Fis-27 t’April 2014 se jiġu kanonizzati l-Papa Ġwanni Pawlu II u Papa Ġwanni XXIII. Inkitbu bosta kotba dwar dawn iż-żewġ Papiet maħbubin: Il-Papa Ġwanni XXIII, il-Papa tal-Konċilju jew kif kien magħruf bħala l-Papa twajjeb u l-kbir Papa Ġwanni Pawlu II. Lil Papa Ġwanni Pawlu II bosta minnha niftakruh, għexnieh, rajnieh kemm f’pajjiżna u kif ukoll bosta drabi fuq il-mezzi tax-xandir. It-tfal iżda, ma jiftakruhx bħalna. Kien għalhekk f’waqtu li joħroġ ktieb għat-tfal, propju fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II.
Il-ktieb L-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu II għandu kitba ta’ Frank Zammit, persuna li nistgħu ngħidu li huwa espert tal-Vatikan, u ġie addattat għat-tfal minn Rita Saliba, awtriċi llum stabbilita li nafuha għal bosta kotba tagħha anke ma’ tfal u żgħażagħ. Il-ktieb jinkludi it-twelid ta’ Karol Wojtyla., meta sar saċerdot u Isqof u dak li għamluh Papa daqstant kbir. Fil-funeral tiegħu instema’ għajjat ta’ “Qaddis minnufih”. Insibu wkoll dwar dak li wassal biex dan il-Papa jersaq lejn din il-Kanonizzazjoni, fosthom il-mirakli. Interessanti ħafna wkoll ix-xhieda ewlenija tal-Papa Kbir fosthom Isqfijiet u Kardinali li ħadmu qrib tiegħu. Il-ktieb gie pubblikat kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz (The Life of Pope John Paul II).
Il-ktieb mhux sempliċiment jiġbor il-ġrajjiet ewlenin tal-ħajja ta’ Ġwanni Pawlu II, imma wkoll irid iwassal diversi valuri propju mill-ħajja tal-Papa Qaddis. Ngħidu aħna insibu dwar l-imħabba sinċiera, il-maħfra u t-tama.
Il-ktieb fih 100 paġna b’45 illustrazzjoni oriġinali tal-artist David Schembri. Nafu li t-tfal jiggustaw ktieb bl-istampi u t-tipa kif ukoll l-istampi jappellaw ħafna għat-tfal.
It-tnedija uffiċjali tal-ktieb se ssir il-Ħamis 10 ta’ April fl-Iskola St Dorothy’s Haż-Żebbug u se ssir minn Mons. Arcisqof Pawlu Cremona (u għalhekk se tkun ukoll esperjenza għal dawk kollha li ser jattendu għal din il-preżentazzjoni). Inħeġġu għalhekk li tattendu għal din it-tnedija uffiċjali.
Ta’ min wieħed ifakkar li Kite Group għadhom kif ħarġu il-ktieb George Abela: Qalb in-nies, u matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet mijiet ħarġu bi ħġarhom sabiex jixtru dan il-ktieb.
Dawn iż-żewġ kotba jinsabu għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba jew jistgħu jinxtraw minn fuq www.kitegroup.com.mt.
(L-Orizzont, 5 t’April 2014)