L-esperjenza ta’ Salv Sammut fil-kamp trejdjunjonistiku magħġuna mal-pinna tajba tiegħu speċjalment f’dik li hija narrattiva huma elementi ta’ dan il-ktieb li wieħed m’għandux jitlef. Id-dibattitu jaħraq fiż-żmien tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, u l-pożizzjoni ta’ Unjin kbira, il-General Workers Union li minn banda qed tara numru ta’ vantaġġi bi sħubija, u min-naħa l-oħra hija nkwetata wkoll u kommessa sabiex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema partikolarment dawk f’xogħlijiet manwali li kienet tirrapreżenta ma jiġux mittiefsa, huma sfond kruċjali f’dan il-xogħol ġdid ta’ Salv.
Kien għalhekk f’waqtu li l-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Horizons Publications għadha kif ħarget rumanz ġdid biex hi wkoll tagħti sehemha fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-avveniment importanti fl-istorja politika u soċjali ta’ Malta. Dan ir-rumanz, bl-isem ta’ Dijaspori ġie miktub minn Salv Sammut, kittieb ta’ rumanzi soċjali oħra kif ukoll kotba tal-poeżija.
Fost il-karattri prinċipali ta’ dan ir-rumanz insibu lil Rebecca, tfajla bint laburist konvint li kienu qed jibżgħu li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja ser ikun ifisser l-għeluq tat-tarzna fejn kien jaħdem missierha, jekk jinqatgħu is-sussidji. Niltaqgħu ukoll ma’ Pavel, poeta slovak fis-snin ta’ qabel u wara l-invażjoni sovjetika f’dik li qabel kienet iċ-Ċekoslovakkja li kien jaħdem fil-qrib ma’ Alexander Dubcek u kittieba Ċekoslovakki oħra biex jeħilsu lil pajjiżhom mill-ħakma komunista. It-tielet karattru li niltaqgħu miegħu huwa Ronald, uffiċjal għoli fil-General Workers Union li jħossu fin-nofs jitqabad id-dijaspora ġewwenijia tiegħu bejn dak li jemmen fih huwa u l-post ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja u l-lealta’ tal-pożizzjoni li jkollu.
Dan ir-rumanz jerġa’ jqanqal bosta memorji u emozzjonijiet ta’ dawk il-mumenti fejn id-dibattitu jekk nidħlux fl-Unjoni Ewropeja kien wieħed jaħraq. Huwa wkoll mafkar ħaj għal dawk kollha li ħadmu bis-sħiħ kemm favur u kemm kontra is-sħubija, biex fl-aħħar mill-aħħar jaraw li pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
(L-Orizzont 3 ta’ Mejju 2014)