Klessidra

L-ewwel darba li ltqajt mal-kitba ta’ Lillian Sciberras kien permess tal-ġabra tagħha flimkien ma’ Mario Vella Wara r-Repubblika. Mal-ewwel Sciberras tat indikazzjoni tal-kitba tagħha u bdew jidhru ħsus favur l-emerġinat u xenqa li titlaq mill-għanqbut tal-imgħoddu u li tħares lejn soċjeta’ aktar moderna u progressiva. Bħala poeta iżda, rrid ngħid ukoll li Sciberras mill-ewwel għarfet tħaddem tajjeb l-ilsien Malti, b’għażla tajba ta’ kliem li jiddistingwu l-poeżija minn proża. Għażla minn dawn il-poeżiji nsibuhom miġbura wkoll fl-ewwel sezzjoni ta’ din il-ġabra. Wara r-repubblika dan il-pajjiż beda jaħseb biex jimxi ‘l quddiem wara sekli sħaħ ta’ ħakma barranija u dik ta’ soċjeta’ iddominata mill-Knisja u mill-forzi oħra konservattivi.
“Bħal katavri ta’ wirdien u ħlejqiet oħra mmermra
Bis-saħta siekta ta’ sekli barranin
Fl-oqrba Barokki”
(Iż-żifna tal-katavri)

Ma jistax jonqos li l-poetessa li hija wkoll edukatriċi tirrifletti dwar is-sistema edukattiva li hija tant għall-qalb. Hija dik l-edukazzjoni li tnaffar il-kreattivita u l-innovazzjoni u minflok tinkoraġġixi l-passivita’.
“Il-pitazzi, b’paġni maqtugħin
u bit-tiċlis tal-linka sewda
qaluli għal darb’oħra l-istejjer
minsuġa minn moħħ għażżien,
u bkejt il-ħrejjef li tgħalllimt
u tant għożżejt.”
(Fil-kaxex tat-tfulija)

Id-drittijiet tal-mara huma wkoll elementi importanti mmens fil-kitba ta’ Sciberras, l-aktar meta wieħed jara l-kuntest li fis-snin 80 dawn kienu għadhom neqsin ħafna. Kien fil-fatt f’dawk iż-żminijiet li bdejna naraw bosta drittijiet ċivili ġodda li jħarsu d-drittijiet tal-mara. It-tkasbir tad-dinjita’ tal-mara narawha mfissra bl-aktar mod qawwi fil-poeżija “Il-Ballata tal-Ballata”. U għalhekk naraw aspett ieħor importanti tal-poetessa: Mhux biss li twassal messaġġ imma li tħoss għall-ħaddieħor, partikolarment għall-emarġinat u l-batut.

Matul il-medda tas-snin, il-ħsibijiet ta’ Sciberras aktar immaturaw, forsi nazzarda ngħid saru anqas ribellużi. Dawn narawhom fit-tieni sezzjoni fejn insibu poeżiji li għalkemm ġew pubblikati f’diversi antoloġiji jew ġurnali, qed narawhom miġbura għall-ewwel darba f’dan il-ktieb. Il-poetessa tosserva l-iċeken elementi li forsi ftit li xejn nosservaw fil-ħajja tallum u temanċipa ruħha ma’ min qed ibati, kemm bniedem u saħansitra annimal. Ninnota wkoll din ir-rabta man-natura, u jissemmew fost oħrajn, il-baħar, sħab, ix-xtieli, ħamiem, qtates (Veduta tal-baħar), fenek (Dwar agunija ta’ fenek), gremxula, riħ (Ħarifa) u bosta oħrajn. Tgħanni wkoll lill-baħar (Għanja tal-baħar) u lill-ftuħ (Għanja tal-ftuħ). Minkejja l-maturita’ fil-ħsieb li semmejt aktar ‘il quddiem, Sciberras xorta waħda tixxennaq għall-ħelsien fil-ħsieb:

“Fis-sema sadattant
Il-gawwi li ġie jżurna”
Imħarrek u kurjuż,
Jiżfen fil-għoli ż-żifna tiegħu bla tfixkil
Fil-wisa’ ħielsa tas-smewwiet.”
(Hekk kif tinħass ġol arja x-xitwa)

Il-metafora tal-gawwi insibuha wkoll f’poeżiji oħra f’din il-ġabra. Sciberras ukoll tixxennaq li tmur lura fit-tfulija, fejn tgħix “għal ftit, il-kenn u l-għożża tat-tfulija u l-ġabra, u l-għaqda, u t-tinbix ta’ aħna u nitrabbew” Li tħares lura, tagħraf aktar l-identita’ tiegħek, “imqar biex nikkonferma x’mingħalija” (Bħal minutiera ta’ arloġġ li waqaf jaħdem). Din ix-xenqa narawha f’bosta poeżiji oħra. “Tifkira” ngħidu aħna hija dedikata lil ommha, waqt li “Tifkira II” lil missierha. Interessanti l-fatt li minkejja l-ispirtu ta’ avventura, t’għatx għall-bidla saħansitra jekk hija riskjuża, xorta tistaqsi “Għaliex ma nibqgħux dejjem hawn ingawdu l-kenn li tagħti din il-bitħa?” (Tifkira). Huwa evidenti ħafna li r-rabta mal-familja tagħha hija b’saħħitha maghha, mhux biss mal-ġenituri imma wkoll ma’ ħutha.

Dr Lillian Sciberras hija lekċerer fl-Universita’ ta’ Malta u tat servizz kbir fil-Librerija tal-istess Universita’. Waqqfet ukoll id-Dipartiment tal-Istudji Bibljotekarji Artistiċi u tal-Informazzjoni. Minbarra poeżiji kitbet ukoll proża li ġew pubblikati f’Happenstance: Tales of Circumstance. Klessidra: Versi taż-żmien maħrub, għandu daħla ta’ Dr Adrian Grima.
(L-Orizzont, 19 ta’ Mejju 2014)

Leave a Comment