jafu jaqraw. Dan għaliex f’dik li hija estetika ivarjaw ferm ir-riċetta konvenzjonali ta’ linja wara linja mingħajr ma joħolqu diffikulta’ biex it-tfal ċkejknin li għadhom kif jibdew jaqraw, isegwu l-istorja; anzi l-aspett viżwali jgħin sabiex it-tfal jesperjenzaw dak li hemmm espress fi kliem. Ma’ dan wieħed iżid ukoll l-istampi sbieħ li mhumex qegħdin hemm biss biex ‘iżejnu’ dawn il-kotba, imma biex jgħinu lit-tfal jidħlu parti mill-istorja.

L-istejjer huma ħelwin għat-tfal ċkejkin u b’kull ktieb irid iwassal messaġġ:

Lupu Lupettu ma tantx qam burdata tajba.
Ħares fil-mera u ma ħax gost b’li ra:
ried jipprova jkun kulur differenti.
Imma l-biċċa mhix faċli daqskemm ħaseb …
Tema: il-kunfidenza fik innifsek

Kukku kantant famuż. Jiġu annimali mill-ġungla kollha biex jisimgħuh ikanta, kulħadd jaf il-kanzunetti tiegħu u ssib ritratti tiegħu ma’ kullimkien. Imma darba waħda Kukku jqum filgħodu b’uġigħ qawwi fid-darsa …
Tema: is-saħħa u l-iġjene

Serafin huwa t-tifel tar-re tad-dniefel u moħħu biex jittanta u jdejjaq lil sħabu l-ħut. Tistgħu tobsru allura li ma tantx hu popolari magħhom. Sakemm darba jeħel ma’ tieqa ta’ dgħajsa u ma jkun jista’ jinqala’ b’xejn. Ajjut! Min se jgħinu? X’jista’ jagħmel waħdu?
Tema: l-umiltà

Rosetta Banana hija ħanżira ħelwa immens, imma meta tmur skola ġdida ħadd ma jkun irid jagħmel ħbieb magħha. Jgħidu li tinten!
Imma b’xorti tajba titfaċċa Qoton, in-nagħġa, li toħroġ b’idea ġenjali biex Rosetta tagħmel il-ħbieb …
Tema: il-ħbiberija

Fejn tidħol it-tema ukoll laqatni il-mod kif inhi ppreżentata, mingħajr użu ta’ retorika, imma t-tagħlima tal-istorja toħroġ waħidha fl-istorja li tkun tat gost it-tfal. Nafu li kważi nazzarda ngħid aktar mit-tagħlim akkademiku, f’etajiet iżgħar huwa ferm importanti l-iżvilupp tal-karattru. Dawn l-istejjer allura, mhux biss iħallu t-tfal jimirħu fl-immaġinazzjoni u l-fantażija, imma waqt li qed jiggustaw dawn il-karattri, jgħinuhom ukoll jiżviluppaw il-karattru tagħhom.
(L-Orizzont, 8 ta’ Marzu 2014)See Translation— with Chris Gruppetta.

Leave a Comment