Għada l-Knisja Kattolika tkun qed tiċċelebra l-akbar festa tagħha. Huwa għalhekk li anke f’din il-paġna, kif għamilna anke fl-aħħar paġna letterarja iddedikajniha għal dawn il-ġranet tant importanti għall-insara, u nistgħu ngħidu hekk anke fl-aspetti kulturali u reliġjużi ta’ dan il-pajjiż.
Lil hinn mit-tradizzjoni imma, Mary Haber O.F.S tgħinna nirriflettu ftit aktar fil-profond fuq din il-ġrajja fuq il-personaġġi ewlenin tal-Għid il-kbir. Min kienu ix-xhieda ewlenin li Ġesu’ ta’ Nazaret qam tassew mill-mewt? Partikolarment hemm Marija ta’ Magdala (paġna 24-34), li minn dejjem kienet qrib ħafna ta’ Ġesu’ u baqgħet miegħu sal-aħħar. Imma wkoll hemm xhieda oħra importanti, fosthom l-għassiesa li kif anke nsibu fil-ktieb “wieħed jista’ jaħseb li ma kinux ftit!” (paġna 35). Kienu bosta dawk li raw lil Ġesu’ ħaj wara li qam mill-imwiet, u l-ktieb jagħmel bosta referenzi, fosthom MK 16:12-13 u LQ 24:36, fost oħrajn. La darba semmejna lil Marija ta’ Magdala, irridu ngħidu li n-nisa kienu protagonisti f’din il-ġrajja tant importanti, li jiena personali nħoss li l-istorja li toħroġ minn soċjeta’ patrijarkali ma tagħmilx ġustizzja magħhom. Għalhekk kien f’waqtu li Haber tiddedika kapitlu (paġna 20) propju għan-nisa li ssejħilhom “l-appostli tal-Għid”.
Il-ktieb jagħti wkoll dettalji storiċi importanti mmens, fosthom kif Ġużeppi minn Arimatija keffen lil Ġesu’ f’liżar nadif. Ma jonqosx ukoll it-tagħlim spiritwali li Haber tipprova toħroġ minn din il-ġrajja, partikolarment ħsibijiet misluta mill-Iskrittura. Ta’ min wieħed jgħd ukoll li dan il-ktieb huwa bil-permess tal-Knisja u għandu introduzzjoni ta’ Fr Hayden.
Haber tatna mhux inqas minn 36 ktieb bosta minnhom ta’ natura reliġjuża u spiritwali. L-istil tagħha huwa wieħed li jista jinqara u jiġi miftiehem minn kullħadd, bi kliem sempliċi u dirett imma mirqum ħafna. Dan huwa ktieb li mhuwiex biss marbut ma’ jum wieħed, imma għal dawk li jemmnu, huwa skoll sors t’għajnuna biex din l-akbar ġrajja għall-Insara tibqa’ tiġi mgħixa matul is-sena kollha.
(L-Orizzont, 19 t’April 2014)